Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #24682 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Għalf għall-Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid, skond it-tagħrif li għandu l-uffiċċju ta' l-istatistika, x'tip ta' għalf għat-tjur u l-bhejjem ġie importat għall-industrija tal-biedja u l-akwakultura f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Minn liema pajjiżi u kemm kwantitajiet?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta' min jinnota li l-figuri mogħtija huma f'kilogrammi.

Qormi

Question

Jista' l-Ministru jara l-possibilita' li jitwaħħal d-dawl fi Triq Anġlu Borġ, Ħal Qormi minħabba li din it-triq tinsab kompletament bla dawl?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Leg 9 PQ #24980 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Human Resources Executive

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Ministru jgħid jekk il-vacancy li kien hemm fil-MIMCOL għall-Human Resources Executive f'Novembru 2000 intlitx? Jekk iva, meta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-vakanza li qed issir riferenza għaliha imtliet fl-1 ta' Frar ta' din is-sena.
Leg 9 PQ #24981 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Chief Executive Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ux possibli li jgħid jekk vacancy li kien hemm madwar tlett ġimgħat ilu mal-Foundation of Human Resources li tinsab fl-IPSE, għall post ta' Chief Executive Officer imtlitx?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-vakanza li qed issir riferenza għaliha għadha ma ntlietx.
Leg 9 PQ #24982 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Trasferiment ta' Cables/Wires

Question

Jista' l-Ministru jgħid, permezz ta' l-Enemalta għaliex is-sid tal-post 33, Spadano Street, Zabbar talab sena ilu li jiġu shifted cables tad-dawl biex ikun jista' jagħmel xogħol ta' kostruzzjoni fuq dan il-post u f'Diċembru li għadda twaħħal biss arblu ġdid u l-cables baqgħu ma ġewx trasferiti fuq l-arblu l-ġdid? Billi issa qed jintqal li m'hemmx cables/wires biex issir it-trasferiment ta' cables/wires mill-arblu l-qadim għall-ġdid, jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan hux minnu jew le? Jekk m'hemmx cable/wires meta hemm il-ħsieb li dan il-klijent li ilu aktar minn sena jistenna jinqeda? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux aċċettabli li persuna jdum fuq sena jistenna biex jibda xogħol ta' kostruzzjoni għas-sempliċi raġuni li jkun qed jistenna l-Enemalta tagħmel trasferiment ta' cables?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni Enemalta tikkunsidra talba biex jitneħħew cables minn ma' bini wara li l-applikant jissottomettilha kopja tal-permess tal-bini maħruġ mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fil-fatt il-kopja tal-permess waslet għand l-Enemalta fl-10 ta' Diċembru tas-sena l-oħra u mhux sena ilu kif qed jingħad fil-mistoqsija. Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ mistenni jitlesta fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #25001 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Marsascala - Triq il-Maħsel

Question

Jista' l-Ministru jara li żewġ bozoz li huma difettużi u li jinsabu fi Triq il-Maħsel ġewwa M'Scala jiġu rranġati?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-manutenzjoni meħtieġa fuq iż-żewġ bozoz li qed issir riferenza għalihom diġa saret.
Leg 9 PQ #25002 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Arblu tad-Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li arblu tad-dawl li jinsab f'nofs triq bejn Triq l-Ikħal u Triq l-Aħdar ġewwa M'Scala jitneħħa minn hemm minħabba li huwa ta' periklu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-arblu msemmi jkun jista' jitneħħa meta jitlesta l-bini.
Leg 9 PQ #25003 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Bozoz

Question

Jista' l-Ministru jara li fi Triq l-Ikħal ġewwa M'Scala jsiru numru ta' bozoz minħabba li din it-triq hija mudlama ħlief għal bozoz ta' djar privati?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Leg 9 PQ #25005 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lill-Gozo Channel li tneħħi l-pass speċjali tal-Maltin li għandhom qraba jgħixu Għawdex? Hemm il-ħsieb li din d-deċiżjoni terġa tiġi mibdula?

