Tista' il-Ministru tgħid jekk il-flat li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex vojt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-appartament indikat mill-Onor. Interpellant ilu propjeta’ privata mill-1999 u għalhekk mhux kompitu ta’ xi dipartiment jew entita’ li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħi li jaraw jekk hux vojt jew le.
Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ tal-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li l-post tagħhom huwa kkundannat u li fih jgħixu disgħa persuni? Jistgħu dawn is-sinjuri jiġu nformati bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni indikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna konċernata lit-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Tista' il-Ministru tindaga x'jista' isir sabiex il-koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fejn ir-raġel huwa bniedem soġġett għal diżabilita' fiżika li timpedih minn kull attivita' ekonomika, tiġi assenjata akkomodazzjoni stante illi sfat żgumbrata mill-fond li preżentement tinsab alloġġjata fih b'ordni tal-qorti u la għandha post alternattiv u lanqas mezzi finanzjarji biex isibu alloġġ ieħor?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax li l-iżgumbrament li rrefera għalih Onor. Interpellant hu mill-appartament indikat.
Ninsab infurmata wkoll li dan l-iżgumbrament hu suġġett ta' appell quddiem il-Qorti, liema appell għadu sub judice.
Tista' il-Ministru tgħid min ta l-awtorizzazzjoni, u fuq liema bażi, li ssir il-wheelchair bay li llum hemm quddiem r-residenza li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għoti ta’ permessi għal Reserved Parking, inkluż dak għal persuni b’diżabilita’, jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-Awtorita’ dwar it-Trasport.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista' il-Ministru tara l-każ tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li hija wheelchair bound u ma tistax toħroġ minn darha peress li quddiem d-dar tagħha hemm ġibjun u hemm bżonn li jkollha rampa biex ikun jista' ikollha aċċess?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ebda Dipartiment jew entita’ li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi m’huma responsabbli li jagħmlu x-xogħol indikat.
Nissuġġerixxi li l-persuna ndikata tingħata parir tavviċina lill-Kunsill Lokali tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid x'titjib u xi tkabbir fis-servizzi sar mill-aġenzija Sapport mill-aħħar budget 'il hawn meta s-somma li ngħatat lil din l-aġenzija telgħet minn Lm270,000 għal Lm507,000?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li matul l-2004, l-Aġenzija Sapport bdiet iżżid sostanzjalment in-numru ta' klijenti u servizzi li kienet qed tagħti. Iż-żieda fil-flus allokati lil din l-Aġenzija fl-2005 kienet prinċiparjament tirrifletti l-fondi meħtieġa biex dawn iż-żidiet fin-numru ta' klijenti u servizzi tkun sostnuta matul 2005.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Housing inspectors
Question
Tista' il-Ministru tgħid meta mistennija jmorru l-housing inspectors tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali f'fond f'Ħaż-Żabbar li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li huwa okkupat minn aktar minn seba' persuni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi d-Dipartiment ghall-Akkomodazzjoni Soċjali ma għandux applikazzjoni pendenti mingħand il-persuna ndikata.
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Housing inspectors
Question
Tista' il-Ministru tgħid meta mistennija jmorru l-housing inspectors tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex jispezzjonaw fond fil-Birgu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-ispezzjoni fil-fond li għamel referenza għalih l-Onor. Interpellant saret fil-25 ta' Lulju 2002.
Familja u Solidarjeta' Soċjali — Żieda fil-prezz tal-fuel
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm hu kkalkulat li tiswa lid-dipartimenti/entitajiet, eċċ taħt id-dekasteru tal-ministeru l-ispiża ta' 4c fuq l-għoli tal-prezz ta' fuel li rriżultat nhar it-Tnejn 3 ta' Ottubru, 2005?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-għoli tal-prezz tal-fuel b’seħħ mit-3 ta’ Ottubru 2005, hu kalkulat li jiġi jiswa lill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, madwar Lm433 fix-xahar.
Dan ma jfissirx li mhux ser jittieħdu passi biex ikun hemm ekonomija fil-konsum biex tiġi limitata kemm jista’ jkun din iż-żieda.
Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Każ dwar file number
Question
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, baqgħet qatt ma rċeviet il-file number mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi proċessata.
Tista' il-Ministru tgħid x'qed jagħmel id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali biex jipprovdi akkomodazzjoni alternattiva għal omm li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix f'garage flimkien mat-tfal tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata mid-Dipartiment konċernat flimkien ma oħrajn simili.
Awtorita' tad-Djar — Talba għal servizz care and repair
Question
Tista' il-Ministru tgħid meta mistennija jmorru jagħmlu spezzjoni fil-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex persuna li tbati bid-depression tibbenefika mis-servizz care and repair?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma rċeviet ebda applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant biex tibbenefika mill-inizjattiva tal-Care and Repair.
