Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk id-delegati tac-CHEAM li bħala esperti tal-biedja pparteċipaw f'isem Malta fl-okkażjoni tal-100 laqgħa tac-CHEAM li nżammet f'Malta?
X'kienu d-diskorsi tagħhom dwar il-biedja f'Malta u jista' l-Ministru jpoġġi kopja tar-rapport tal-laqgħa li saret li jiġbor fih il-veduti tal-pajjiżi membri?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Delegat ta' Malta għac-CHEAM ipparteċipa f'isem Malta.
Ma sarux diskorsi dwar il-biedja f'Malta. Ir-rapport tal-laqgħa għadu mhux uffiċjali.
B'riferenza għal 100 laqgħa tac-CHEAM li nżammet f'Malta matul l-1999, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-pajjiżi parteċipanti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-delegati ta' dawn il-pajjiżi għamlux riferenza għal proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa? Jekk iva, x'kienu l-kummenti jew ir-riferenzi li għamlu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pajjiżi membri tac-CIHEAM ipparteċipaw f' din il-laqgħa.
Ma saret l-ebda riferenza għall-proġett ta' Wied il-Qlejgħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kartolini, f'envelopes u f'pustaġġ biex intbagħtu l-kartolini tal-Milied 1999 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, separatament? Jista' jgħid f'kull każ fejn ġew stampati dawn il-kartolini u jekk intalbux kwotazzjonijiet għal dan? Jista' jgħid lil minn intbagħtu dawn il-kartolini?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sakem ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 11965?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezzijiet mifthema għal 2,000 tunnellata patata Sante' li mistennija tkun esportata fis-sena 2000 jikkonsistu f'NLG32, NLG31.5, NLG30.5 u NLG29 kull xkora ta' 25Kgs. għal kull 500 tunnellata fil-ġimgħa, skond meta titlaq minn Malta.
Jista' l-Ministru jinformana kemm kien in-numru tal-laqgħat li saru fil-GFCM mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn u min kienu l-uffiċjali tal-ministeru jew tad-dipartiment tas-sajd li pparteċipaw? Jista'l-Ministru jpoġġi kopja tal-minuti u cioe' jgħid ukoll x'kienu l-proposti tad-dipartiment tas-sajd f'dawn il-laqgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat li saru fil-GFCM matul il-perjodu indikat kienu kif isegwi: Marzu '99 - GFCM Scientific Advisory Committee; Gunju '99 - GFCM Scientific Advisory Committee; Lulju '99 - GFCM Extraordinary General Meeting; u Lulju '99 - GFCM 24th Plenary Session.
L-Uffiċjali tal-Gvern li pparteċipaw kienu l-Ambaxxatur għall-FAO, F Montanaro Mifsud li huwa c-Chairman vigenti ta' l-assemblea tal-GFCM; is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura w Sajd, is-Sur E Gauci Borda, id-Direttur tad-Dipartiment tas-Sajd w Akwakultura, Dr A Gruppetta u l-konsulent tas-Sajd fi ħdan id-Dipartiment tas-Sajd w Akwakultura, is-Sur M Camilleri. L-uniku uffiċjal li kien preżenti fil-laqgħat kollha kien l-Ambaxxatur F Montanaro Mifsud.
Malta qiegħda tieħu parti attiva fi ħdan l-SAC li qiegħed jaħdem sabiex tiġi fformolata 'Management Policy' għas-Sajd fil-Mediterran. Is-Sur M Camilleri ġie appuntat bħala wieħed mill-konsulenti tal-GFCM Scientific Advisory Committee sabiex iwettaq studji neċessarji sabiex ikun jista' jintlaħaq dan il-għan. Permezz ta' din il-ħatra Malta qiegħda f'posizzjoni li tkun tista' tipparteċipa direttament fuq deciżjonijiet li jinfluwenzaw it-tip ta' sajd li jsir fil-Mediterran.
Malta ssuġġeriet li l-parteċipazzjoni finanzjarja tal-pajjiżi ż-żgħar fil-budget awtonomu tal-GFCM għanda tkun minima. Id-Delegazzjoni ssuġġeriet ukoll illi jekk il-GFCM toħroġ mill-FAO, Malta hija lesta li tilqgħa lill-GFCM u l-kwartieri ġenerali tagħha.
Malta pproponiet li tilqgħa u torganizza it-"25th Plenary Session", li għanda ssir bejn id-19 u 23 ta' Ġunju 2000.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 12034?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iż-żewġ pilastri tal-konkos li saru f'Wied tal-Qlejjgħa m'humiex xogħol li sar mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. Għalhekk id-Dipartiment m'għandux informazzjoni dwar jekk sarux permessi għal dan ix-xogħol jew minn min sar dan ix-xogħol.
