Bormla – Triq il-Pelligrinaġġ – djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern mikrija b’titolu ta’ kera fi Triq il-Pelligrinaġġ, Bormla li fihom ħsarat strutturali u li hemm il-ħtieġa li jinbidel is-saqaf tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar dwar talbiet għal tiswijiet li rċeviet mingħand inkwilini li jgħixu fl-appartamenti tal-Gvern fit-Triq il-Pellegrinaġġ ġewwa Bormla, hemm 4 talbiet pendenti għal tiswijiet f’gallariji u rapport wieħed dwar ħsarat fis-saqaf ta’ appartament. Għandha ssir spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar biex jaraw x’tiswijiet hemm bżonn isiru.
Il-Fgura – Housing Estate – djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm djar ta’ abitazzjoni proprjetà tal-Gvern mikrija b’titolu ta’ kera fil-Housing Estate tal-Fgura li fihom ħsarat strutturali u li hemm il-ħtieġa li jinbidel is-saqaf tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa, għaddej proċess ta’ spezzjonijiet biex jiġu vverifikati talbiet li l-Awtorita’ tad-Djar irċeviet għall-tiswijiet minn inkwilini li joqogħdu taħt titolu ta’ kera f’appartamenti jew djar fil-Housing Estate tal-Fgura.
Mill-ispezzjonijiet li saru sa issa għalkemm instab li hemm bżonn li ssir tiswija f’xi soqfa u gallarijiet, pero’ mhux il-każ li hemm bżonn li jsir bdil ta’ xi soqfa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17231 u jgħid kemm huma dawk ir-romol li, għalkemm għandhom id-dritt għall-Pensjoni tal-Irtirar tagħhom, minflok għażlu u qegħdin jieħdu l-Pensjoni tar-Romol? Jista’ jgħid kemm hija l-ispiża tal-Gvern f’dan ir-rigward?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi bħalissa hemm 16,196 persuna li tirċievi pensjoni tar-romol, li minnhom 982 kellhom pensjoni tal-irtirar qabel ma bdew jirċievu l-pensjoni tar-romol.
Dawn il-kważi elf (982) persuna ma jinkludux romol li meta romlu, kienu għadhom ma laħqux l-età tal-irtirar, u li seta’ ikollhom ukoll pensjoni tagħhom kieku ma romlux. Dan in-numru ma jistax ikun magħruf b’ċertezza.
Mhux possibbli lanqas li nkunu nafu kemm hu l-ammont ta’ pensjoni li kieku jieħdu llum bħala pensjoni tal-irtirar, u għaldaqstant mhux possibbli nkunu nafu l-ispiża tal-Gvern f’dan ir-rigward, għax għal kull każ ikun irid isir assessjar tiegħu b’mod individwali skont il-medja ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa jew akkreditati u s-salarji li fuqhom tinħadem il-pensjoni.
Sheltered Employment Training Project – applikazzjonijiet minn persuni bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet minn persuni bi bżonnijiet speċjali sabiex jieħdu sehem fix-Sheltered Employment Training Project? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew imsejħa sabiex jieħdu sehem? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ applikanti fuq il-lista ta’ stennija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika għal liema proġett qiegħda tirreferi.
Sheltered Employment Training Project – kumpaniji privati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-kumpaniji privati li qed jieħdu sehem fix-Sheltered Employment Training Project u li attwalment għandhom persuni b’diżabilità jaħdmu fil-kumpaniji tagħhom taħt dan il-proġett?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika għal liema proġett qiegħda tirreferi.
Residenza San Vinċenz de Paul – Fondi allokati mill-Gvern għal taħriġ fil-kura tal-anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-fondi li ġew allokati mill-Gvern għaċ-Ċentru għat-Taħriġ fil-kura tal-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-fondi qed jiġu ffinanzjati mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi b’kollox ġew allokati €391,828, li 85% minnhom ġew allokati mill-fondi tal-UE għaċ-Ċentru għat-Taħriġ fil-kura tal-anzjani fir-Residenza San Vinċenz.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema sezzjoni tar-Residenza San Vinċenz de Paul qiegħed iċ-Ċentru ta’ Taħriġ? Jista’ jgħid jekk dan iċ-Ċentru huwiex allokat f’parti mill-Active Ageing Section li qabel kienet magħrufa bħala l-Entertainment Section?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi ċ-Ċentru ta’ Taħriġ fir-Residenza San Vinċenz de Paul jinsab wara t-teatru ta’ San Vincenż. Iċ-Ċentru, li kien fi stat ta’ abbandun, u li minnu kull ma kienu qegħdin jiġu użati kienu biss żewġt ikmamar bħala dressing rooms, ikopri żewġ sulari.