Response (BONNICI, JOSEF)

Is-sistema tal-"family pass" tal-Gozo Channel, li kienet introdotta fl-1990, tintitola lill-persuna li jkollha dan il-pass f'isimha għall-użu tas-servizz tal-Kumpanija bil-prezz sussidjat applikabbli għall-persuni residenti f'Għawdex. L-għan ewlieni tal-pass hu li jgħin "lill-ulied ta' l-Għawdxin li ġew jgħixu Malta" sabiex isibuha aktar faċli jżuru lill-ġenituri Għawdxin li baqgħu jgħixu f'Għawdex. Għalhekk, il-persuni ntitolati għall-pass huma dawk li jgħixu Malta iżda għandhom il-ġenituri, nanniet u/jew aħwa li "twieldu u jgħixu b'mod permanenti" ġewwa Għawdex. In vista ta' dan, l-Onorevoli Interpellant mhuwiex korrett meta jgħid li l-Gozo Channel neħħiet dan il-pass speċjali. Il-Kumpanija, kull ma qed tagħmel hu li tiżgura li l-"pass" jingħata biss lil dawk li verament huma intitolati għalih.
Leg 9 PQ #25044 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) X'inhu l-valur li għalih inbiegħ il-vapur 'Għawdex' tal-korporazzjoni Gozo Channel? (b) X'kien l-ammont tal-fuel oil fl-imsemmi vapur meta dan inbiegħ? (c) X'inhu l-valur ta' dan l-imsemmi fuel oil? (d) Meta sar l-aħħar bdil ta' żejt (dak lubrigattiv u dak idroliku) fuq l-vapur 'Għawdex' (e) X'kienet l-ispiża konnessa ma' l-imsemmi bdil ta' żjut?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-vapur "Għawdex" inbiegħ mill-Gozo Channel għas-somma ta' mija u tmenin elf Dollaru Amerikan. Meta nbiegħ, il-vapur kellu fuqu 42,700 litru "fuel oil". Il-valur ta' dan il-fuel oil kien ta' Lm6,033 li x-xerrej tal-vapur ħallas lill-Gozo Channel. Dwar ir-raba' parti tal-mistoqsija, tajjeb jingħad li ż-żejt jiġi miżjud skond il-bżonn. L-aħħar darba li ż-żejt fuq il-vapur "Għawdex" ġie miżjud kien fit-18 ta' April tas-sena l-oħra. Dan it-tibdil sewa mija u tmintax-il lira.
Leg 9 PQ #25045 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) Wara li l-kumpanija Gozo Channel biegħet lil vapur bl-isem 'Għawdex', l-imsemmija kumpanija reġgħet kriet l-imsemmi vapur? (b) Jekk fl-affermattiv, għal kemm il-ġurnata kienet din il-kirja? (c) Kemm swiet din il-kirja lil kumpanija imsemmija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-Kumpanija Gozo Channel ma reġgħetx kriet il-vapur "Għawdex" wara li kienet biegħetu.
Leg 9 PQ #25077 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

M.S.C.L

Question

Fir-rigward tal-promozzjonijiet riċenti fil-livell tal-manager fil-M.S.C.L., jista' l-Ministru jgħid jekk irriżultax li kien hemm nuqqas ta' qbil bejn l-Union u l-Management u ġie maqbul bejn il-partijiet li jinħatar arbitru?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li jirriżulta li hemm nuqqas ta' qbil bejn il-Management tal-Malta Shipbuilding u l-union rigward promozzjonijiet li ngħataw dan l-aħħar fil-livell ta' Manager. Dan wassal biex bi qbil bejn iż-żewġ naħat jinħatar arbitru indipendenti.
Leg 9 PQ #25127 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 24910, il-Ministru ma qalx li f'ġurnata mid-dati msemmija fl-istess mistoqsija, l-kumpanija Gozo Channel kellha żewġ vapuri weqfin għal madwar tlett sigħat li allura parti konsiderevoli mill-inkonvenjent ta' queues esaġerati kien dovut minħabba nuqqas ta' dawn il-vapuri? Jaħsibx l-Ministru li dan hu dovut għan-nuqqas ta' ppjanar mill-Korportazzjoni Gozo Channel għal fatt li din ħarġet struzzjonijiet biex l-imsemmija vapuri kienu qed jaħdmu biss fuq żewġ magni? Jaf l-Ministru li din il-korporazzjoni kemm-il darba ħadmet l-imsemmija vapuri u anke l-vapuri l-oħra meta dawn kellhom l-istess ħsarat? Jaf l-Ministru li l-korporazzjoni ħarġet struzzjonijiet biex il-vapuri l-ġodda jitħaddmu b'żewġ magni minħabba l-konsum qawwi tal-fuel li dawn il-vapuri qed jikkonsmaw?

