Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #18485 Sitting 335 2015-12-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Turisti – tixrid ta’ informazzjoni fin-Nofsinhar ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm sabiex jiżdied it-tixrid tal-informazzjoni lit-turisti fin-Nofsinhar ta’ Malta? Jista’ jgħid fiex wasal il-proġett tal-bini taċ-ċentru turistiku f’Marsaxlokk u jgħid jekk dan hux qed isir minn fondi tal-Unjoni Ewropea u jekk dawn kenux fondi li kienu fir-riskju li Malta titlef?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, l-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu qegħdin jaħdmu qatigħ sabiex iżidu ċ-ċentri minn fejn titaqassam l-informazzjoni lit-turist. Il-Gvern huwa komess illi jara li żoni turistiċi importanti jkollhom servizz ta’ tourist information sabiex inkomplu ntejbu l-livell ta’ servizz li qegħdin nagħtu lit-turisti li jżuruna. Il-Gvern preżenti huwa ukoll kommess illi jagħti nifs ġdid lin-nofsinhar ta’ Malta, żona illi ma ingħatatx importanza kbira fil-qasam turistiku taħt leġislaturi preċedenti. L-inizjattivi illi qegħdin nagħmlu huma varji u ser jiżguraw illi ngħollu l-livell tas-servizz turistiku f’dan ir-reġjun. Għaldaqstant, bħala waħda mill-inizjattivi illi ħadna, ħdimna sabiex fin-nofsinhar ta’ Malta, propju ġewwa Marasxlokk, ikun hemm tourist information centre ġdid. Dan iċ-ċentru ġie inawgurat fit-22 ta’Ottubru 2015 u ser iservi sabiex nagħtu informazzjoni lit-turisti b’emfasi partikolari fuq dak kollu li wieħed jista’ jagħmel fl-irħula u l-ibliet tan-nofsinhar ta’ Malta. Dan il-proġett, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, qed isir b’fondi tal-Unjoni Ewropeja taħt il-programm Agrikolu Ewropew – LEADER. Huwa proġett ta’ madwar €170,000 Ewro bi kważi mitt elf ġejjin mill-Unjoni Ewropeja. Dawn huma ukoll fondi tal-programm Ewropew illi għadda (perjodu 2007-2013) li kienu fondi fir-riskju illi jintilfu. Permezz tal-inizjattiva tal-Ministeru għat-Turiżmu, flimkien mall-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, sar dan il-proġett biex b’hekk issa ser inkunu nistaw nagħtu servizz lokalizzat u dirett lit-turisti illi jżuru wieħed mill-aktar irħula pittoreski illi għandna fin-nofsinhar ta’ Malta u b’hekk nistednuhom sabiex iżuru destinazzjonijiet oħra daqstant sbieħ u uniċi f’din iż-żona.
Leg 12 PQ #18486 Sitting 335 2015-12-01 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Proġett dwar l-Avjazzjoni "TEMARA" – fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett dwar l-avjazzjoni TEMARA (Teaming to Extend Maltese ambitions in the Aerospace Sector)? Kemm ittieħdu fondi mill-Unjoni Ewropea u x’inhu l-pass li jmiss?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġett tat-TEMARA jinstab fi stadju avvanzat sabiex jigi ifformulat il-Business Plan. Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Aġenzija Nazzjonali Maltija għall-Aerospace qed jifformolaw dan il-pjan flimkien mal-Kunsill Malti għax-xjenza u t-teknoloġija kif ukoll l-NLR li hija l-Aġenzija Nazzjonali Olandiża fl-Aerospace. Dan proġett inkiseb minn fondi diretti ta’ madwar €375,783 mill-Unjoni Ewropeja taħt TEAMING Project Horizon 2020. Minn Jannar 2016, l-Aġenzija Nazzjonali Maltija għall-Aerospace ser tkun qed tapplika għall-fondi tal-ERDF u barra minn hekk f'Marzu 2016 ser tkunu qed tapplika għat-tieni stadju tat-TEAMING Project fejn l-Aġenzija Nazzjonali Maltija għall-Aerospace tkun tista’ tikseb aktar fondi.