Madankollu, l-Awtorita’ ser tieħu l-passi meħtieġa biex tivverifika jekk din il-persuna tistax tibbenefika minn din l-inizjattiva.
Taf il-Ministru tgħidli kemm kienet in-nefqa finali ta' konsum sena sena mill-1999 'il hawn ta' l-istituzzjonijiet f'Għawdex li ma jaħdmux għall-qliegħ u li jagħtu servizzi u ħidma oħra ta' benefiċċju lill-familji Għawdxin? X'kien u kemm kien jammonta l-kontribut li l-gvern ta lil dawn l-istituzzjonijiet kull sena matul l-istess perijodu? Tista' il-Ministru tagħtini dan it-tagħrif skond is-settur li fih iwettqu l-ħidma tagħhom dawn l-istituzzjonijiet, per eżempju edukazzjoni, kultura, sport, kura medika, reliġjon, mużewijiet u libreriji, wirt storiku u riċerka?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pjan nazzjonali kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali
Question
Tista' il-Ministru tgħid liema huma l-inizjattivi l-ġodda li ttieħdu fuq ir-rakkmandazzjonijiet u l-proposti li saru fil-pjan nazzjonali kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali biex jiġu ndirizzati l-kategoriji ta' nies differenti li ġew identifikati f'dan il-pjan, minn meta ġie mħabbar u ppubblikat il-pjan, fis-sajf ta' l-2004?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' rapport aġġornat li juri x-xogħol li sar u inizjattivi li qed jittieħdu fuq ir-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Pjan Nazzjonali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2004-2006) li kien ġie ppublikat f’Settembru 2004.
Pjan nazzjonali kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali
Question
Tista' il-Ministru tgħid x'laqgħat ta' konsultazzjoni diġa' saru u x'hemm ippjanati u ma' min, dwar l-update li ġie mħabbar li jsir fuq il-pjan nazzjonali kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali?
Tista' il-Ministru tgħid jekk hux se jkun hemm konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali dwar dan permezz ta' l-MCESD?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-aġġornament reċenti tal-Pjan Nazzjonali dwar il-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2004-2006), li kien ġie ppublikat f’Settembru 2004, sar b’konsultazzjoni mal-partijiet konċernati kollha, jiġifieri ma dawk l-entitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-proġetti msemmija fl-istess Pjan. Kopja tar-rapport ta’ aġġornament tal-Pjan ser jintbagħat lill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali għall-kummenti u veduti tal-Kunsill.
Inżid ngħid li biex ikun hemm komunikazzjoni regolari u kontinwa bejn il-Ministeru u l-entitajiet konċernati, ġiet allokata persuna speċifikament fuq dan ix-xogħol.
Tista' il-Ministru tagħti klassifika ta' dawk kollha li jieħdu xi forma ta' pensjoni, skond it-tip ta' pensjoni u kklassifikati skond id-dħul u skond in-numru ta' dawn il-pensjonanti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanti hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar il-klassifikazzjoni ta’ pensjonanti skond id-dħul, irrid ngħid li l-ħlas tal-pensjonijiet kontributorji taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali ma jiddependix mid-dħul tal-pensjonant, filwaqt li fil-każ ta’ pensjonijiet mhux kontributorji, ir-rata tvarja skond id-dħul tal-benefiċjarju ndividwali. Ninsab infurmata li, għal dawn ir-raġunijiet, ma tinżammx statistika dwar il-klassifikazzjoni ta’ pensjonanti skond id-dħul tagħhom.
Tistax il-Ministru tgħid kemm hemm care orders għal tfal minuri sad-data li tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li fl-10 ta' Ottubru 2005 kien hemm 202 minuri taħt Care Order. Minn dawn 57 huma ta' Nazzjonalita' barranija u 54 minnhom huma immigranti rregolari minuri li waslu Malta mhux akkumpanjati.
Tista' il-Ministru tgħid x'ibbenefika Għawdex u l-Għawdxin kull sena mill-1999 ' il hawn: i) minn sussidju fuq imgħax dwar self fuq akkwist ta' djar, eċċ (house loans) taħt l-iskemi kollha tas-social housing u ta' l-awtorita' tad-djar; ii) minn sussidju ta' kera; iii) minn xogħlijiet ta' titjib f'oqsma ta' djar; iv) minn tiswijiet f'tenements tal-gvern; v) minn bini ta' djar, maisonettes, flats, eċċ?
Tista' il-Ministru tgħid x'kienet in-nefqa kull sena mill-1999 'il hawn fuq kull waħda mill-items (i) sa (v) hawn fuq u f'liema lokalitajiet saru x-xogħlijiet, it-tiswijiet u l-bini ta' djar, eċċ? Tista' tgħidli wkoll x'tip ta' xogħlijiet, tiswijiet u bini (djar, maisonettes u flats separatament) sar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.