Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — skemi ta' rtirar kmieni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-Segretarjat privat tiegħu, fil-Ministeru, dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu hemmx persuni impjegati li bbenefikaw minn skemi ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili mnedija mill-Air Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li mill-informazzjoni miżmuma fis-Segretarjat privat tiegħi, fil-Ministeru, fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħti ma jirriżultax li hemm persuni impjegati li bbenefikaw minn xi skemi ta’ rtirar kmieni jew skemi oħra simili mnedija mill-Air Malta.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi l-policy li juża meta jkunu se jinqalgħu siġar mit-toroq f'Malta? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux normali li siġar tal-palm jitħallew jinqalgħu bla ebda restrizzjoni mit-toroq? Billi jidher li m'għadux iktar possibbli li siġar tal-palm li jinqalgħu minn post partikolari jerġgħu jitħawlu xi mkien ieħor, kif qed jiġi assigurat li dawn l-istess siġar jinqerdu, u kif?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-qlugħ ta’ siġar mit-toroq ma jaqax taħt il-mandat ta’ dan il-Ministeru, ħlief fejn jirrigwarda siġar tal-palm. Għal dak li jirrigwarda palm, jien infurmat li skont l-Avviż Legali 42 tal-2009 u l-emendi tiegħu, palm infettat jiġi spezzjonat mill-uffiċjali tas-Sorveljanza u Spettorat fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti u skont linji gwida maħruġa taħt l-istess Att jittieħdu l-passi neċċessarji biex dawn is-siġar jinqerdu u l-qerda ssir taħt is-superviżjoni tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet mistennija li jinbdew matul din is-sena fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar? Meta hu mistenni li jinbdew dawn l-istess xogħlijiet, min se jagħmilhom u kemm hu mistenni li jiswew dawn l-istess xogħlijiet?
Response (BRINCAT, LEO)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4803 fejn kienu elenkati x-xogħlijiet kollha li ser isiru fiż-żona magħrufa bħala tal-Veċċja f’San Pawl il-Baħar. Ninsab infurmat ukoll li dawn ix-xogħlijiet huma maħsuba li jsiru din is-sena u bħalissa qegħdin jiġu preparati it-tenders relatati ma' dawn ix-xogħlijiet. F’dan l-istadju ma jkunx għaqli li tingħata informazzjoni dwar l-istimi li saru għal dawn ix-xogħlijiet minħabba li l-proċess tat-tenders għadu mhux magħluq.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta' pjanti u siġar li ma tħallewx jidħlu f'Malta matul l-2013, minkejja li dawn kienu waslu fil-portijiet jew l-ajruport tagħna? X'kienu r-raġunijiet li għalihom ma tħallewx jidħlu Malta dawn l-istess pjanti/siġar? Xi rwol għandu l-Ministeru biex jassigura li tali affarijiet ma jitħallewx jidħlu f'Malta?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2013 kien hemm każ wieħed biss ta’ pjanti li ma tħallewx jidħlu f’ Malta li kien minħabba raġunijiet fitosanitarji. Dawn kienu pjanti akkwatiċi (aquatic plants) u r-raġuni kienet għaliex dawn ma ġewx bil-prerekwiżiti skont l-Avviż Legali 97 tal-2007 u l-emendi, kif ukoll skont id-Direttiva 2000/29/EU u l-emendi.
Ninsab infurmat ukoll li r-rwol tad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti hu limitat li jara li l-pjanti u s-siġar li huma rregolati minħabba riskju fitosanitarju ma jiġux rilaxxati qabel isiru l-ispezzjonijiet neċessarji mill-ispetturi tad- Direttorat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop li għalih ġie pubblikata l-Avviż Legali 453/2013? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk dan l-Avviż Legali hux se jkollu effett ta' xi bidliet oħra fuq l-agrikultura Maltija?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-iskop li għalih qed jagħmel referenza huwa elenkat fl-istess Avviż Legali u mhux mistenni li jkollu xi effett fuq l-agrikultura Maltija.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xiri jew kiri ta' Opri tal-Arti
Question
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-opri ta’ arti li nxtraw jew inkrew mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħtu wara d-9 ta’ Marzu 2013? Jista’ jgħid f’kull każ fuq il-parir ta’ min saret l-għażla?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma nxtraw jew inkrew l-ebda opri ta’ arti mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet u aġenziji li jaqgħu taħti wara d-9 ta’ Marzu 2013.
Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — persons of trust
Question
Jista’ l-Ministru jagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tiegħu?
Response (BRINCAT, LEO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema perjodu qed tirreferi.
Komunikazzjoni Nazzjonali – Konvenzjoni qafas dwar il-bidla fil-Klima
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni Malta għadha ma ssottomettietx il-komunikazzjoni nazzjonali tagħha taħt il-konvenzjoni qafas dwar il-bidla fil-klima, meta d-data ta’ sottomissjoni kellha tkun l-1 ta’ Jannar 2014 peress li dan il-fatt jidher ċar mis-sit www.unfccc.int fejn dawn is-sottomissjonijiet jiġu ppubblikati?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li qed issir konsultazzjoni mal-Malta Resources Authority li sal-lum hija responsabbli tar-reporting obligations mal-Unjoni Ewropea dwar bdil fil-klima sabiex il-kommunikazzjoni nazzjonali li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant issir kemm jista jkun malajr.
Biċċerija tal-Gvern – korriment fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ persuni li jaħdmu fil-biċċerija tal-Gvern fil-Marsa? F’liema kategorija ta’ xogħol differenti jaħdmu dawn l-istess impjegati, skont il-grad li jaħdmu fih? Kemm minn dawn il-ħaddiema (inklużi l-professjonisti) qed jaħdmu fuq bażi full-time, kemm fuq bażi part-time u kemm fuq bażi ta’ kuntratti temporanji? Kemm-il każ ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol kien hemm fil-biċċerija, matul din is-sena (2013)? Kemm minn dawk li korrew fuq il-post tax-xogħol kellhom jieħdu sick leave b’riżultat ta’ dan il-korriment? Kemm minn dawn il-korrimenti seħħew, maqsuma xahar b’xahar matul dan il-perijodu? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm minn dawk li korrew għadhom ma rritornawx għax-xogħol regolarmanent?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li jaħdmu fil-biċċerija tal-Gvern fil-Marsa huwa ta’ 81 li minnhom 14 jaħdmu fl-Amministrazzjoni u 67 fuq il-linja u xogħol anċillari. Il-ħaddiema kollha jaħdmu fuq bażi full-time u minnhom 19 il-ħaddiem jaħdmu fuq bażi ta’ kuntratt.
Nirreferi lill-Onor. Interpellant ukoll għat-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra rigward korrimenti fuq il-post tax-xogħol li kien hemm matul is-sena 2013 fejn ninsab infurmat li l-ħaddiema kollha irritornaw għax-xogħol.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-mixtla tal-Milorda, il-Furjana (taħt il-ġnien tal-Argotti) hijiex tintuża bħala mixtla? Jekk le, x'inhu l-użu li għandha bħalissa? Jekk għadha tintuża bħala mixtla, hemm ħsieb li l-użu tagħha jinbidel?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart separat miġbur mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Novembru 2013, lokalità b'lokalità, f'Malta u Għawdex?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każijiet ta’ prodotti li daħlu fil-Pitkalija, li ġew spezzjonati matul l-aħħar sena, wara suspett li kienu prodotti mdaħħla fis-suq Malti minn barra minn Malta? Kemm kien hemm każijiet li nstabu li huma verament prodotti mhux lokali? X’passi ttieħdu f’dan ir-rigward?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda rapport formali ta’ prodott impurtat u mdaħħal fil-Pitkalija Ta’ Qali matul l-2013.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed tiġi pjanata sabiex tindirizza dik li tidher li hi problema dejjem tikber ta’ kaċċa illegali fil-Buskett?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-azzjonijiet prinċipali li ttieħdu dis-sena sabiex tiġi indirizzata l-kaċċa illegali kemm fil-Buskett kif ukoll f’żoni oħra magħrufa għall-isparar fuq tajr protett huma:
- Iż-żieda fuq is-sorveljanza li rduppjat fir-rebbiegħa u l-ħarifa meta mqabbla mas-snin ta’ qabel.
- Ingaġġar ta’ aktar nies għas-sorveljanza fejn fil-qofol tal-passa ġew ingaġġati 4 uffiċjali mill-kavallerija tal-Pulizija.
- It-twaqqif tal-Ispecialist Enforcement Branch tal-Wild Birds Regulation Unit.
