Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħaddiema tad-Dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma li hemm diversi ħaddiema tad-dwana li se jitneħħewlhom il-public holiday allowances kif ukoll is-Sunday rates billi jintefgħu fuq day duties biss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-taħdidiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Kollettiv tal-Customs Class għadhom għaddejjin.

OPM — Konsulenza

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 16376 u 16677 u jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex

Question

B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 16766, jista' jekk jogħġbu jispjega u jgħid: x'inhuma l-mekkaniżmi uffiċjali u formali biex il-Ministeru għal Għawdex jipparteċipa fit-tfassil ta' kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija; meta daħlu fis-seħħ dawn il-mekkaniżmi; x'kienet il-politika u x'kienu l-proġetti nazzjonali li l-Ministeru għal Għawdex ipparteċipa fit-tfassil tagħhom sena sena minn meta ġew introdotti dawn il-mekkaniżmi; x'inhuma d-drittijiet u d-doveri statutorji li għandu l-Ministeru għal Għawdex f'dawk l-oqsma li hu responsabbli direttament għalihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16766 paragrafu mmarkat numru 1 kif ukoll għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17322.

OPM — Segretarju Permanenti

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 16472, jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex is-Segretarju Permanenti fl-uffiċċju tiegħu qiegħed jitħallas id-differenza bejn skala 1 u skala 2 bħala allowance talli qiegħed Acting Director General fl-istess uffiċċju, meta l-ogħla grad tiegħu, jiġifieri dak ta' Segretarju Permanenti, hu dak ta' skala 2?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif diġa spjegajt fit-tweġiba għal-Mistoqsija numru 16472 l-allowance ingħatat talli s-Segretarju Permanenti baqa’ jaqdi wkoll id-doveri ta’ Direttur Ġenerali fil-Management and Personnel Office. Ingħatat bħala allowance id-differenza bejn skala 1 u skala 2 biex jiġi aċċertat li, ukoll bl-allowance, is-salarju ta’ skala 1 ma jinqabiżx.

OPM — Segretarju Permanenti

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 16472 fejn il-Prim Ministru qal li s-Segretarju Permanenti fl-uffiċċju tiegħu qiegħed jitħallas id-differenza bejn skala 1 u skala 2 tas-salarji tal-gvern, jista' jgħid għaliex l-istess uffiċjal mhux jitħallas is-salarju ta' Direttur Ġenerali (skala 3) meta skond kif jgħidu r-regolamenti meta uffiċjal ikun ilu acting f'kariga għall-aktar minn sitt xhur, tibda titħallas is-salarju ta' dik il-kariga biss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi r-regolamenti dwar acting appointments fil-pożizzjonijiet ta’ kapijiet huma applikabbli biss meta dan huwa rikjest mill-liġi jew fil-kaz ta’ Diretturi tas-Servizzi Korporattivi.

Immigranti Illegali — Barracks

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid liema hija l-kumpannija li bniet in-new camps (barracks) u l-fence ġodda għall-akkomodazzjoni ta' l-immigranti illegali f'Ħal Far? Jista' jgħid kemm swiet l-ispiża biex sar dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b'kuntratt wara sejħa għall-offerti jew permezz ta' direct order? Jista' jgħid ukoll jekk suldati ħadmux fuq dan il-proġett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Nru. 16471, 16470, 16663, 15987 u 15990.

AFM — Bonus lis-suldati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li s-suldati assenjati bħala drivers waqt iċ-CHOGEM u suldati għassa ma' l-immigranti illegali ngħataw Lm30 u Lm45 bonus rispettivament, is-suldati l-oħra ma ngħatawx dan il-bonus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Nru. 16774 u 16552.

NSO — Turisti

Question

Peress li jekk wieħed jara l-istatistika ta' kemm kellna turisti f'Settembru 2005 isib differenza bejn dak li jgħid l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika u dak li jgħid l-ajruport internazzjonali ta' Malta, l-MIA, jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għal dan u kif l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika jispjega dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-total ta’ departures skond l-MIA f’Settembru 2006 kien ta’ 154,012. Dan jinkludi : a) 20,089 Maltin li siefru minn Malta b) 2,186 transits , u c) 520 barranin mhux klassifikati bħala turisti. Jekk jitnaqqsu dawn l-aħħar tlett figuri mill-figura ta’ 154,012 jibqa 131,217 li hi l-figura ta’ turisti li ħallew Malta bl-ajru f’Settembru kif indika l-NSO fin-News Release 230/2005 tat-28 ta’ Ottubru 2005.

