Legislature:
Category:
Reset
Active:

Weigh Pads

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 17133 u 17134, jista' il-Ministru jgħid għaliex mit-18 ta' Novembru 2005 sal-lum saru biss erba' testijiet permess tal-weigh pads? Jista' jgħid hux minnu li kien hemm tgergir fuq il-mod li jaħdmu jew kienu qegħdin jitħaddmu l-weigh pads li wassal għall-perijodu fejn dawn ma kenux qegħdin jintużaw?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab informat illi l-użu ta' dawn il-portable weigh pads kien xi ħaġa ġdida għall-Enforcement Officers ta' L-Awtorita', l-użu tagħhom kien wieħed sperimentali. Waqt l-eżerċizzju li sar, il-vetturi kollha miżiena nstabu li fil-piż kienu bi ksur tal-Liġi. Għaldaqstant kien deċiż li qabel jibda jsir użu permanenti minnhom, l-operaturi jkunu nfurmati anki permezz tal-għaqdiet tagħhom, li jridu jibdew jimxu mal-Liġi. Jien informat li kien hemm xi burdnara u operaturi oħra ta' vetturi kbar li oġġezzjonaw għall-użu ta' l-użin bil-weigh pads. Kulħadd irid jifhem, iżda, li ma jistax jibqa' jiġi tollerat li vetturi kbar jgħabbu ferm aktar toqol milli suppost, għaliex dan iwassal biex jagħmlu ħsara kbira fit-toroq aktar u aktar issa li qed jintefqu daqstant miljuni biex intejbu l-istat tat-toroq f'pajjiżna.

ADT — Weigh Pads

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17133, jista' il-Ministru jgħid meta saru t-testijiet imsemmija u kemm saru testijiet separatament matul Jannar 2006 u Frar 2006 sal-lum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li t-testijiet msemmija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 17133 saru fl-20 ta' Diċembru, 2005. F'Jannar u Frar ta' din is-sena ma saru l-ebda testijiet.

OPM — Segretarji Permanenti u Diretturi Ġenerali

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm call for applications għall-karigi ta' Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi matul is-snin 2004 u 2005 fid-dekasteru tiegħu? F'każ li fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-order of merit finali ta' l-applikanti għal kull kariga rispettiva? Jista' jgħid jekk hux f'kull każ li l-persuna klassifikata fl-ewwel post ħadet l-appointment? F'każ li l-appointment ma ħaditux il-persuna klassifikata numru wieħed, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'seduta oħra.

Birkirkara — Triq Mons Depiro

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17140, jista' il-Ministru, anke jekk hemm lista twila ta' xogħol jistenna li jsir qabel, jagħti idea ta' meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq l-imsemmija triq għal ġih ir-residenti li joqogħdu hemm li ilhom ħafna żmien jistennew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f'seduta oħra.

Birkirkara — Triq Mons Depiro

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17140, jista' il-Ministru, anke jekk hemm lista twila ta' xogħol jistenna li jsir qabel, jagħti idea ta' meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq l-imsemmija triq għal ġih ir-residenti li joqogħdu hemm li ilhom ħafna żmien jistennew?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn spezzjoni li saret f'din it-triq jirriżulta li 30 fil-mija ta' din it-triq għadha mhux żviluppata. Il-Ministeru u l-Awtorita' dwar it-Trasport qegħdin jevalwaw il-lista ta' toroq li fadal f'Birkirkara wara li f'dawn l-aħħar xhur inbeda u f'xi każijiet tlesta x-xogħol fuq disa' toroq. Ta' min wieħed jgħid ukoll li l-Awtorita' dwar it-Trasport ħarġet tender li tkopri t-toroq tal-area tal-Qattus. Wara li jitlesta x-xogħol ta' din it-tender tkun tista' tittieħed deċiżjoni fuq toroq oħrajn f'Birkirkara.