- Iż-żieda fil-penali b’seħħ minn Ottubru 2013 fejn il-penali għar-reati serji rduppjaw.
Ninsab infurmat ukoll li fl-isforz sabiex jiżdied aktar l-infurzar qed tiġi diskussa proposta sabiex jitwaqqaf Wildlife Crime Investigation Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.
B’referenza għall-emendi l-ġodda għall-Avviż Legali Nru 79 tal-2006 permezz ta’ Avviżi Legali 341 u 403 tal-2013 li introduċew diversi miżuri fosthom sistema ta’ multi u tribunal li jirrevedi multi amministrattivi, jista’ l-Ministru jgħid kif din is-sistema se tkun qed taħdem? Jista’ jgħid kemm inħarġu multi s’issa u l-ammont ta’ kull waħda? Jista’ jgħid jekk sarx xi ftehim mal-Korp tal-Pulizija biex il-pulizija jingħataw taħriġ fit-tħaddim ta’ din is-sistema? Jista’ jgħid jekk it-tribunal bediex jaħdem, u jekk fl-affermattiv kemm-il seduta saret s’issa? Jista’ jgħid min huma l-membri ta’ dan it-tribunal?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-iskeda VIII żdiedet mar-Regolamenti b’lista ta’ reati żgħar suġġetti għal-multi amministrattivi, dment li tali reati ma jitwettqux flimkien ma’ fatturi oħra aggravanti, f’liema każ min iwettaq tali reati jitressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u jekk jinstab ħati jkun suġġett għal-multi speċifikati f’regolament 27 (2) u (3). Min jeħel multa amministrattiva jista’ jappella quddiem it-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva. L-emendi jispeċifikaw ukoll li qabel ma jitħallsu l-multi pendenti, l-liċenzja ma tkunx tista’ tiġedded.
Din is-sistema hija amministrata mil-WBRU, permezz ta' kooperazzjoni mal-Pulizija, li jiskopru reati u jirreferu riferti għal ipproċessar mill-WBRU.
Bejn il-25 t’Ottubru u l-11 ta’ Diċembru ngħataw 15-il multa amministrattiva, inkluż 14-il multa ta’ 250 Euro – il-waħda, u multa ta’ 500 Euro għal żewġ reati.
L-emendi kollha msemmija ġew diskussi mal-istakeholders kollha f’dan is-settur, inkluż il-Pulizija.
Fir-rigward ta’ multi amministrattivi mniżżla fi Skeda VIII, il-liġi tipprovdi għal-possibilta’ ta’ appell quddiem It-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva, mfassal taħt l-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva (Kap. 490). Ir-Regolamenti tal-2013 li jemendaw ir-Regolamenti dwar it-Twaqqif ta’ Elenki fit-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva jinkludu f’dan it-Tribunal diġa stabbilit, ir-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi.
Ninsab infurmat ukoll li sallum ma kienx hemm appelli. It-Tribunal jikkonsisti minn Imħallef u żewġ avukati.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ir-rapporti dwar carnet de chasse m’għadhomx jiġu ppubblikati? Jista’ jara li dawn ir-rapporti li jindikaw l-iskala tal-kaċċa waqt l-istaġuni tal-ħarifa u x-xitwa jiġu ppubblikati kull sena? Jista’ jgħid jekk dawn il-figuri ġewx komunikati lill-Kummissjoni Ewropea?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-informazzjoni tal-Carnet de Chasse ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni Ewropea bħala parti mir-rapporti tal-Gvern dwar id-derogi tal-kaċċa fir-rebbiegħa. Ninsab infurmat ukoll li dan l-aħħar, il-MEPA għaddiet l-informazzjoni tal-Carnet de Chasse għas-snin 2010–2012 lill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU), li twaqqfet riċentament, u qiegħda fil-proċess li tipprepara dawn ir-rapporti biex fil-ġimgħat li ġejjin jiġu ppubblikati. L-informazzjoni tal-Carnet de Chasse għas-sena 2013 tiġi estratta wara li l-kotba tal-Carnet de Chasse jinġabru fi Frar 2014.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar iż-żjara fiċ-Ċina minn delegazzjoni li tmexxiet mis-segretarju parlamentari? Minn min kienet magħmula l-istess delegazzjoni? X’kien il-ftehim li suppost intlaħaq dwar il-koperazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina waqt l-istess żjara? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istess ftehim?