Dwar il-parti tal-mistoqsija li tirrigwarda l-Awtorita ta' lIppjanar, nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza d-domanda tieghu lill-Ministru responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żjara saret lill-bdiewa fl-Imġarr, il-Mellieħa, il-Pwales, iż-Żebbiegħ, l-Imtarfa, il-Manikata, ir-Rabat u l-limiti tiegħu, San Pawl il-Baħar u Burmarrad sabiex tiġi evalwata l-ħsara li saret kawża tal-maltemp li ħakem lill-gżejjer tagħna f'dawn l-aħħar ġimgħat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Dawn l-aħħar ġimgħat il-bdiewa ġarrbu diversi ħsarat, kaġun ta' temp ħażin, fl-uċuħ u propjeta tagħhom. Fost dawn kien hemm maltempata bis-silġ li ħakmet l-aktar in-naħat ta' Ħad-Dingli, kif ukoll riħ qawwi, silġ u ilmijiet li laqtu l-partijiet kollha ta' Malta. Dawn ta' l-aħħar ikkaġunaw għarar ta' uċuħ tar-raba', u fis-serer anke qerda ta' dawn l-uċuħ, tkissir ta' ħġieġ u plastik ta' serer, xi annimali għerqu fl-irziezet, twaqqieħ ta' ħitan u kmamar fir-raba'.
Matul dan iż-żmien saru diversi viżiti minn uffiċjali tal-'Extension Service' li wkoll laqgħu l-bdiewa l-uffiċju sabiex ikunu jistgħu jieħdu rapport dirett mingħandhom.
Il-fuq minn 400 bidwi marru l-uffiċji tal-'Extension Service' jirraportaw il-ħsarat u dawn it-talbiet issa qegħdin fil-proċess ta' evalwazzjoni ħalli l-Ministeru ikun jista jippjana x'forma ta' għajnuna tista tintalab mill-Gvern bħala kumpens għall-bdiewa li ġarrbu ħsarat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi bejn l-1987 u l-1996 mill-Ministeru, dipartimenti u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu?
Jista' jgħid x'marka jew ditta kienu dawn il-karozzi?
Jista' jgħid kemm ġew jiswew fi flus il-karozzi b'mod separat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Bejn l-1987 u l-1996 inxtraw 18-il karozza mill-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu.
Hawn taħt hawn il-lista ta' dawn il-karozzi flimkien mal-marka u kemm ġiet tiswa kull waħda:
Nru tar- Għamla Data tar- Prezz
Registrazzjoni Reġistrazzjoni Imħallas
tal-Vettura Lm
AAL809 Hyundai Lantra GLS 19 Oct 94 4000
ABD846 Nissan Sunny 2.0 LX 24 Oct 94 4000
GVN088 Dacia 1310 TLX 18 Apr 89 1461
GVN089 Dacia 1310 TLX 18 Apr 89 1461
GVN090 Dacia 1310 TLX 18 Apr 89 1461
GVN091 Dacia 1310 TLX 18 Apr 89 1461
GVN092 Dacia 1310 TLX 18 Apr 89 1461
GVN093 Dacia 1310 TLX 18 Apr 89 1461
GVN095 Skoda Foreman Special 11 Sep 94 3699
GVN096 Skoda Foreman 135 GLX 18 Feb 94 3510
GVN273 Dacia 1310 TLX 18 Apr 89 1461
GVN274 Dacia 1310 TLX 18 Apr 89 1461
GVN275 Skoda Felicia LX 26 Jan 96 3055
H-5053 Mercedes Benz 200 20 Jul 88 11700
HAD591 Hyundai Lantra 24 Oct 95 4800
KAC934 Audi A4 17 Dec 96 8450
M-0849 Skoda Foreman 135 GLX 01 Dec 93 3350
W-8992 Daewoo Racer 13 May 94 4000
Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd — Kapijiet/uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kapijiet u uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd li bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena ntbagħtu mill-ministeru fuq xogħlijiet/riċerka/laqgħat eċċ barra minn Malta b'konnessjoni ma' l-applikazzjoni ta' sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Meta marru, fuq liema oqsma kellhom il-laqgħat u xi żviluppi kien hemm?
Kemm kienu l-ispejjeż li saru uffiċjali kap, kap?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Jannar u Novembru tal-1999 kien hemm ħmistax-il delegazzjoni li siefru b'konnessjoni ma' l-applikazzjoni ta' sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja, b'wieħed jew aktar Ufficjali mill-Ministeru.
Fil-proċess ta' l-'iscreening' il-liġijiet ta' l-UE jiġu mqabbla mal-liġijiet ta' Malta.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' l-Uffiċjali li marru, meta u fuq liema oqsma kellhom il-laqgħat, u kemm kienu l-ispejjeż.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu x-xogħlijiet li saru bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena bħala kontinwazzjoni tal-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlegħja?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul Jannar 1999 sar xogħol ta' tindif tal-wied u taħwil ta' siġar indiġeni bħaż-Żafżafa w is-Sambuka.
Fix-xhur sussigwenti nbnew ukoll ħitan fejn intużaw 84 gabjun.
Qiegħed isir il-proċess għal-ħruġ ta' tender ġdida sabiex jitkompla ix-xogħol fuq ir-rihabilitazzjoni tal-wied.