Response (BONNICI, JOSEF)

Id-dewmien li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant kien dovut għall-fatt li l-MV Cittadella ma setax jaħdem bejn id-9.30 ta' filgħodu u l-5.30 ta' filgħaxija minħabba l-maltemp u l-MV Mġarr żviluppatlu ħsara f'pajp waqt li kien qed jagħmel vjaġġ minn Sa Maison għal Għawdex. Dan il-vapur reġa' beda jaħdem fit-3.30 ta' wara nofsinhar wara li ssewwiet il-ħsara. Għaldaqstant ma jistax jingħad li d-dewmien li kien hemm huwa attribwibbli għal nuqqas ta' ippjanar jew għax kien hemm xi struzzjonijiet jew aħjar "guidelines" biex il-vapuri ġodda jaħdmu fuq żewġ magni. Ta' min jenfasizza li l-vapuri ma jaħdmux meta jkollhom xi ħsara u minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp u dan minħabba s-sigurta' tal-passiġġieri u tal-crew. Mhuwiex loġiku li wieħed jagħmel konnessjoni bejn id-dewmien u l-istruzzjonijiet maħruġa mill-Gozo Channel għas-sempliċi raġuni li tali struzzjonijiet inħarġu fl-20 ta' Marzu u cioe' wara l-"long weekend" li matulu kien hemm id-dewmien. Għaldaqstant l-istruzzjonijiet li ħarġet il-Kumpanija ma setgħux jirriflettu fuq l-operat tal-vapuri f'dak il-"weekend". Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija tajjeb jingħad li l-Kumpanija rrikkmandat lil kaptana tagħha biex ikunu aktar prudenti meta jużaw il-power kollu tal-magni u "thrusters" flimkien, mingħajr ma jikkompromettu b'ebda mod is-safety li għandha tibqa' l-fattur l-aktar importanti. Il-Kumpanija għamlet dan wara rakkomandazzjonijiet li kellha mid-disinjaturi tal-vapuri u dawk li mmanifatturaw u fornew il-makkinarju tal-vapuri.
Leg 9 PQ #25128 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fuel Oil

Question

Jista' l-Ministru jgħid (a) x'inhu l-ammont fi flus ta' fuel oil li l-vapuri tal-Gozo Channel qegħdin jikkunsmaw fil-ġimgħa? (b) X'inhu l-ammont ta' żjut oħra ie. gear oil, hydrolic oil etc li kull vapur qed jirrikjedi?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li l-ewwel parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali, ma naħsibx li jkun fl-interess tal-Kumpanija li tali nformazzjoni tiġi ppubblikata. Dwar il-konsum jista' wieħed jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 24914. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, il-konsum ta' żjut f'litri għal kull ġurnata huwa kif ġej: VAPUR LUBRICATING OIL GEAR OIL HYDRAULIC OIL Guados 14.9 2.2 4.0 Ta' Pinu 26.7 9.9 7.9 Calypso 24.2 4.5 3.9 Cittadella 43.9 - 0.5 Mġarr 43.0 - 0.5
Leg 9 PQ #25129 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jgħid (a) x'kienet il-kawża tal-waqfien tal-makni tal-vapur 'Guados' xi ftit ilu meta dan kien dieħel fil-port ta' l-Imġarr, Għawdex? (b) Minkejja li l-vapur għadu taħt il-garanzija, kemm tammonta l-ispiża biex tiġi rranġata l-imsemmija ħsara? (c) X'prewkazzjonijiet ser tieħu l-kumpanija Gozo Channel biex inċidenti bħal dawn ma jergħux iseħħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 24491 waqt is-Seduta numru 516. Jiena nfurmat li l-Gozo Channel għad ma għandhiex stima ta' kemm ser tiġi tiswa l-ħsara, għaliex din għad trid tiġi "rectified" peress li l-vapur għadu taħt il-garanzija. Bħalissa l-Kumpanija, flimkien mal-konsulenti, l-manifatturi tal-vapur u min issupplixxa l-parti li żviluppatilha l-ħsara, qed teżamina x'prekawzjonijiet għandhom jittieħdu biex mhux biss kemm jista' jkun l-ħsara ma tirrepetix ruħha, iżda biex fl-eventwalita' li tali ħsara tirrepeti ruħha l-'outcome" ma jkunx l-istess.
Leg 9 PQ #24676 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bdiewa/Raħħala/Sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid, skond id-dipartiment ta' l-istatistika, kemm huwa n-numru ta' bdiewa, raħħala u sajjieda full-time u part-time f'Malta u Għawdex separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bħalissa l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika għaddej bil-proċess ta' ġbir ta' informazzjoni dwar bdiewa, raħħala u sajjeda. Għaldaqstant dan l-Uffiċċju għalissa ma jistax jipprovdi l-informazzjoni mitluba. Madanakollu skond il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ in-numru ta' bdiewa u raħħala "full time" huwa ta' 2,201 waqt li dawk "part-time" reġistrati jammontaw għal 1,033. In-numru ta' sajjieda "full-time" huwa ta 410 u dawk "part-time" jammontaw għal 106. Dawn il-figuri huma relattivi kemm għal Malta kif ukoll għal Għawdex. Biex tali nformazzjoni tkun tista' tingħata għaż-żewġ ġżejjer separatament ikun meħtieġ li jsir eżerċizzju apposta.
Leg 9 PQ #24677 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Bdiewa — EU/Sussidju