San Pawl tat-Tarġa — Traffic Lights fil-Bypass

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16689 u jara jistgħux jitwaħħlu traffic lights fil-bypass ta' San Pawl tat-Tarġa, fil-parti li tagħti mill-Għargħur għan-Naxxar, billi din qed tkun ta' periklu kbir għar-residenti tal-Għargħur li jkunu jridu jaqsmu l-bypass?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li diġa' hemm tliet settijiet ta' pelican lights f'din il-bypass. L-Awtorita' dwar it-Trasport ser tevalwa s-sitwazzjoni u jekk ikun bżonn isir xi tibdil.

Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu mistenni li t-toroq li isimhom qed jintbagħat separatament jiġu asfaltati?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender għax-xogħlijiet meħtieġa ġo parti minn Triq tal-Ħofra u Triq Ġdida fi Triq il-Ħofra (minn Triq il-Magħsar għal Triq Tal-Ħofra) diġa’ nħareġ u x-xogħlijiet ser jibdew fil-ġranet li ġejjin wara li ssir il-ko-ordinzzjoni mall-entitajiet. Sa dan it-tant l-Awtorita' dwar it-Trasport qed jipprepara l-program tax-xogħlijiet, l-bqija tat-toroq jinbnew skond il-prijoritajiet li joħroġ minn dan il-program.

Protokoll Taljan — Bini ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew jiswew it-toroq kollha li saru s'issa f'pajjiżna bl-aħħar protokoll Taljan? X'kienu l-ammonti ta' varjazzjonijiet li saru fuq l-offerti oriġinali tal-kuntratti magħrufa? Jista' jagħti lista sħiħa tal-kumpanniji, barranin u lokali, li b'xi mod jew ieħor għamlu xogħol fuq dawn it-toroq u jgħid f'kull każ kemm tħallset jew se titħallas kull kumpannija li għamlet xogħol fuq dawn it-toroq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħed fil-fażi finali li jiġu magħluqa l-kontijiet kollha tal-proġett ta' rikostruzzjoni ta' toroq li sar parzjalment mill-fondi tal-Protokoll Taljan. Meta dan il-proċess jiġi konkluż, l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tkun tista' tingħata.

Żvilupp Urban u T-Toroq — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 14779 u 16353 u jgħid jekk l-ADT investigatx l-ilment tal-familja li dettalji dwarha ntbagħtu separatament dwar kanna ta' l-overflow ta' l-ilma li kienet twaħħlet mhux skond is-sengħa waqt ix-xogħlijiet fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi b'konsegwenza li l-ilma tax-xita ma jistax joħroġ minn din id-dar? Jista' jgħid jekk l-ADT tistax tirranġa din il-problema għal din il-familja?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li dan il-każ ġie spezzjonat minn uffiċjal tad-direttorat fejn ġie stabbilit li ma jidhirx ħruġ ta' overflow taħt il-bankina. Għalhekk ser tkun investigata kif u jekk dan l-overflow jistax jiġi mwassal sax-xifer tal-bankina, skond il-livelli stipulati għal din it-triq biex din il-problema tiġi solvuta.

Żabbar — Triq il-Għasel

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jingħata wiċċ xieraq lil Triq il-Għasel, Żabbar?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara program ta' xogħlijiet ta' bini ta' numru ta' toroq residenzjali. Dawn ix-xogħlijiet isiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw mill-program tax-xogħlijiet ta' l-ADT.

Birkirkara By-pass — Bicycle lane

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra li ssir bicycle lane fuq il-by-pass ta' Birkirkara, ħalli r-residenti ta' Birkirkara, Balzan, Lija u l-Iklin ikunu jistgħu jmorru l-universita' bir-rota jekk iridu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita' dwar it-Trasport tikkunsidra favorevolment din il-proposta ta' bicylce lane bħala mezz alternattiv ta' trasport. Għalhekk qiegħda tiġi mistħarrġa l-possibilita' li din il-bicyle lane tiġi implimentata tul din it-triq bi preparazzjoni tal-pjanti neċessarji u stima għal dan il-proġett.

