Jista' l-Ministru jagħti breakdown dettaljat tal-main accruals li għandu l-gvern? Kemm minnhom huma dovuti lill-kuntratturi tal-kostruzzjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Jekk l-Onorevoli Interpellant, b`Main Accruals` qed jirreferi għall-fondi li ġew approprijati fl-1998 u li bis-saħħa tal-Att Legali 254 tal-1998 ġew awtoriżżati biex jitqiegħdu f`kont separat minn fejn dawn il-fondi setgħu jinħarġu wara l-1998 bi ħlas għall-iskopijiet li għalihom dawn l-istess fondi kienu ġew approprijati, allura d-dettalji dwarhom huma dawn:
i. Lm6.9 miljuni dovuti lil-IPSE Ltd. mill-Ministeru għas-Servizzi
Ekonomiċi;
ii. Lm0.558 miljuni dovuti lill-kuntratti li ħadmu xogħol fuq it-toroq;
iii. Lm1.5 miljuni dovuti bħala ħlas in parti ta` arretrati ta` pagi u
salarji skond l-aħħar Ftehim Kollettiv għall-impjegati tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid min se jagħmel ix-xogħol tad-dwana fid-diversi fergħat tal-Maltapost plc f'Għawdex meta l-uffiċjali tal-General Service li bħalissa qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol jirritornaw lura fis-Servizz Pubbliku?
Billi kontra dak li jsir fil-branches kollha tal-posta f'Malta, fil-branches tal-posta f'Għawdex isir ix-xogħol kollu tad-dwana inkluż ir-rilaxx ta' pakki domestiċi li jaqbżu l-Lm100 u pakki kummerċjali li jaqbżu l-Lm50, jidhirlu l-Ministru li dan ix-xogħol għandu jiġi ċentralizzat u jsir minn uffiċjali tad-dwana li jkunu jiffurmaw parti mill-istaff tad-dwana tal-Parcel Post Office?
Jidhirlu l-Ministru li x-xogħol tad-dwana fid-diversi fergħat tal-posta f'Għawdex ma għandu qatt u għal ebda raġuni jitħalla jsir minn kumpannija li aktar 'il quddiem tista' anke tiġi privatizzata?
Jaf il-Ministru li jekk dan jitħalla jsir ikun qiegħed jinħoloq preċedent u kumpanniji oħra bħalma huwa (il-Port Ħieles) jista' jitlob ukoll li uffiċjali tal-kumpannija tiegħu jibdew jiġbru l-Import Duty, il-levies u anke l-VAT?
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-każ li jkun hemm deċiżjoni li d-dwana fid-diversi fergħat tal-posta f'Għawdex tibda tinġabar minn uffiċjali tal-Malta post plc, din id-deċiżjoni għandhiex l-approvazzjoni ta' l-Awditur Ġenerali?
Response (DALLI, JOHN)
Il-punti mqajma fil-mistoqsija kienu diġa bdew jiġu ttratti xi żmien ilu u kien qed jiġi studjat kif sistemi li jintużaw mid-Dwana fis-servizz tal-Posta f`Malta jiddaħħlu f`Għawdex biex wieħed ikun jista` jilqa` għad-diffikultajiet imsemmija u jkun hemm uniformita` fix-xogħol li jsir fil-fergħat tal-Posta kemm f`Malta kif ukoll f`Għawdex.
Din il-materja qed tiġi kkunsidrata biex jittieħdu d-deċiżjonijiet li jinħtieġu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jaħseb illi għandu jieħu l-gvern mingħand l-MFA f'arretrati tal-VAT? Jista' l-Ministru jgħid jekk issa l-isports kollha humiex se jkunu soġġetti għall-ħlas tal-VAT u jekk le, għaliex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif diġa` kelli l-okkażjoni inwieġeb għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7869, se jittieħdu dawk il-provedimenti meħtieġa biex il-VAT li suppost tħallset fl-1995, 1996 u 1997 tiġi maħfura.
B`riferenza għat-tieni parti tal-Mistoqsija, u kif diġa` kelli l-okkażjoni nwieġeb għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 7870, il-provvista minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt ta` dawk is-servizzi li għandhom x`jaqsmu ma rikreazzjoni sportiva jew fiżika huma eżenti bla kreditu. Iżda jekk l-istess organizzazzjoni tipprovdi servizz taxxabbli jew prodott taxxabbli bi ħlas, dik l-organizzazzjoni tkun obbligata li tiġbor f`isem il-Gvern it-taxxa dovuta skond l-Att. L-istess sitwazzjoni tapplika wkoll taħt l-Att tal-1997 dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa mingħajr ebda distinzjoni bejn organizzazzjoni u oħra, dejjem kif ipprovdut fil-liġijiet imsemmija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Customer Help Desk ta' l-Inland Revenue Department reġax wieġeb għall-ittra tat-taxpayer li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament dwar it-talba miċħuda tiegħu in konnessjoni ma' objection letters li d-dipartiment bagħat lit-taxpayer nhar il-21.5.99?