Leg 12 PQ #21332 Sitting 335 2015-12-01 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Nefqa fuq reklamar u informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #18475 Sitting 334 2015-11-30 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Air Traffic Serivces Ltd – investigazzjoni dwar l-immaniġġar ta’ finanzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjonijiet li għamlu l-Pulizija dwar allegati abbużi fl-immaniġġar ta’ finanzi fil-kumpanija Malta Air Traffic Services Ltd?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-eżitu tal-investigazzjonijiet li kienet saret mill-Internal Audit and Investigations Department (IAID) tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2011 u fl-2013 wassal biex jibdew iktar investigazzjonijiet mill-Pulizija. Dan wassal sabiex l-ex Chief Executive Officer (CEO) u l-ex Chief Financial Officer (CFO) tal-MATS jitressqu l-Qorti Kriminali b’akkużi ta’ abbuzi fl-immaniġġar ta’ finanzi tal-Kumpanija. Bi ftehim bejn l-Avukat tar-Repubblika u l-avukat difensur, l-ex CEO ammetta l-akkużi miġjuba kontrieh u nstab ħati. Weħel sentenza sospiża ta’ ħabs, interdett ġenerali u ħallas lura somma ta’ €25,000 lill-Kumpanija. Il-każ tal-ex CFO għadu jinstema’ quddiem il-Qorti.
Leg 12 PQ #18476 Sitting 334 2015-11-30 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Air Traffic Services Ltd – immaniġġar ta’ finanzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux u kif se jkunu rkuprati fondi li setgħu ntefqu b’mod abbużiv fl-immaniġġar ta’ finanzi fil-kumpanija Malta Air Traffic Services Ltd?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Malta Air Traffic Services (MATS) għandha każ fil-Qorti Ċivili bil-ħsieb li jkunu rkuprati fondi li skont il-Kumpanija kienu ntefqu b’mod abbużiv mill-ex Chief Executive Officer u mill-ex Chief Financial Officer. Fiż-żewġ każijiet is-somma li qegħda tintalab tintrad lura mill-ex impjegati hi sostanzjali u tammonta għal €200,000 u €125,000 rispettivament. Fost oħrajn, l-abbużi kienu jikkonsistu f’xiri ta’ oġġetti għal użu personali, safar ta’ natura personali, ikliet li ma kellhomx x’jaqsmu max-xogħol, akkomodazzjoni f’lukandi ta’ ħbieb kemm lokali kif ukoll barranin li ma kienux ġew Malta għal raġunijiet ta’ xogħol, xiri ta’ settijiet ta’ televiżjoni u xiri ieħor fosthom minn spiżerija, negozji tax-xorb alkoħoliku u oħrajn. Dawn l-ispejjeż tħallsu kollha minn flus il-Kumpaniji.
Leg 12 PQ #18477 Sitting 334 2015-11-30 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – miżuri biex jiżdied it-turiżmu matul ix-xitwa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inizjattivi qed jieħdu l-Ministeru u l-entitajiet li tagħhom huwa responsabbli, sabiex jiżdied it-turiżmu lejn Malta u Għawdex fix-xhur tax-xitwa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu illum qegħda tiffoka l-ħidma tagħha sabiex tkompli tkabbar it-Turiżmu ljen Malta u Għawdex fix-xhur inqas popolari bħalma huma dawk tax-xitwa, fejn l-luknadi u l-linji tal-ajru għandhom kemm il-bżonn kif ukoll potenzjal li jilqgħu iktar turisti. Fost l-inizjattivi li l-MTA qegħda tieħu nista’ nsemmi: 1. Saret reviżjoni tad-distibuzzjoni tal-baġits ta’ l-Awtorità fejn qegħdin tirrazzjonalizaw kif jintefqu l-flud f’promozzjoni ta’ perjodi stabbiliti bħalma huma ċerti xhur tas-sajf kif ukoll Festi Internazzjonali bħalma huma l-Milied u l-Għid il-Kbir. 2. Min-naħa l-oħra l- baġits ta’ promozzjoni għax-xhur l-ohra tas-sena żdidedu u qegħdin tikkonċentraw u niżvillpuaw u nkabbru l-promozzjoni ta’ niċeċ eżistenti kif ukoll oħrajn ġodda. Dan jikkumplimenta l-inizjattivi tal-lukandi, linji tal-ajru u l-operaturi kollha fis-settur li joffru rati vantaġġjużi fix-xhur tax-xitwa bl-iskop li jattiraw iktar viżitaturi lejn pajjiżna. 