B'riferenza għall-protesta tas-sajjieda Maltin u Għawdxin dwar l-aħħar miżura anti soċjali tal-Budget 2000, cioe' ż-żieda tal-levy fuq il-petrol u d-diesel, jista' l-Ministru jinformana bl-aħħar żviluppi u cioe' x'inhija l-pożizzjoni tas-sajjieda llum?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda żieda ta' levy fuq il-petrol u diesel fl-aħħar budget.
It-talba tas-Sajjieda ma għandiex x'taqsam ma dan hawn fuq imsemmi. Is-Sajjieda qed jitolbu sabiex jingħataw diesel bla dazju. Qabel l-1972 dawn is-sajjieda kellhom 'rebate' biex tkopri d-dazju fuq il-'fuel' u il-Gvern ta' dak iż-żmien kien neħħa dan ir-'rebate'. Is-Sajjieda qed jitolbu li jerġgħu jiksbu il-kondizjoni ta' parteċipazjoni w kompetittivita' li kellhom dak iż-żmien. Is-Sajjieda ilhom snin jitolbu sabiex din il-kwistjoni tiġi meqjusa.
L-interpellant għandu jkun jaf illi l-Gvern preżenti wiegħed fil-programm elettorali ta' l-elezzjoni ta' l-1998 li s-sajjieda Maltin u Għawdxin jibdew jibbenefikaw minn għajnuniet li jeżistu wkoll fil-pajjiżi ta' l-UE, bħalma hija l-provvista ta' 'fuel duty free'. S'issa saret laqgħa biex tinġabar l-informazzjoni kollha meħtieġa bil-għan li tiġi formulata struttura ta' provvista bl-inqas abbuż possibbli.
B'riferenza għar-rapport li kien sar mid-Dipartiment ta'l-Agrikoltura lill-Awtorita'ta' l-Ippjanar dwar tibdil sostenibbli li jistgħu jgħinu lill-bdiewa jtaffu d-dewmien u l-ispejjeż tal-proċess ta' l-applikazzjonijiet tal-bdiewa u raħħala lill-Planning Authority, jista' l-Ministru jinformana x'kontinwazzjoni saret matul Jannar sa Novembru ta'din is-sena? Kien hemm xi emendi ġodda jew rapporti oħra? Jekk huwa l-każ, jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti/emendi fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar w ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienu il-varjetajiet ta' ħxejjex u frott frisk li daħlu fil-Pitkalija matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena u preferibbilment staġun, staġun u t-tunellaġġ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Sena Tunnellaġġ
1994 28,617 ,021
1995 27,904,231
1996 31,265,304
19 97 33,956,519
1998 34,255,989
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' prodotti agrikoli li jidħlu fil-Pitkalija minn żmien għal żmien skond l-istaġun.
Jista' l-Ministru jinfurmani x'kienu l-ispeċi ta' varjetajiet ta' ħut frisk li ddaħħlu fil-pixkerija matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena u preferibbilment staġun, staġun u tunellaġġ?
Response (ZAMMIT, NINU)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' raħħala li ordnaw l-għabura u l-muntun u tħallew b'xejn minkejja li għamlu l-ordni u ħallsu l-pagamenti kollha f'April ta' din is-sena?
Kemm minhom huma Maltin u kemm Għawdxin?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru totali ta' raħħala li ordnaw għabajjar u mtaten mill-Ġermanja kienu 26.
Minn dawn kien hemm 12 Għawdxin u 14 Maltin. It-tqassim sar bil-polza. Erba' raħħala ma ħadux għabura, iżda tnejn minnhom ħadu muntun. Wieħed Għawdxi u wieħed Malti ix-xorti ma dahkitilhomx.
Kif jispjega l-fatt il-Ministru li nbnew żewġ pilastri tal-konkos fil-wied tal-Qlejjgħa?
Dawn huma temporanji jew permanenti? Saru xi talbiet lill-Planning Authority dwar dawn ix-xogħlijiet li saru? Jekk iva, x'inhi r-referenza?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f' xi seduta oħra.
B'riferenza għall-esportazzjoni tal-varjeta' Sante', jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-prezzijiet jew prezz minimu garanti għall-istaġun li ġej ta' din il-varjeta'?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni qiegħda tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'parquet fl-art tal-Ministeru mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn? Jista' jikkonferma jekk fil-Ministeru saritx kamra tal-banju u jacuzzi? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid fil-każi kollha kemm; (1) intnefqu flus; (2) min għamel ix-xogħol (3) ħarġux offerti jew intalbux kwotazzjonijiet u mingħand min; (4) mingħand min inxtara l-materjal u l-aċċessorji?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fil-Ministeru sar toilet żgħir ieħor li jikkompriżi 'wash-hand basin', 'water closet' u 'shower'. L-accessorji tat-toilet inxtraw mingħand Satariano Ltd għas-somma ta' Lm496.59. Ix-xogħol sar mill-ħaddiema tad-dipartiment.
L-ebda "jacuzzi" ma ġie nstallat!
Il-'parquet' inxtara mingħand Fithome Ltd bil-prezz medju ta' madwar Lm7860 u jkopri l-'area' ta'madwar 385 metri kwadri. Il-prezz jinkludi kemm il-materjal kif ukoll ix-xogħol tat-tqegħid ta' l-istess 'parquet'.