Response (BRINCAT, LEO)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-istqarrija għall-istampa li nħarget fil-11 ta’ Diċembru mill-Ministeru tiegħi, ninsab infurmat li d-delegazzjoni kienet magħmula mill-Onorevoli Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali u l-Kap tas-Segretarjat tiegħu kif ukoll mis-Segretarju Permanenti u mill-Kap tal-Aġenzija tal-Pagamenti.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-Segretarju Parlamentari responsabbli għad-Drittijiet tal-Annimali fi ħdan il-Ministeru tiegħu ma mexiex mal-liġi fil-ħatra tal-Animal Welfare Council – u b’mod partikolari ma mexiex mal-Artikoli 4 (1) (e) u 4 (3) tal-Kap 439 tal-Liġijiet ta’ Malta – fis-sens illi ma ħatarx iż-żewġ rappreżentanti magħżula mill-Animal Rights Coalition kif kienet il-prattika kostanti matul is-snin li għaddew? Jista’ jgħid x’passi se jittieħdu biex il-liġi tkun mħarsa? Jista’ f’kull każ jgħid x’rabta preċiża għandhom iż-żewġ persuni maħtura a tenur tal-Artikolu 4 (1) (e) ma’ animal welfare groups, f’liema għaqda jew għaqdiet huma attivi dawn l-istess persuni, u b’liema mod jassigura li jkun qed jimxi mar-rakkomandazzjoni tal-istess assoċjazzjonijiet jew gruppi, dejjem skont l-istess liġi?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-ħatra tar-rapprezentanti fuq l-Animal Welfare Council saret skont Artiklu 4 (1) (e) u Artiklu 4 (3) tal-Kap 439 tal-Liġijiet ta’ Malta, fejn inħatru żewġ persuni li skont is-Segretarju Parlamentari jirrapreżentaw l-interessi tal-ħarsien tal-annimali. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant ukoll li billi il-Gvern irid li l-Animal Welfare Council jiġi msaħħaħ, ser tiġi ukoll emmendata l-liġi sabiex jiżdiedu aktar membri fih.
Għajnuna lill-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-kaċċaturi u n-nassaba
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru hux qed jagħti xi tip ta’ għajnuna finanzjarja diretta jew indiretta lil xi għaqda jew għaqdiet li jirrappreżentaw lill-kaċċaturi u n-nassaba jew għaqda jew għaqdiet li jirrappreżentaw lil dawk li jaħdmu favur il-protezzjoni tal-għasafar? Jekk din l-għajnuna fil-fatt tingħata, għal kemm tammonta u għal-liema raġuni?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li il-Ministeru qiegħed jipprovdi għajnuna finanzjara kemm lill-BirdLife (Malta) u kemm lill-FKNK. L-għajnuna lill-BirdLife (Malta) hija pprovduta permezz ta’ ftehim tal-immaniġjar għar-riservi naturali tas-Simar u tal-Għadira. L-ammont ta’ din l-għajnuna huwa ta’ 28,650 Ewro favur l-Għadira u 11,650 Ewro favur is-Simar, fis sena. Apparti dawn l-ammonti jingħata ukoll pagament in kind. Fil-każ tal-FKNK, l-għajnuna hija pprovduta ghall-disseminazzjoni ta’ informazzjoni regolatorja lill-kaċċaturi, sħubija f’organizazzjonijiet internazzjonali u parteċipazzjoni f’laqgħat. FKNK tircievi l-ammont ta' 10,000 Ewro fis-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ liċenzji għall-insib f’Malta u Għawdex separatament?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li waqt dan l-istaġun preżenti, l-insib huwa permess biss b’Liċenzja Speċjali għal żewġ speċi: il-pluviera u l-malvizz. Ninsab infurmat ukoll li hawn 916 liċenzja speċjali f’Malta u 248 liċenzja speċjali f’Għawdex.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ għasafar midruba li ntlaqgħu mill-pulizija, mill-awtoriitajiet responsabbli mill-ħarsien tal-annimali u mid-diviżjoni veterinarja tal-Gvern mill-1 ta’ Jannar sal-lum u x’kienet l-ispeċi tagħhom separatament? Jista’ jgħid x’kienet id-djanjosi tagħhom? Kemm minn dawn l-għasafar kienu vittmi ta’ kaċċa illegali?
Response (BRINCAT, LEO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.