3. Fost in- niċeċ li żidna jew bdejn l-ħidma fihom insemmi turiżmu reliġjuż, btajjel qosra u weekend breaks, b’enfasi fuq il-Belt Valletta, t-tagħlim tal-Ingliż għall-adulti u professjonisti, Screen Tourism. Winter Training Camps, it-twaqqif ta’ Conventions Malta, Festivals Mużiklai diversi, turiżmu sportive attiv, gruppi kulturali, turiżmu għall-attivitajiet specifiċi bħalma huma l-festival ta’ l-Opera f’Għawdex, il-Festival Barokk, il-Festival tal-Korijiet, il-Festival ta’ l-Arti, il-Karnival tradizzjonali kif ukoll dak tas-sajf, il-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar kif ukoll il-kalendarju kulturali tal-lokalitajiet madwar il-Gżejjer Maltin, Turiżmu Gastronomiku u AgroTuriżmu. Fuq kollox l-impenn ta’ l- Awtorità Maltija tat-Turiżmu huwa li flimkien ma’ entitajiet oħra kif ukoll inizjattivi privati, tibni kalendarju ta’ attivitajiet varji li permezz tagħhom kull xahar, partikolarment fix-xitwa, ikollna attivitajiet attrajenti li jolqtu l-gosti ta’ ħafna. Għaldaqstant qegħdin naraw li jkollna prodott li jinkludi attivitajiet kulturali, sportive, divertimenti u kulinarji mqassma tul il-perjodu.
Leg 12 PQ #18478 Sitting 334 2015-11-30 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Turiżmu — Tkabbir ta’ swieq ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar liema huma s-swieq li qiegħed jara li jista’ jkollna tkabbir fihom fis-snin li ġejjin?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għaddejja bi sforzi kontinwi sabiex tevalwa l-prospetti ta’ swieq ezistenti u tiddentifika swieq ġodda sabiex il-proċess ta’ diversifikazzjoni tas-swieq li jiġġeneraw it-turiżmu lejn pajjiżna tkompli għaddejja b’ritmu. Għas-snin li ġejjin l-Awtorità tipprevedi volumi pjuttost statiċi mis-swieq stabbiliti, tkabbir medju mis-swieq sekondarji bhal dawk Nordici, Iberici u miċ-Ċentru u l-Lvant tal-Ewropa. Jeżistu wkoll prospetti tajbin għall-volumi akbar ta’ turisti minn swieq aktar imbegħda bhal dawk Ażjatici, tal-Golf u mill-Amerika ta’ Fuq u ta’ Isfel.
Leg 12 PQ #18479 Sitting 334 2015-11-30 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Industrija tat-turiżmu – żvilupp ta’ niċeċ fil-qasam turistiku

Question

Jista’ l-Ministru jindika niċeċ li l-Ministeru u l-entitajiet li tagħhom huwa responsabbli, qegħdin jaħdmu fuqhom sabiex tibda ħidma u/jew tikber il-ħidma sabiex dawn in-niċeċ jiżviluppaw għall-vantaġġ tal-industrija tat-turiżmu ġewwa pajjiżna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Industrija tat-Turiżmu hija waħda li qegħda tinbidel u tevolvi il-hin kollu u l-offerta tad-destinazzjonijiet trid tagħraf ix-xejriet dejjem jinbidlu fid-domanda tan-nies li jħobbu jivvjaġġaw. Illum il-ġurnata, aktar u aktar turisti qegħdin ifittxu destinazzjonijiet li jagħtuhom esperjenzi awtentiċi u uniċi jew li jippermettulhom jipparteċipaw b’mod dirett u kreattiv f’avvenimenti kulturali, sportivi, festivi, gastronomiċi u rurali fost oħrajn. Il-Ministeru għat-Turiżmu permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu il-hin kollu jistħarrġu dawn l-iżviluppi u jgħinu sabiex jistimolaw prodotti, niċeċ u esperjenzi ġodda billi jużaw il-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom fl-oqsma ta’ żvilupp ta’ prodott kif ukoll ta’ marketing. Fost in- niċeċ ġodda li qegħdin jiġu sfruttati bħalissa wieħed jista’ jelenka it-turiżmu urban, turiżmu kulturali, avvenimenti mużikali għall-etajiet diversi, zwieġijiet u honeymoons, konvenzjonijiet internazzjonali, turi¿mu sportiv, turiżmu gastronomiku, eko u agri turiżmu kif ukoll turiżmu marittimu. Dawn huma kollha oqsma fejn nemmnu li għandna vantaġġ kompetittiv li għandu jgħinna sabiex inkomplu nwessgħu l-attrazzjonijiet turistiċi ta’ pajjiżna.