Is-sezzjoni tal-Anzjanita’ Attiva topera minn parti differenti, jew aħjar minn quddiem it-teatru tar-Residenza, u tieħu ħsieb li torganizza diversi attivitajiet kemm ġewwa kif ukoll barra r-residenza.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-GPs fir-Residenza San Vinċenz de Paul tħallew jattendu konferenza fil-ġimgħa bejn it-8 u t-12 ta’ Ġunju imma r-Resident Doctors le?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tispeċifika għal-liema konferenza qed tirreferi.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ir-rosters tat-tobba fir-Residenza San Vinċenz de Paul qed jaġevolaw lill-GPs għad-detriment tar-Resident Doctors?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rosters tat-tobba fir-Residenza San Vinċenz de Paul mhux qegħdin jaġevolaw lill-ebda grad partikulari. It–tobba ġewwa San Vincenz qegħdin jaħdmu fuq duty rosters ta’ 1 in 8. Dan għall-kuntrarju ta’ meta t-tobba residenti kienu jqassmu d-duties bejniethom fejn it-tobba residenti kienu dejjem jieħdu huma l-Ħdud u l-festi u jħallu l-ġranet l-oħra għall-General Practitioners u l-Foundation Doctors, tant li dawn tal-aħħar kienu għamlu lment mal-MAM kif ukoll mal-amministrazzjoni ta’ San Vincenz.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk fir-Residenza San Vinċenz de Paul hemmx GPs li ġew assenjati inqas minn 70 pazjent waqt li hemm Resident Doctors li għandhom iktar minn 170 pazjent? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għal din id-diskrepanza qawwija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi b'mod temporanju, hemm General Practitioner waħda (1) li kellha inqas swali minn tobba oħra, u dan minħabba li qiegħda tagħmel diversi xogħolijiet oħra li jinkludu coverage ta’ tobba li jkunu fuq vacation leave u sick leave. Il-General Practitioner in kwistjoni tagħmel ukoll diversi assessments lill-persuni qabel ma jiddaħlu fir-residenża San Vincenż. Dawn is-servizzi jinvolvu skariġġ u ġiri f'diversi sptarijiet, djar tal-Gvern u djar privati, li ma jingħatawx mit-tobba residenti ta’ San Vincenż.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fost il-GPs li bdew jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul hemmx tobba li qed jiġu aġevolati minħabba parentela politika jew trejdunjonistika?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-amministrazzjoni ta’ San Vincenż la kienet u lanqas hi interessata fil-parenteli, affiljazzjonijiet jew orientazzjonijiet tal-persuni ingaġġati magħha bħala GPs. Jekk kien isir hekk qabel, din il-prattika ma teżistix illum.
Residenza San Vinċenz de Paul – GPs – kuntratti ffirmati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-GPs li għamlu l-interview u ntgħażlu biex jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul iffirmawx il-kuntratt tagħhom? Jekk iva, meta ġie ffirmat? Jekk le, għalfejn għadu ma ġiex iffirmat? Kien hemm xi tibdil mill-kuntratt oriġinali?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15792 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taċ-Ċentri kollha ta’ Matul il-Jum li huma mmexxija mill-Gvern? Jista’ jgħid meta nfetħu kull wieħed minn dawn iċ-ċentri, kemm hemm impjegati jaħdmu f’kull wieħed minn dawn iċ-ċentri u x’inhu l-grad tagħhom? Jista’ jgħid x’inhi l-allokazzjoni finanzjarja globali sabiex jiġi operat dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum huma maqsumin f’disa’ reġjuni. Kull reġjun hu mmexxi minn supervisor. Lista bl-informazzjoni mitluba dwar iċ-Ċentri ta’ matul il-jum, imqassma f’reġjuni, in-numru ta’ impjegati allokati, kif ukoll kif mitlub u informazzjoni dwar meta nfetħu dawn iċ-ċentri qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni finanzjarja għall-2015 hija ta’ €100,000 liema somma tkopri it-trasport u l-attivitajiet relatati mal-operat iżda ma tinkludix il-pagi.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — ingaġġ ta' impjegati mill-Air Malta
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15939, u jgħid jekk mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta? Jekk iva, jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' dawn il-persuni u fejn qed jaħdmu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-informazzjoni miġbura mid-Direttorat tar-Riżorsi Umani tal-Ministeru, mill-1 ta' Jannar 2015 sallum, kien hemm impjegat (1) biss li kien ibbenefika minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta mal-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali u/jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilita’ tal-Ministeru. L-impjieg tiegħu ma jmurx kontra l-iskema li kien ibbenefika minnha.
