Jista' il-Minsitru jgħid kemm saru laqgħat mal-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex sabiex ikun stabbilit u organizzat il-kalendarju agri turistiku għas-sena 2005?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ma saru l-ebda laqgħat mal-Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex dwar dan is-suġġett.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-NGO's f'Malta u Għawdex sabiex ikun stabbilit u organizzat il-kalendarju agri turistiku għas-sena 2005?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li ntbagħtu ittri lill-Għaqdiet Non-Governattivi (NGO's) kkonċernati kollha kif ukoll lil xi koperattivi biex jagħtuna l-informazzjoni dwar il-funzjoni u l-attivitajiet tagħhom.
Meta taslilna din l-informazzjoni jkun jista' jiġi organizzat il-kalendarju agri-turistiku għas-sena 2005.
Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mit-talba tal-kunsill lokali tar-Rabat sabiex is-separazzjoni ta' l-iskart issir f'zona mhux residenzjali u titneħħa miz-zona residenzjali ta' Għajn Qajjed? Jista' jgħid liema huma z-zoni li l-gvern ippropona lill-kunsill tar-Rabat? F'każ li ma saret ebda proposta, jista' jara li d-dipartiment konċernat jipproponi zona jew zoni alternattivi lill-kunsill tar-Rabat?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-talba li l-Kunsill Lokali tar-Rabat għamel lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet l-applikazzjoni PA 5931/03 sabiex is-separazzjoni ta' l-iskart isir f'Għajn Qajjed. Din l-applikazzjoni kienet ġiet milqugħha mill-MEPA f'Lulju 2004. Il-MEPA m'għandhiex applikazzjonijiet oħra sabiex dan l-iżvilupp jitneħħa minn dan is-sit u jitpoġġa f'sit ieħor.
Jista' il-Ministru jinformani għaliex ma saret ebda attivita' hands on fishing matul is-snin 2004, 2003, 2002, 2001, eċċ? Jista' jikkonsidra li jerġa' jibda jorganizza dan il-programm?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-visti tat-tfal ta' l-iskola fiċ-Ċentru tax-Xjenza tas-Sajd f'Marsaxlokk baqgħu għaddejin fuq talbiet mill-iskejjel individwali. Fil-preżent qed jiġi ppreparat program aktar mifrux għall-iskejjel ta’ pajjiżna.
Jista' il-Ministru jinformana kemm se jkunu l-ispejjeż kull kilo għall-bdiewa sabiex jagħmlu tajjeb minn bwiethom għall-ispiża tal-parking station u tal-grading station fil-pitkalija ċentrali? Minn meta/fejn se jibdew jinqatgħu dawn l-ispejjeż li jridu jħallsu l-bdiewa? Kemm se jkunu l-ispejjeż għall-bdiewa li jiggrejdjaw u jippakkjaw il-ħaxix u dawk li jagħmlu l-istess għall-frott?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 9572, tas-Seduta nru. 211. Is-sitwazzjoni għada bħal ma kienet dakinhar.
Jista' il-Ministru jinformani għaliex il-Kunsill Lokali ta' Ħad-Dingli qatt ma ngħata ċavetta tal-mużew ta' l-inbid li hemm fil-Buskett sabiex it-turisti jkunu jistgħu jżuru l-mużew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10234.
Jista' il-Ministru jinformana bit-tibdil li sar dwar il-ħlas tas-sussidji li qed jingħataw il-bdiewa għall-ħxejjex u frott li jipproduċu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li wara diversi laqgħat ma rappreżentanti tal-bdiewa, kien sar suġġeriment biex jinbidel il-metodu li bih kien qiegħed jiġi kkalkulat is-sussidju fuq il-ħaxix u l-frott. Dan il-metodu kien ibbażat kemm fuq il-piż kif ukoll fuq il-valur tal-prodotti, bl-iskop li jiġi skoraġġit li jiddaħħlu prodotti ta’ kwalità baxxa biex jikkwalifikaw għas-sussidju, u fl-istess ħin il-bdiewa jiġu mħajra jkabbru prodotti ta’ kwalità tajba. It-tibdil issuġġerit kien li ma jibqax jiġi kkunsidrat il-valur tal-prodott iżda s-sussidju jiġi kkalkulat biss fuq il-piż tal-prodotti ta’ kull bidwi. Dan is-suġġeriment intlaqa’ wara li ġie kkunsidrat li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu introdotti sistemi ta’ grading, ippakkjar u spezzjonijiet, id-dħul ta’ prodotti inferjuri fil-pitkalija se jkun minimu.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex il-bdiewa ma ħadux la 10c fil-kilo u lanqas 5c fil-kilo fuq id-dulliegħ kif ġie mwiegħed lilhom qabel ir-referendum u l-aħħar elezzjoni ġenerali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sussidju fuq il-frott li ingħata mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali u Ambjent huwa ta' medja ta' 5ċ7 kull kilo. Dan għaliex il-ħlas finali kien jiddependi fuq il-valur tal-prodott tal-bdiewa individwali u għalhekk kien hemm każi fejn xi wħud ħadu iktar jew inqas minn 5ċ7 kull kilo ta' frott. Nagħmel ukoll referenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10239.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ilu ma jsir xi xogħol kwalunkwe f'Wied Blandun? Xi pjani għandu l-gvern għal dan il-wied?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li parti minn dan il-wied tinsab fuq art li ġiet inkluża fil-pjan globali tal-Park tal-Kottonera (Cottonera Heritage Park). Xogħol fuq dan il-wied għad irid jiġi identifikat ħalli jiġi kkunsidrat fil-programm ta’ ħidma tal-Unit Parks, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (P.A.R.K.).