Kien hemm każi fejn IT 105 forms spiċċaw intilfu fid-dipartiment?
Response (DALLI, JOHN)
Ma naħsibx li għandi nagħti informazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtorizzat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament jew l-amministratur tiegħu.
Rigward it-tieni parti tal-interpellanza, id-dipartiment mhuwiex konxju ta` xi każi partikolari li xi formoli IT 105 ntilfu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jinġabru arretrati tal-VAT mill-biljetti tad-dħul għal-logħob tal-football f'Malta u f'Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta` taxxa tal-VAT li l-għaqdiet tal-football f`Malta u f`Għawdex huma obbligati li jħallsu jkun magħruf meta dawn l-għaqdiet jibagħtu d-denunzji ma jiddistingwux bejn taxxa li titħallas fuq bejgħ ta` biljetti tad-dħul għal-logħob tal-football u taxxa li titħallas fuq servizzi u\jew prodotti taxxabli oħra provduti mill-istess għaqdiet.
Rigward it-taxxa tal-VAT taħt l-Att tal-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u t-taxxa tas-CET taħt l-Att tal-1997 dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru l-arranġamenti meħtieġa mad-Dipartiment sabiex l-għaqdiet ikkonċernati jkunu meħlusa milli jħallsu t-taxxa taħt iż-żewġ liġijiet imsemija skond il-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinfetaħ branch tal-Mid-Med Bank jew Bank of Valletta fil-lokalita' ta' Sta. Luċija?
Response (DALLI, JOHN)
Il-ftuħ ta` fergħat hija deċiżjoni ta` natura kummerċjali tal-banek. Skond l-Att ta` l-1994 dwar il-Kummerċ Bankarju, bank lanqas ma għandu l-obbligu li jitlob permess mill-Awtorita` Kompetenti biex jiftaħ fergħa ġdida ħlief li jagħti avviż lill-Awtorita` qabel ma jiftaħ din il-fergħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-Income Tax Department Re-engineering Task Force? Meta?
Response (DALLI, JOHN)
L-Inland Revenue Department Re-engineering Task Force sa issa ltaqa` ħames darbiet f`dawn id-dati:
20 ta` Jannar 1999
28 ta` Jannar 1999
3 ta` Frar 1999
10 ta` Marzu 1999
23 ta` Ġunju 1999
Jista' l-Ministru jgħid speċifikament għal liema taqsimiet tas-settur pubbliku u tal-koprorazzjonijiet parastatali kien qed jirreferi meta waqt diskors lill-Fond Monetarju Internazzjonali (l-IMF) qal li l-gvern tiegħu kien se jintroduċi miżuri biex jirrazzjonalizza u jagħmel streamlining tar-riżorsi u jtejjeb l-effiċjenza tas-settur pubbliku?
Response (DALLI, JOHN)
Ir-riferenza hi għas-servizz pubbliku u ażjendi kollha parastatali li permezz ta` privatiżazzjoni u riorgranizzjoni fejn meħtieġ għandha titjib l-effiċjenza.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex jagħmel użu minn mobile phone li jsir ħlas għalih mill-fondi tal-Ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm laħqet l-ispiża ta' dan l-użu mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Marzu, 1999? Jista' wkoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-irċevuti konnessi?
Response (DALLI, JOHN)
Naħseb li l-onorevoli nterpellant japprezza li, fl-1999, mhiex xi ħaġa straordinarja, u żgur li hekk għandu jkun, li Ministru jkollu użu ta` `mobile phone`.
Jien infurmat li bejn il-5 ta` Settembru 1998 u l-aħħar ta` Marzu 1999 in-nefqa fuq il-`mobile phone` nagħmel użu minnu jien kienet ta` Lm395.23. Ma narax il-ħtieġa li nqiegħed l-irċevuti fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-introjtu tal-Gvern mil-Lotterija Nazzjonali u mil-lottu tas-Sibt, sena b'sena mill-1990 sa din is-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija ppublikata fir-Report Annwali tad-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku. Id-dħul għall-1999 sal-31 ta` Mejju huwa Lm65,844 (Lotterija Nazzjonali) u Lm437,816 (Lottu tas-Sibt).
Wara li l-gvern biegħ l-isħma kollha tiegħu fil-Mid-Med Bank lill-HSBC, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb biex l-ishma li fadallu fil-Bank of Valletta jinbiegħu ukoll?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru totali ta' taxpayers irreġistrati mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni li jaqgħu taħt il-kategoriji ta' azjendi jew entitajiet kummerċjali (a) f'Malta u (b) f'Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
In-numru ta` taxpayers li jaqgħu taħt il-kategoriji ta` ażjendi jew entitajiet kummerċjali huwa ta`:
a. 22,177 b`uffiċċju reġistrat f`Malta; u
b. 526 b`uffiċċju reġistrat f`Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jinżammu s-Lm6.9 miljun li dehru bħala allokati u maħruġa lill-IPSE matul is-sena finanzjarja 1998, fl-Estimates 1999? Il-fondi ġew trasferiti lill-IPSE u jekk iva, meta ġara dan? Jekk dan it-transfer għadu ma sarx, x'kienet ir-raġuni?