Leg 12 PQ #18480 Sitting 334 2015-11-30 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Nefqa mit-turisti f’Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tat-turisti f’pajjiżna matul is-sena 2014 u sa nofs is-sena 2015? Jista’ jgħid kemm kienet id-differenza perċentwali ta’ dan l-infiq turistiku meta mqabbel mas-snin 2012 u 2013?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont iċ-ċifri maħruġa mill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika l-infieq turistiku rreġistrat fl-2014 kien ta’ €1,528,765,000. Dan ifisser tkabbir ta’ 6.1% fuq is-sena 2013. Dan ifisser ukoll li tul l-ewwel sentejn ta’ din il-leġislatura l-infieq turistiku kiber bi 15.3%. L-infieq turistiku matul l-ewwel 6 xhur ta’ din is-sena kien ta’ €625,617, jiġifieri żieda ta’ 6% meta kkomparat ma l-istess xhur tas-sena 2014. Din iż-żieda fl-infieq turistiku fl-ewwel nofs ta’ din is-sena issarraf f’€35 miljun aktar fi dħul dirett fl-ekonomija Maltija. B’hekk irriżulta li l-infieq turistiku ras għal ras żied b’0.5% meta mqabbel ma l-ewwel sitt xhur tas-sena 2014. It-turisti li qed iżuru Malta qed jonfqu aktar. Dawn ir-riżultati pożittivi miksuba biż-żieda qawwija fl-infieq turistiku ifisser li l-politika tal-Gvern li jattira turiżmu ta’ kwalita' qed tagħti l-frott, hekk kif iż-żieda fl-infieq turistiku qed jiżboq sew iż-żieda fin–numru ta’ wasliet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, statistika aktar dettaljata in konnessjoni ma’ din id-domanda.
Leg 12 PQ #21296 Sitting 334 2015-11-30 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

MIMCOL – somma għall-VRS u ERS għall-ħaddiema tal-Air Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-somma li kienet allokata u amministrata mill-MIMCOL sabiex tiġi wżata għall-VRS u ERS għall-ħaddiema tal-Air Malta ġietx eżawrita? Jekk le, kemm fadal flus fiha? Kemm minn dawn il-ħaddiema li applikaw għal dawn l-iskemi f’dawn l-aħħar sentejn, skont il-ftehim kollettiv tagħhom ingħataw flus u kemm le u għaliex ġara dan, f’kull każ?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-somma li kienet allokata u amministrata mill MIMCOL għall-VRS u ERS għall-ħaddiema tal-Air Malta ġiet eżawrita. Ħadd mill-impjegati ma applika fl-aħħar sentejn għall-VRS u ERS.