Landrijiet l/o Rabat

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb biex it-triq li tieħu għal-Landrijiet, limiti tar-Rabat, tiġi rranġata u mogħtija t-tarmac peress li tant qiegħda fi stat ħażin li kważi ma tistax tidħol bil-vettura?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant taqa’ taħt ir-responsabilita tal-Kunsill Lokali u b’hekk il-manutenzjoni ta’ din it-triq hija parti mix-xogħlijiet li għandu jagħmel il-Kunsill. Sadanittant fil-gimgħat li għaddew l-Awtorita' dwar it-Trasport irriżultalha li numru ta’ toroq simili fir-Rabat kienu f’sitwazzjoni inaċċettabbli u għalhekk kellha tintervjeni u tagħmel xogħlijiet temporanji ta’ manutenzjoni fihom, wara li l-Kunsill Lokali naqas li jagħmel dan.

Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk l-emendi li saru dan l-aħħar għall-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur Kap. 368 u li kienu ppubblikati fil-gazzetta tal-gvern numru 17,853 tas-16 ta' Diċembru 2005, daħlux fis-seħħ jew le? Jekk fl-affermattiv, meta daħlu fis-seħħ u liema artiklu? Jekk le, meta huwa maħsub li dan isir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-emendi għall-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur daħlu fis-seħħ fis-16 ta’ Diċembru, 2005, id-data tal-promulgazzjoni ta’ l-istess Att, jiġifieri l-Att XIX ta’ l-2005.

Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-emendi li saru għall-Att dwar Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta' Vetturi bil-Mutur, Kap 368 u li kienu ppubblikati fil-gazzetta tal-gvern numru 17,853 tas-16 ta' Diċembru 2005, jinkludu wkoll eżenzjoni mit-taxxa għal ċertu għaqdiet volontarji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-emendi li saru fl-Att dwar it-Taxxa tar-Reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur m'humiex relatati ma' eżenzjonijiet. Il-Ministru responsabbli mill-finanzi għandu l-poter li jagħti dawn l-eżenzjonijiet bis-saħħa tas-subartikolu (2) ta' artikolu 19 ta' l-istess Att. F'dak l-artiklu ma saru l-ebda emendi u alllura ma nbidel xejn minn dak li kien hemm qabel.

Freeport — Xogħol ta' tħammil

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol ta' tħammil qed isir fl-inħawi tal-Freeport? Meta beda dan ix-xogħol u meta se jitlesta? Min qed jagħmel dan ix-xogħol u kif ingħata dan il-kuntratt? Jista' jgħid fejn qed jiġi mormi dan ir-radam? F'każ li qed jiġi mormi fil-baħar, x'kontrolli qed isiru mill-awtoritajiet konċernati, fosthom il-MEPA u Heritage Malta, sabiex il-baħar u l-patrimonju ta' ġo fih jiġi mħares u protett? Jista' jgħid ukoll jekk il-kuntrattur hux qed jimxi mal-linji gwida u l-ispeċifikazzjonijiet mogħtija lilu, jekk sar hekk, b'mod partikolari fejn jidħol ir-rimi ta' dan l-istess radam?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ix-xogħol ta' tħammil li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant jagħmel parti mill-proġett ta' rikostruzzjoni ta' Triq Ħal Far. L-Awtorita' dwar it-Trasport għandha numru ta' nies tagħha li jagħmlu sorveljazzjoni fuq is-sit inkwistjoni u ma kienx rappurtat illi r-radam intrema fil-baħar. L-istess sorveljazzjonijiet isiru biex jiġi assigurat illi l-kuntrattur jimxi skond l-istandards, liema standards kienu nklużi mall-kuntratt ta' xogħlijiet li kienu ġew aġġudikati lill-istess kuntrattur inkwistjoni.