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru impjegati tal-gvern jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu li huma fil-grad ta' executive officer jew grad inqas, jew li għandhom salarju fi skala 14 jew inqas bejn Jannar 2003 sa Ottubru 2004? Fejn marru? Min awtorizza l-imsemmija safra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ uffiċċjali li siefru li huma fil-grad ta’ Executive Officer jew grad anqas huwa ta’ erbgħa. Dawn siefru lejn Edinburgh, Skozja; Ispra u Ruma, Italja; Brussell, Belġju; Cologne, Ġermanja, u ġewwa Belfast, l-Irlanda ta’ Fuq. Dawn is-safriet ġew awtorizzati mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru.
Min-naħa ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), kienu 6 (5 impjegati X 1 safra u impjegat 1 X 4 safriet) dawk l-impjegati li siefru bejn Jannar 2003 u Ottubru 2004. Dan is-safar kien lejn ir-Renju Unit (6 darbiet), Ġermanja, Latvija u Repubblika Ċeka. F'kull kaz is-safra kienet approvata mic-Chairman tal-MEPA u mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Affarijiet Rurali u Ambjent.
Min-naħa tal-kumpanija Wasteserv Malta Limited ma kien hemm l-ebda impjegat/a li huma fil-grad ta’ Executive Officer jew grad inqas, li marru fuq safar uffiċjali.
Jista' il-Ministru jinformana għaliex ma nbidlux it-tined tal-pjanċi msadda u perikolużi li hemm fin-naħa tal-frott fil-pitkalija ċentrali? Jista' jara li dawn it-tined jinbidlu mmedjatament qabel ma jseħħ xi inċident fatali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-Sezzjoni tal-Frott li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant ma taqax taħt ir-responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jista' il-Ministru jinformani għaliex fl-estimi ta' din is-sena ma ġewx ivvutati fondi sabiex jitkompla l-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dan il-Ministeru għandu diversi prijoritajiet biex niżguraw li l-biedja ġewwa Malta tkompli tiżviluppa.
Ix-xogħol fuq Wied il-Qlejgħa, għalkemm mhux fil-lista ta' prijorità f'dan il-mument, ser jitkompla fil-ħin opportun.
Jista' il-Ministru jinformani għaliex il-mużew ta' l-inbid li hemm fil-Buskett tħalla totalment abbandunat matul dawn l-aħħar snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-mużew li hemm fil-Buskett ma tħalliex totalment abbandunat, iżda qiegħed jiġi miżmum mit-Taqsima tal-Vitikultura u L-Enoloġija fi ħdan dan il-Ministeru,.u dan fid-dawl ta' pjanijiet biex il-mużew jingħata rwol aktar xieraq fix-xena ta' l-inbid u l-vitikultura f'Malta, billi jifforma parti minn Enoteka Nazzjonali ta' Inbejjed ta' kwalità.
Jista' il-Ministru jinformani kemm kien it-tunnellaġġ ta' l-industrija tal-qatla tad-dundjan lokali matul is-sena 2004 u f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-figuri li żżomm t-Taqsima ta' l-Ikel u l-Affarijiet Veterinarji rigward l-industrija tad-Dundjani huma biss dwar l-importazzjoni ta' dundjani ta' ġurnata (day-old turkey poults). Dawn huma kif jidher fit-tabella hawn taħt annessa:
SENA
AMMONT TA' DUNDJANI
2001
18,780
2002
50,443
2003
15,500
2004
14,000
Jista’ il-Ministru jgħid liema huma dawk il-postijiet jew partjiet minnhom li llum iservu bħala skejjel li huma skedati mill-MEPA? X’inhi r-raġuni f’kull każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem il-MEPA għal bini u/jew tibdil ta’bini fi skejjel? Min minn saret kull applikazzjoni? Meta saret? F’liema lokalita’? Għal liema tip ta’skola?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab ifurmat li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għandha disa' applikazzjonijiet pendenti għal bini u/jew xogħlijiet oħra ta' tibdil jew estensjonijiet fi skejjel diversi. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dettalji ta' dawn l-applikazzjonijiet kif mitlub mill-Onor. Interpellant.
MEPA — Applikazzjonijiet għal manutenzjoni ta' skejjel
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-MEPA għal tiswijiet/manutenzjoni ta’skejjel? Meta saret kull applikazzjoni? X’tiswijiet/manutenzjoni hemm maħsub li jsiru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li preżentement l-Awtorita’ ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) m'għandhiex applikazzjonijiet pendenti għal tiswijiet/manutenzjoni ta' skejjel.
Jista' il-Ministru jgħid jekk jeżistux applikazzjonijiet ta' żvilupp għand il-MEPA li jikkonċernaw is-sit ta' l-ex Empire Stadium fil-Gżira? Jekk fl-affermattiv, fiex jikkonsistu dawn l-applikazzjonijiet ta' żvilupp?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li, skond is-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), l-unika applikazzjoni li tikkonċerna s-sit ta' l-ex-Empire Stadium fil-Gżira li għandha quddiema l-istess Awtorità hija PA 6513/04.
Jista' il-Ministru jinformani x'wassal biex il-produzzjoni lokali tat-trobbija tat-tjur tas-simna naqset b'40% matul is-sena 2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li t-trobbija tat-tjur tas-simna fis-sena 2004 naqset bi 18.7%, u mhux 40%. Dan in-nuqqas hu dovut l-aktar minħabba r-ristrutturar fil-biċċeriji tal-qatla kemm f'Malta u kemm f'Għawdex, u ristrutturar ġenerali.