Leg 12 PQ #18469 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Film Commission – investigazzjonijiet dwar prattiċi ta’ kontabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi investigazzjonijiet dwar prattiċi ta’ kontabilità tal-Malta Film Commission, hekk kif jitlob is-settur pubbliku?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mod kif kienet titmexxa l-Malta Film Commission taħt l-amministrazzjoni preċedenti qanqal ħafna dubji. Jidher biċ-ċar li fil-passat il-Kummissjoni ma’ tmexxietx b’serjetà u skond il-proċeduri stabbiliti ta’ kif għandhom jitmexxew entitajiet tal-Gvern. Fost dawn in-nuqqasijiet insibu persuni li ġew ingaġġati direttament mill-Kummissarju tal-Films preċedenti mingħajr ma ġew osservati l-prattiċi stabilliti mis-settur pubbliku, fosthom l-approvazzjoni mill-PAHRO u mingħajr ma saret sejħa pubblika mill-ETC, liema persuni qatt ma kienu reġistrati skond il-liġi mal-ETC minkejja li tpoġġew fuq il-payroll tal-Kummissjoni. Dwar dan infetħet ukoll investigazzjoni mill-Uffiċju ta’ l-Ombudsman. Il-Film Fund ukoll ma kienx qed jitmexxa b’diliġenza u kontabilità taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Kien hemm numru ta’ proġetti, fejn persuni jew kumpaniji li tħallsu eluf ta’ ewro m’osservawx il-kuntratt tagħhom u wħud minn dawn il-proġetti lanqas biss twettqu. Fuq dawn il-kazijiet fil-fatt inbdew proċeduri legali kontra żewġ kumpanij, waħda minnhom ħadet €15,000 għal dokumentarju li qatt ma sar, filwaqt li l-kumpanija l-oħra ppreżentat il-proġett tard minkejja li ngħatat diversi estenzjonijiet. Minn għand erba’(4) kumpaniiji jew persuni nġabru l-flus lura peress ma onorawx il-kuntratt, kontra liema ma ttieħdux proċeduri leagli. Fl-isfond ta’ dawn il-fatti, il-Kummissjoni attwali trid tassigura li l-Film Fund jitmexxa b’serjetà u qed jittieħdu passi legali kontra dawk li abbużaw. Għall-ewwel darba, l-Kummissjoni attwali introduċiet ukoll sistema ta’ awditjar fuq kull proġett li jikkwalifika għall-Film Fund, sabiex ikun żgurat li l-fondi pubbliċi jintużaw kif xieraq.
Leg 12 PQ #18470 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Films Commission — films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irnexxielha tattira films lejn pajjiżna din is-sena, il-Malta Film Commission? Kemm hu mistenni jkun l-ammont ta' flus iġġenerat minn dawn il-films f'Malta u Għawdex?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din is-sena se tkun waħda rekord għall-industrija tal-films. Sentejn ilu sibna industrija li kienet qed tiggenera biss 5 miljuni. Dan il-Gvern irnexxilu jattira produzzjoni wara l-oħra biex is-sena 2015 hija waħda rekord f’disgħin sena ta’ storja mindu bdew jinġibdu l-films f’Malta. Din is-sena, inġibdu f'Malta aktar minn għaxar produzzjonijiet internazzjonali u nħadmu wkoll numru konsiderevoli ta' films lokali. B'kollox, l-industrija tal-films se tiġġenera aktar minn mitt miljun ewro direttament fl-ekonomija Maltija. Din il-figura titla' ħafna aktar meta wiehed jikkunsidra l- multiplier effect kbir li din l-industrija għandha fuq ħafna setturi oħra tal-ekonomija.
Leg 12 PQ #18471 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Film Commission – ingaġġ tal-persuna

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif l-Assistenta Personali tal-Prim Ministru preċedenti li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, qed taħdem fil-Malta Film Commission u jagħti dettalji, jekk huwa il-każ, dwar l-ingaġġ tagħha?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament fl-2006 kienet appuntata ‘Press Secretary’ fl-Ufficju tal-Prim Ministru, u fil-legislatura ta’ l-2008 kienet ingħatat l-posizzjoni ta’ segretarja personali ta’ Lawrence Gonzi. Din l-istess persuna, ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013, ingħatat kuntratt ta’ tlett snin bhala ko-ordinatrici tal-Film Commission. Ta’ min wieħed jirrimarka li l-persuna in kwistjoni kienet ingaġġata bhala Manager mal-Malta Enterprise. Iżda fis-6 ta’ DIċembru, 2012, tlett xhur qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, saret talba mill-MFC biex il-persuna tmur on secondment mill-Malta Enterprise għall-MFC. Dan is-secondment ġie milqugħ u approvas fil-11 ta’ Diċembru, 2012, iżda l-persuna kellha tirraporta għax-xogħol mal-MFC fil-11 ta’ Marzu, 2013. Dan minkejja li l-kuntratt mal-MFC kien datat u effettiv sa mit-18 ta’ Frar, 2013. Dan il-proċess kollu sar fi żmien meta l-persuna kienet diġa mibgħuta mill-Malta Enterprise biex taqdi dmirijietha fis-Segretarjat tal-Prim Ministru preċedenti. Dan il-proċess kollu sar fi żmien meta l-persuna kienet diġa mibgħuta mill-Malta Enterprise biex taqdi dmirijietha fis-Segretarjat tal-Prim Ministru preċedenti.