Response (DALLI, JOHN)
Is-Lm6.9 miljuni ġew trasferiti lill-IPSE Ltd. f`April ta` din is-sena mit-Treasury Clearance Fund fejn kienu għaddew f`Diċembru li għadda mill-Fond Konsolidat bħala nefqa għas-sena Finanzjarja 1998 (Estimi Supplimentari). Din it-transazzjoni seħħet bis-saħħa ta` Avviż Legali 254 tal-1998.
Jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm inġabret taxxa tal-VAT xahar b'xahar matul l-1999; kemm kien id-dħul (revenue) mit-taxxa tad-dazju, customs u sisa matul l-1999; u 3) kemm huwa r-revenue f'income tax xahar b'xahar matul l-1999? Kemm kien id-dħul (income tax) matul l-1996, 1997 u 1998 xahar b'xahar?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6630?
Response (DALLI, JOHN)
Qiegħed nehmeż lista tal-membri kollha tas-Segretarjat tiegħi li turi: (i) il-kariga tagħhom; (ii) liema minnhom qegħdin b`kuntratti; (iii) it-total tan-nefqa individwali bejn Settembru 1998 u Marzu 1999 fuq mobile phones ta` dawk il-persuni li huma ntitolati għall-użu ta` mobile; u (iv) id-data effettiva tal-ftehim li ffirma\t kull wieħed\waħda mill-membri ta` l-istaff skond il-Memorandum `Engagement of Staff in Private Secretariats` li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f`Novembru li għadda - liema Memorandum sarulu xi emendi li wkoll ser jitqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġranet li ġejjin.
Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-onorevoli interpellant huma kollha konformi ma` dak imniżżel fil-Memorandum, inkluż il-fatt li m`hemm l-ebda persuna sekondata minn xi organizzazzjoni parastatali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni (taxpayers) li għandhom jieħdu xi arretrati mill-inland revenue? Kemm hi s-somma totali li għandu jagħti l-gvern? Kemm ħallas il-gvern lura f'arretrati lil taxpayers li ħallsu żżejjed kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin? Kemm gawdew persuni kull sena? Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' l-irħula jew bliet fejn kienu joqogħdu dawn il-persuni li rċevew l-arretrati lura kull sena għal dawn l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, JOHN)
In-numru ta` taxpayers hu ta` 30,305. L-ammont eżistenti hu ta` Lm17.3 miljun.
F`dawn l-aħħar snin tħallsu dawn l-ammonti:
1999 (sa Mejju) 1,360,000 (Numru ta` taxpayers - 17,648)
1998 2,840,500 (Numru ta` taxpayers - 17,825)
1997 2,989,163 (Numru ta` taxpayers - 21,957)
1996 3,299,197 (Numru ta` taxpayers - 32,253)
1995 1,997,938 (Numru ta` taxpayers - 16,545)
1994 1,488,949 (Numru ta` taxpayers - 18,210)
Jista' l-Ministru jgħid min kien in-nutar li ppubblika t-trasferiment ta' l-ishma tal-gvern fil-Mid-Med Bank lill-HSBC?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif jaf tajjeb, it-trasferiment tal-isħma li kellu l-Gvern Malti fil-Mid-Med Bank plc lill-HSBC sar permezz ta` `Put-through` fil-Borża ta` Malta. Dan ma jirrikjedi ebda tip ta` servizz nutarili. Ngħid ukoll li l-`Brokerage` għal dan it-trasferiment ta` isħma sar mill-Bank Ċentrali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku għamilx xi studji oħra dwar l-introduzzjoni tal-pools qabel l-elezzjoni ta' l-1996? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn/dan ir-rapport/i?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma sar ebda studju mid-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku dwar l-introduzzjoni tal-pools qabel dak li ġa għalih irreferejt fit-tweġiba għall-mistoqsija Numru 7576.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar liema prodotti u servizzi relatati ma' l-isports se jkunu affettwati bid-dħul tal-VAT?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif kellu diġa l-okkażjoni inwieġeb għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7870, il-provvista minn organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt ta` dawk is-servizzi li għandhom x`jaqsmu ma rikreazzjoni sportiva jew fiżika huma eżenti bla kreditu. Iżda jekk l-istess organizzazzjonijiet jipprovdu servizz taxxabbli jew prodott taxxabbli bi ħlas, huma jkunu obbligati li jiġbru f`isem il-Gvern it-taxxa dovuta skond il-liġi. Dan jgħodd kemm taħt l-Att tal-1994 u l-Att tal-1998 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u kemm taħt tal-1997 dwar it-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa.
Mhux neċessarjament li dawn is-servizzi jew prodotti huma marbuta ma` l-isports.