Ġbir ta' VAT

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 15658, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk teżistiex breakdown ta' l-Lm427,121 li nġabret bħala VAT mill-edukazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dawn id-dettalji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari numru 16531 seduta numru 340.

Sptar Mater Dei — Xiri ta' apparat mediku

Question

B'riferenza għall-informazzjoni dwar xiri ta' apparat għall-isptar Mater Dei li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra (PL3740) nhar l-Erbgħa 28 ta' Settembru 2005, jista' il-Prim Ministru jagħti rendikont ta' apparat mediku li nxtara għall-isptar Mater Dei bejn Ġunju 2005 u Novembru 2005 u li ma kienx imniżżel fil-lista li ġiet impoġġija fuq il-mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm kien il-valur ta' dan l-apparat? Jista' jagħti rendikont tad-ditti u l-kumpanniji li mmanifatturaw dan l-apparat mediku? Jista' jagħti rendikont separat ta' l-apparat li nxtara mingħand kull ditta u l-ispejjeż involuti? Jista' jagħti rendikont ta' l-apparat li għad fadal jinxtara għall-isptar Mater Dei?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari 16528 seduta Numru 340.

Self minn banek kummerċjali — Ħaddiema tad-DENIM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministeru tal-Finanzi wasalx għal xi ftehim mal-banek kummerċjali fir-rigward ta' self li għandhom magħhom il-ħaddiema ta' DENIM Limited u fiex jikkonsisti dan il-ftehim? Jekk fl-affermattiv, kienu nformati dwaru l-ħaddiema ta' l-imsemmija fabbrika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif kont ħabbart fid-diskors tar-replika tiegħi dwar il-Budget ta’ din is-sena, kienu saru diskussjonijiet mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi mal-Banek Konċernati li qablu li jagħtu zmien ta’ mil-anqas sitt xhur fejn il-pagamenti jiġu sospizi sakemm il-ħaddiema konċernati jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Id-dettalji ta’ l-individwi kollha ġew issa mogħddija lill-Banek mill-Ministeru tal-Finanzi u hu mistenni li l-Banek issa jagħmlu kuntatt mal-ħaddiema direttament.

Dħul għall-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern settur b'settur mill-oqsma tal-lukandi, ristoranti, skejjel li jgħallmu l-lingwi barranin, kumpanniji għall-għaddasa barranin u kumpanniji kollha jew traders turistiċi reġistrati mad-dipartiment tat-taxxi interni jew tal-VAT tul is-snin 2003, 2004 u 2005 f'dawn il-kategoriji ta' dħul: Taxxa tal-kumpannji, VAT; Bolla tas-sigurta' soċjali; Eko-kontribuzzjoni u taxxi oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ċentru għall-klandestini

Question

Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma, riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16471, li x-xogħol ta' kostruzzjoni li sewa Lm112.744 b'direct order sar kollu minn Ballut Blocks u ma kienet involuta l-ebda kumpannija oħra bħala sub-contractor fix-xogħol, anke jekk il-kumpannija Ballut Blocks kienet responsabbli għaliha? Jista' jiċħad jew jikkonferma li xi proprjetarju/i u/jew direttur/i u/jew managers tal-kumpannija Ballut Blocks għandhom parentela ma xi deputat tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-ordni ingħatat lil Ballut Blocks Limited u l-parti l-kbira tax-xogħol saret minnhom. Iżda infurmat ukoll li x-xogħol tat-tqegħid tal-madum sar minn Velmann Ltd u x-xogħol tal-Aluminium sar minn Sun Aluminium. Sa fejn hu infurmat dan l-Uffiċċju, ħadd minn dawn it-tlieta ma għandu l-ebda parentela ma xi Deputat, Segretarju Parlamentari jew Ministru tal-Gvern.