Leg 12 PQ #18472 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Air Traffic Services Ltd –bini ta’ stazzjonijiet tar-radar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex kien hemm il-ħtieġa li jinbnew żewġ stazzjonijiet tar-radar tal-kumpanija Malta Air Traffic Services Ltd u kemm kien l-investiment totali fuqhom?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-investiment totali fuq iż-żewġ stazzjonijiet tar-radar f’Ħal Far u l-Fawwara laħaq is-somma ta’ €4.99 miljuni, li jinkludu spiża ta’ €218,000 fuq xogħol addizzjonali li ntalab mill-MATS Ltd. Iż-żewġ stazzjonijiet għandhom rwoli differenti imma komplimentari, wieħed jaqdi l-ħtiġijiet tal- Approach Operations jiġifieri sorveljanza tat-traffiku tal-ajru li jkun se juża l-ajruport ta’ Malta jew dak li jkun telaq minn Malta. L-ieħor jaqdi l-ħtiġijiet en route jiġifieri traffiku li jgħaddi mill-ispazju tal-ajru ta’ Malta mingħajr ma juża l-ajruport ta’ Malta. Dan tal-aħħar jista’ jintuża wkoll għall-ħtiġijiet tal- Approach Operations . Permezz ta’ dawn iż-żewġ radars, il-MATS issa għandha sistema doppja ta’ sorveljanza għall-ajruplani civili, u dan skond rakkomandazzjonijiet u standards internazzjonali.
Leg 12 PQ #18473 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Air Traffic Services Ltd – proġetti kapitali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’infiq sar fuq proġetti kapitali li għamlet il-kumpanija Malta Air Traffic Services Ltd f’dawn l-aħħar sentejn, fiex kienu jikkonsistu dawn il-proġetti u min iffinanzjahom?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar sentejn, il-Malta Air Traffic Services (MATS) bdiet u lestiet proġetti kapitali li jinkludu: Żewġ stazzjonijiet tar-radar; Estensjoni tat-Technical Workshops; Distance Measuring Equipment, Runway 13; Voice Communication and Switching System. Il-MATS għadha għaddejja b’ħidma fuq proġetti kapitali ta’ Ground Surveillance System (cameras) u Air Traffic Management System Upgrade. L-ispi¿a totali għal dawn il-proġetti laħqet iċ-ċifra ta’ €15,260,000. Il-proġetti huma kollha ffinanzjati mill-MATS, mingħajr ebda allokazzjoni mill-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 12 PQ #18474 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

Malta Air Traffic Services Ltd – effett tas-sitwazzjoni fil-Mediterran

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qiegħda tkun milquta l-kumpanija Malta Air Traffic Services Ltd fl-operat tagħha, fid-dawl tal-problemi politiċi u oħrajn ta’ natura diversa li hawn bħalissa fil-Mediterran?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-Malta Air Traffic Services (MATS) issa ilha minn Frar tal-2011 b’xi mod jew ieħor milquta minn problemi politiċi fil-Mediterran. L-iktar li tolqot l-operat tal-MATS hi bla dubju s-sitwazzjoni fil-Libja. Dan għaliex kull meta l-ispazju tal-ajru Libjan jingħalaq mill-awtoritajiet Libjani jew inkella jkun iddikjarat mhux sikur biżżejjed minn entitajiet internazzjonali, t-traffiku tal-ajru li jkun ġej mill-Afrika lejn l-Ewropa, jew vice versa, jevita li jgħaddi minn fuq il-Libja u b’konsegwenza diretta t’hekk ma jtirx mill-ispazju tal-ajru Malti. Dan ifisser telf ta’ flus għall-Kumpanija li tmexxi l-operat tagħha permezz ta’ dħul finanzjarju li hu ġġenerat mit-traffiku tal-ajru. F’dawn l-aħħar snin, il-MATS ħadmet ħafna biex l-impatt tal-instabilita’ fil-Libja u xi pajjiżi oħra madwarna ma jkunx daqshekk kbir fuqha. Il-Kumpanija, bi sforzi kbar anki flimkien ma’ pajjiżi ġirien, u b’kontroll strett fuq l-infieq matul dawn l-aħħar erba’ snin, baqgħet miexja fi triqitha u rnexxiela żżomm fuq saqajha.