Bajjiet Blue Flag – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema bajjiet f’pajjiżna kemm dawk li huma blue flag jew le, huma aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità inkluż għall-persuni li jagħmlu użu mis-siġġijiet bir-roti kif ukoll kemm hemm għad-dispożizzjoni tal-Awtorità tat-Turiżmu siġġijiet bir-roti li jistgħu jintużaw minn persuni b’diżabilità fuq il-bajjiet fejn saħansitra jkunu disposti li jinżlu bihom sal-baħar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16354 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16106, jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin kemm ġew konklużi adozzjonijiet mill-Albanija u mill-Islovakkja, l-uniċi żewġ pajjiżi li Malta għandha ftehim bilaterali magħhom dwar l-adozzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mit-tagħrif li għandha l-Aġenzija Appoġġ dwar adozzjonijiet mill-Albanija u s-Slovakkja, l-istatistika miġbura qed tiġi ppreżentata hawn taħt kif ġej:
Sena meta ħareġ id-Digriet tal-Qorti
Numru ta’ Tfal Addottati mill-Albanija
Numru ta’ Tfal Addottati mis-Slovakkja
2008
1
0
2009
1
0
2010
0
0
2011
1
0
2012
0
0
2013
0
0
2014
0
0
Aktar kmieni din is-sena jien mort is-Slovakkja u filwaqt li ffirmajt MoU ta’ koperazzjoni fis-setturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, ħadna l-opportunita’ li jiġu solvuti intoppi li kienu jeżistu fil-qasam tal-adozzjoni mis-Slovakkja.
Fir-rigward tal-addozjonijiet mis-Slovakkja irid jingħad li, minkejja li f’dawn l-aħħar snin ma kienx hemm addozzjonijiet konklussivi, bħalissa, (jiġifieri fis-sena 2015), hemm 4 itfal mis-Slovakkja, identifikati u mqabbla għal ma’ ġenituri prospettivi, u minuri wieħed mill-Albanija.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-informazzjoni miġbura dwar kemm saru addozzjonijiet minn dawn il-pajjiżi tirrifletti biss dawk l-addozzjonijiet fejn kien hemm l-involviment tal-Aġenzija Appoġġ, billi hemm għadd ta’ aġenziji privati oħra li huma ukoll involuti. Statistika kompluta tkun tista’ tinġabar biss mit-tagħrif miżmum fl-uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku.
Awtorità dwar l-Istandards tal-Ħarsien Soċjali – aġenziji ta’ adozzjonijiet akkreditati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn aġenziji tal-adozzjonijiet akkreditati mal-Awtorità dwar l-Istandards tal-Ħarsien Soċjali u liema huma dawn l-aġenziji? Jista’ jgħid meta kull aġenzija ingħatat l-akkreditazzjoni u minn dik id-data sal-lum fuq kemm-il adozzjoni ħadmet u kkonkludiet kull aġenzija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm ħames 5 aġenziji tal-addozjonijiet akkreditati mal-Awtorita’ Ċentrali. Dawn huma:
L-Aġenzija Appoġġ
- li ngħatat l-akkreditazzjoni għall-ewwel darba fl-2012 u ġiet imġedda sal-2016;
Adoption Legal Services
- li kienet akkreditata għall-ewwel darba fl-2012 u ġġeddet sal-2016;
Beyond Borders
- li ngħatat l-akkreditazzjoni għall-ewwel darba fl-2012 u ġiet imġedda sal-2016;
Aġenzija Tama -
li ġiet akkreditata għall-ewwel darba fl-2014 sal-2016;
Adoption Opportunities
- li ngħatat l-akkreditazzjoni għall-ewwel darba fl-2014 sal-2016.
Bejn l-2012 u l-2014 b’kollox kienu konklużi 62-il adozzjoni.
Jista’ l-Ministru jinvestiga għaliex persuni b’diżabilità mhux qed jingħataw ħrieqi? Jista’ jagħti spjegazzjoni u jara li din il-problema tiġi ri¿olta immedjatament peress li dan in-nuqqas qed jikkaġuna inkonvenjent kbir lill-persuni b’diżabilità? kbir?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ebda ħin ma kien hemm ħrieqi out of stock, jew persuni b’di¿abbilita mingħajr provista ta’ ħrieqi. Minħabba d-domanda sostanzjali li kien hemm dan ix-xahar, ingħataw ħrieqi ta’ ditta oħra wkoll.