Magħtab — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħin biex jinksew b'mod diċenti t-toroq imħarbtin li hemm fl-inħawi tal-Magħtab - bħal Toroq Santa Klara, Lampara, Kampanjol u oħrajn qrib?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Interpellant ser isiru spezzjonijiet biex naraw x'kundizzjoni jinsabu fiha dawn it-toroq. Id-direttorat qed ihejji program għall-bini ta' toroq ġodda, u t-toroq li jinħtiġilhom xogħol ser ikunu nklużi f'dan il-program skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Rabat — Triq Ħemsija

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex partijiet minn Triq Ħemsija, Rabat, Malta li għadha kemm inqalgħet u ġiet irranġata bil-fondi tal-protokoll Taljan, qiegħda ċċedi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B'riferenza għall-hsara fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, l-Awtorita' dwar it-Trasport bħalissa qed tikkonkludi t-tesijiet li saru fuq din il-parti tat-triq. F'dan il-proċess ġiet eżaminata l-infrastruttura li għaddejja minn taħt it-triq, il-ħxuna tal-materjali li tpoġġew u l-kwalita tal-materjal fil-pedament. Minn dawn ir-riżultati ħareġ illi ma jidhirx li hemm ħsara fl-infrastruttura ta' taħt it-triq u l-ħxuna tal-materjali li tpoġġew hija kif kienet speċifikata. Meta ġiet imħaffra trinka mall-ġenb tal-parti tat-triq biswit l-istess parti fejn ċediet ġie osservat illi l-fond ta' madwar tlett metri l-isfel mill-wiċċ tat-triq kien hemm presenza ta' ilma fil-pedamenti tat-triq. Jidher illi din il-preżenza ta' ilma għamlet ħsara fl-istess pedamenti b'mod illi dawn iddajfu. Sadanittant konferma ta' dan mistenni joħroġ meta l-istess parti tat-triq tiġi rriparata bil-pedamenti mikxufin u dak in-nhar tkun tista' tiġi vverifikata l-ipoteżi hawn fuq imsemmija. Ta' min jgħid li l-ħsara fi Triq Tal-Ħemsija li għadha taħt investigazzjoni kienet fuq medda żgħira ta' 10m minn proġett ta' 16.5km toroq ġodda. Mhux xieraq li wieħed jiġbed konklużjonijiet mgħaġġla u jiġġeneralizza minħabba problema limitata daqs din.

Proġetti f'Għawdex

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartimenti tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex sena sena minn din is-sena sa l-2008?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qegħda tagħmel xogħlijiet ta' bini mill-ġdid tat-Triq l-Imġarr u Triq ix-Xatt, Għajnsielem u mill-port ta' l-Imġarr sal-junction li tagħti għall Heliport. Il-kuntrattgħal dawn ix-xogħlijiet mistenni jiġi iffirmat fil-bidu ta' Marzu u x-xogħlijiet jitlestew f'ħamsa u ħamsin (55) ġimgħa. Dawn ix-xogħloijiet qegħdin jiġu iffinanzjati mill-fondi ta' Koezjoni u ser jisewe madwar Lm1.65 million. L-Awtorita' qegħda tagħmel ukoll studji għal titjib ta' 7 km tat-Trans European Network li hija r-rotta mir-Rabat sal-port taż ll-Imġarr. Qegħdin jiġu studjati wkoll proposti għal by pass li tagħti għar-Rabat, kif ukoll triq alternattiva għal port ta' l-Imġarr. Triq oħra inkluża hija dik li tagħti għal Marsalforn. Dawn l-istudji għandhom jitlestew sa nofs din is-sena. Qegħda tipprepara l-pjanti, stejjem u l-applikazzjonijjiet neċessarji, għal bini mill-ġdid tal-kumplament tat-TEN-T network, (mill-junxtion tal- Heliport sar-Rabat), li ser jiġu ffinanzjati mill-fondi ta' Koezjoni ta' UE tas-snin 2007 - 2013. Qiegħed jiġi ppjanat li dawn ix-xogħlijjiet jibdew f'nofs is-sena 2007. L-ADT qegħda wkoll tagħti asistenza teknika lil Ministeru ta' Għawdex, fuq il-proġetti tat-toroq li qegħdin jiġu implimentati mill-fondi strutturali, it-triq mir-Rabat sa San Lawrenz u t-triq tax-Xlendi.