Leg 12 PQ #21084 Sitting 333 2015-11-25 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid s’issa kemm tħallas f’reklamar mill-Ministeru tiegħu kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u kwalunkwe entità oħra illi taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu (għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija, il-kelma reklami għanda tittieħed illi tinkludi kemm dawk fuq it-tv, kemm dawk fuq ir-radio, kemm dawk fuq il-gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-1 ta’ April 2015 sad-data illi fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur ta’ reklami illi għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew hux se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont illi tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 12 PQ #18463 Sitting 332 2015-11-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – ingaġġ ta’ impjegti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif l-istaff tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi kien jiġi reklutat fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti? Kif inbidlet is-sitwazzjoni minn Marzu 2013 ‘il hawn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant r-reklutaġġ fi żmien amministrazzjonijiet preċedenti ġewwa l-Istitut għall-Istudji Turistici (ITS) kien ħafna drabi jsir mingħajr l-ebda Sejħa għall-Applikazzjoni. Dan il-proċess kien isir billi l-impjegati kienu jingħataw kuntratt definit mal-White Rocks Holiday Complex fejn ħafna minn dawn l-impjegati kienu jiġu assenjati biex jaħdmu fl-ITS. Sussegwentement, fis-27 ta’ Settembru, 2011, dawn l-impjegati kienu ngħataw l-appointment fis-Servizz Pubbliku mingħajr ma ħarget Sejħa għall-Applikazzjoni u mingħajr ma sar l-ebda proċess ta’ għazla. Dan minkejja li paragrafu: 1.1.6 tal-Public Service Management Code (PSMC) jistipula’ li l-Kap tad-Dipartiment għandu/għandha toħrog Sejħa għall-Applikazzjoni taħt l-Awtorita’ tiegħu/ taghħa. Is-sitwazzjoni llum il-ġurnata nbidlet billi r-reklutaġġ ġewwa l-ITS qiegħed isir permezz ta’ Sejħa għall-Applikazzjoni biex tingħata opportunità lil dawk kollha nteressati. Wara li tagħlaq l-applikazzjoni, jsiru l-interviews minn bordijiet mwaqqfa apposta biex il-ħiliet tal-applikanti nteressati u li jkunu eliġibbli biex japplikaw jiġu evalwati b’mod serju.
Leg 12 PQ #18464 Sitting 332 2015-11-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

MCC – kuntratt tal-catering

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tal-catering attwali tas-Sala tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) li kien iffirmat qabel l-elezzjoni tal-2013 u l-kuntratt preċedenti? Jista’ jgħid x’ħidma saret f’dawn l-aħħar sentejn sabiex jindirizza t-telf li kkawżaw tali kuntratti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kuntratt ta’ catering attwali tas-Sala tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) li kien iffirmat mic-Chairman Dr. Peter Fenech qabel l-elezzjoni tal-2013 u dak preċedenti qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. F’xenarju fejn is-settur tal-konferenzi qiegħed kull ma jmur jikber, il-Bord u t-tim ta’ ġestjoni ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi ħadem qatigħ sabiex jaħtfu l-opportunità ta’ influss kif ukoll jkkontrollaw l-ispejjeż sabiex l-entità tkun sostenibbli. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-telf irreġistrat minn dan il-kuntratt ta’ catering qed isir permezz tad-diversifikazzjoni f’niċeċ u swieq ġodda, u billi niffokaw iżjed fuq promozzjoni sabiex niġbdu aktar negozju lejn l-entità. Tajjeb ukoll insemmu, illi l-prestazzjoni finanzjarja tal-entità nbidlet minn waħda ta’ telf ta’ €95,000 fl-2013, għal waħda ta’ prattikament breakeven fis-sena 2014. Din is-sena huwa stmat li ser inkunu rreġistrajna riżultat pożittiv ta’ profit ta’ madwar €125,000. Dan jawgura iktar stabbilità w indipendenza mill-finanzjamnet tal-Gvern.