Question

Jista' l-Ministru jgħid, skond id-dipartiment ta' l-istatistika, kemm huwa n-numru ta' bdiewa Maltin u Għawdxin li d-daqs ta' l-art tar-raba' li jikkultivaw huwa konformi biex jikkwalifikaw għall-iskemi ta' sussidju li l-Unjoni Ewropea tista' tagħti lill-bdiewa skond id-daqs tar-raba' li jokkupaw wara li Malta ssir membru?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika ma għandux l-informazzjoni biex tkun tista' tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija.
Leg 9 PQ #24678 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rziezet

Question

Jista' l-Ministru jgħid, skond id-dipartiment ta' l-istatistika, kemm huwa numru ta' rziezet f'Malta u Għawdex separatament sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin? X'tip ta' bhejjem u tjur irabbu u kemm kienet il-produzzjoni annwali ta' kull tip separatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għas-sena 2000 hija kif ġej: TIP TA' BHEJJEM MALTA GĦAWDEX TOTAL Bhejjem li jirgħu 206 51 257 Majjal 157 17 174 Ngħaġ u Mogħoż 1223* 831* 2054* Tjur 346 95 441 *numru ta' "units" Statistika għas-snin ta' qabel ma kinitx tinġabar.
Leg 9 PQ #24679 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Laħam Abjad

Question

Jista' l-Ministru jgħid, skond id-dipartiment ta' l-istatistika, x'kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam abjad f'Malta u Għawdex separatament matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, u x'tip ta' laħam kien?

Response (BONNICI, JOSEF)

Tajjeb jingħad li l-laħam abjad jista' jinqasam fi tlitt kategoriji - dak tal-majjal, tal-fenek u tat-tjur. Jiena nfurmat li ma tinżammx statistika dwar produzzjoni ta' tjur, iżda huwa stmat li f'Malta u Għawdex flimkien fl-1999 inqatlu mat-tmint elef tunellata ta' tjur. Stima tal-produzzjoni tal-laħam tal-fenek ma teżistix. Dwar il-majjal, il-figuri f'kilogrammi għall-laħam ipproċessat fil-Biċċerija tal-Gvern matul l-aħħar ħames snin kienu kif ġej: SENA MALTA GĦAWDEX 1996 8,325,599 489,621 1997 9,659,783 533,169 1998 9,848,169 549,138 1999 9,805,744 452,426 2000 9,069,085 449,707
Leg 9 PQ #24945 Sitting 529 2001-04-04 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Għaxaq — Triq tal-Qattus

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ u jasal għar-raġuni għalfejn ir-residenti ta' Triq tal-Qattus, Għaxaq, għalkemm it-triq hi fformati u l-main ta' l-ilma hu mwassal safejn it-triq, hemm għad ta' residenti li għadhom sal-lum mingħajr provvista ta' ilma u jiddepdenu mill-bjar? Jista' jara li dawn ir-residenti wkoll ikollhom is-servizz ta' l-ilma?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.