AFM — Journeyman's Certificate

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għaliex mhux is-suldati kollha li għandhomn il-journeyman's certificate huma magħduda bħala li għandhom trade?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li, kuntrarjament għal dak li japplika fis-Servizz Pubbliku, fejn il-‘journeyman’s certificate’ jiġi msarraf awtomatikament fil-grad ta’ ‘tradesman’ skond il-Ftehim Kollettiv, fl-Armata r-Regolamenti jistipulaw li biex suldat jiġi rikonoxxut bħala ‘soldier tradesman’ u biex jiġi stabbilt f’liema kategorija jiġi klassifikat għal fini ta’ remunerazzjoni, iridu jiġu eżaminati il-kwalifiki tiegħu minn ‘Trade Assimilation Board’. Jien infurmat ukoll li dawk is-suldati li jippreżentaw il-‘ journeyman’s certificate ’ lill-awtoritajiet ta’ l-Armata dejjem jingħataw rikonoxximent adekwat għas-sengħa li jkollhom. Jekk l-Onor Membru jaf b’xi każ partikulari fejn dan ma sarx, nitolbu jgħaddihuli biex jiġi investigat.

NSO — Statistika dwar it-turiżmu f'Għawdex

Question

Jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra statistika rilevanti miġbura mill-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika ta kemm qattgħu ljlieli f'Għawdex it-turisti f'dawn is-snin: 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ ljieli li t-turisti għaddew f’Għawdex huwa stmat li kien kif ġej: Sena Iljieli Average length of stay 2001 446,763 10.3 2002 468,885 11.5 2003 448,763 11.7 2004 490,536 11.2 2005 723,010 11.6 Nota: Din id-data bdiet tinġabar mill-2001. Iċ-ċifri ta’ turisti li joqogħdu Għawdex jiġi ppubblikat b’mod regolari xahar b’xahar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.

OPM — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi matul is-sena 2005 mill-ministeru u d-dipartiment li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu? Ta' liema tip kienu u kemm swiet kull waħda minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.

Ċensiment Nazzjonali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm waqt il-ġbir ta' tagħrif għaċ-ċensiment nazzjonali li sar f'Novembru li għadda kien hemm persuni li ma nstabux u li ma nġabarx it-tagħrif dwarhom? Jista' jgħid kemm ma nstabux persuni, lokalita' b'lokalita', f'Malta u Għawdex? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm kienu nisa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li t-tagħrif mitlub ma jeżistix għaliex fil-pajjiż m’hawnx reġistru tal-popolazzjoni definittiv li kontrih jista’ jitqabbel it-tagħrif miġbur miċ-Ċensiment tal-Popolazzjoni u tad-Djar. Minkejja dan, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika qiegħed juża t-tagħrif amministrattiv li jeżisti sabiex jevalwa t-tagħrif miġbur miċ-Ċensiment u sabiex jistabbilixxi l-għadd tan-nies de facto lokalita’ b’lokalita’ nhar is-27 ta’ Novembru 2005. Dan ix-xogħol għadu għaddej.

Spiża fuq l-edukazzjoni

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża pubblika fuq l-edukazzjoni bħala persentaġġ tal-GDP mis-sena 1994 sas-sena 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub li jista’ jingħata hu għas-snin 1998 u 1999 fejn l-ispiża tal-gvern fuq l-edukazzjoni bħala persentaġġ tal-GDP kienet ta’ 5.7 u 5.6 rispettivament. Dawn il-figuri huma skond il-Classifications of Functions of Government (COFOG) li hi klassifikazzjoni dettaljata tal-Eurostat tal-għanijiet jew oġġettivi soċjo-ekonomiċi li entitajiet fis-settur tal-‘General Government’ jippruvaw jilħqu permezz ta’ tipi varji ta’ nfiq. Sa l-aħħar ta’ din is-sena hu mistenni li tkun lesta l-allokazzjoni skond il-COFOG għas-snin 1995 sa 1997 u allura jiġu ppubblikati l-persentaġġi mitlubin mill-Onor. Interpellant għal dawn is-snin. Għalissa mhux ippjanat li ssir l-allokazzjoni simili għas-sena 1994. Għal tagħrif iktar riċenti fuq dan is-suġġett nirreferi lill-Onor. Interpellant għan-News Release numru 18/2006 ippubblikata mill-NSO fil-31 ta’ Jannar 2006 paġna 3.

Dħul għall-Gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16575 u jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern settur b'settur mill-oqsma tal-lukandi, ristoranti, skejjel li jgħallmu l-lingwi barranin, kumpanniji għall-għaddasa barranin u kumpanniji kollha jew traders turistiċi reġistrati mad-dipartiment tat-taxxi interni jew tal-VAT tul is-snin 2003, 2004 u 2005 f'dawn il-kategoriji ta' dħul: Taxxa tal-kumpannji, VAT; Bolla tas-sigurta' soċjali; Eko-kontribuzzjoni u taxxi oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16575 f’din l-istess Seduta .