Leg 12 PQ #18465 Sitting 332 2015-11-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għat-Turiżmu

MCC — investiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’investiment qed isir għas-Sala tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Għas-sena kurrenti u t-tlett snin li gejjin, il-Gvern ser jahdem fuq diversi progetti bil-għan li jippreserva l-edifiċju, itejjeb is-servizz u jigi ġġenerat dħul ġdid għal-Dar il-Mediterran għall-Konferenzi. Sar ħafna xogħol preparatorju għal proġett ewlieni li nixtiequ nwettqu. Fil-preżent, l-ewwel fażi tal-proġett qed jiġi ffinalizzat permezz tal-Fondi ERDF 2008-2013. Dan jinkludi r-restawr tal-attiku tas-Sacra Infermeria li għandu ‘l fuq minn 400 sena. Permezz ta’ din il-parti tal-proġett, saru xogħlijiet ta' waterproofing u xogħlijiet strutturali biex tiġi evitata ħsara ulterjuri. Applikajna għal fondi ERDF 2014-2020 għal proġett illi ser ikun qed jiswa €5 miljun u li ser jinkludi l-ftuħ ta’ spazji varji li sal-lum m’humhiex aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali u mhux qed jiġu utilizzati. Dawn jinkludu: · Is-saqaf tas-Sacra Infermeria illi joffri veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir; · Kamra oħra kbira u meraviljuza illi bħalissa hi użata biss biex iżomm tank kbir tal-ilma; · Is-sala msejħa ‘Slaves Hall’ li bħalissa qed tintuża bħala maħżen u mhux aċċessibbli għall-pubbliku; · L-iskola antika tal- catering ; · Il-Polverista u s-sotterjan li jwassal għaliha; · U żoni oħrajn żgħar li jistgħu jiġu utilizzati għall-benefiċċju taċ-ċentru. Permezz ta' dan il-proġett, għandna wkoll pjanijiet sabiex Dar il-Mediterran għall-Konferenzi jiġi espost u jitgawda mill-pubbliku permezz ta’ teknoloġija ġdida magħrufa bħala Augmented Reality and Holographic Technology, fejn il-pubbliku ser ikun jista’ jara kif kien il-bini aktar minn 400 sena ilu. Dan il-proġett ambizzjuż se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fl-Ewropa. Permezz tal-GPS fuq l-ismart phones jew tablets li jistgħu jinkrew mall-wasla tagħhom, se nkunu qed nagħtu wkoll l-opportunita’ lit-turisti jitgħallmu iktar fuq il-Port il-Kbir. Se nagħmlu wkoll użu minn teknoloġija msejħa ‘time windows’ illi ser tkun qed tieħu l-viżitaturi lura fiż-żmien u jaraw il-ġrajjiet li seħħew matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-Assedju, fil-Port il-Kbir. Ser nirrestawraw ukoll mill-ġdid il-Kappella Perellos li ġarrbet ħsarat minn barra għal ġewwa wara li ġiet restawrata fis-sena 2005, minn ġewwa biss, mingħajr ebda intervent fuq barra. Permezz ta’ fondi nazzjonali, tul it-tlett snin li ġejjin, ser naħdmu wkoll fuq proġetti ta’ immodernizzar ta’ faċilitajiet bhal: · Tibdil fis-sistema tal-arja kkundizzjonata ma’ waħda iktar moderna u effiċjenti; · Proġett ambizzjuż sabiex is-swali jkunu soundproof ; · Flimkien ma’ Transport Malta, qed inħarsu lejn il-possibilita’ li noffru servizz ta’ shuttle bus illi ser tkun qed twassal viżitaturi minn spazji ta' parkeġġ madwar il-Belt Valletta sal-MCC, sabiex niffaċilitaw l-aċċess għal dan il-bini storiku; · Titjib fil-faċilitajiet kollha fejn isiru konferenzi; · Żvilupp ta’ tlett studios taż-żfin illi ser ikunu qed jospitaw lil Żfin Malta kif ukoll jiġu mikrijin lill-kumpaniji oħra lokali taż-żfin.