Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni involuti f’inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni; u jekk hemm, jelenka l-persuni mingħajr ma jiżvela l-identità; li kienu involuti f’inċidenti tat-traffiku aktar minn darba, fejn l-inċidenti rriżultaw f’fatalità, korriment jew diżabilità lill-vittmi rispettivi? Għal kull persuna, jista’ jgħid ukoll l-inċident li kien involut fihom bħala sewwieq, id-data ta’ kull inċident u l-impatt fuq il-vittma?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ghadha qed tingabar.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Entitajiet - Kawżi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Xagħra – Triq Marsalforn – xogħol

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29539, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq Triq Marsalforn fix-Xagħra, Għawdex tkompliex mill-kunsill lokali? Jekk le, jista' jgħid jekk it-tender għal dan ix-xogħol inħariġx u jgħid kemm se jiġi jiswa x-xogħol fuq l-istess triq? Jista' jgħid jekk sakemm isir ix-xogħol, il-kunsill hux beħsiebu jara li jissewwew il-ħofor perikolużi li fiha din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra li x-xogħol fuq Triq Marsalforn għadu ma tkompliex. It-tender ħareġ it-Tlieta 21 ta’ Frar bix-xogħol mistenni jiġi jiswa madwar € 300,000. Infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali li sakemm isir ix-xogħol, il-kunsill beħsiebu jsewwi il-ħofor perikolużi li fiha.

Ħamrun — Kunsill Lokali - proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti kollha li saru mill-Kunsill Lokali Ħamrun fis-sena 2016? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-proġetti li ser ikun qed iwettaq dan il-Kunsill matul din is-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li matul is-sena 2016, il-Kunsill temm il-proġett ta’ resurfacing fi Triq Kanonku Bonnici u r-restawr tal-Kappella ta’ Porto Salvo magħrufa bħala Santunuzzu. Intant jien infurmat li matul l-2017 mistenni li jsiru dawn il-proġetti: · Bankina Ġdida quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Immakulata Kunċizzjoni; · Rijabilitazzjoni tal-lattrina pubblika fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh; · Tisbiħ ta’ Pjazza Kappillan Muscat; · Tisbiħ ta’ Triq il-Franġiskani; · Tisbiħ quddiem il-Kappella tad-Duluri fi Triq Joe Abela Scolaro; · Traffic Management adegwat fi Triq Joe Abela Scolaro; · Traffic Management adegwat fi Triq Oscar Zammit; u · Resurfacing ta’ Triq Karmenu Abela, parti minn Triq Giovanni Barbara u parti minn Triq il-Kbira San Ġużepp.

Marsa — Kunsill Lokali - proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti kollha li saru mill-Kunsill Lokali Marsa fis-sena 2016? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-proġetti li ser ikun qed iwettaq dan il-Kunsill matul din is-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Marsa li matul is-sena 2016, il-Kunsill temm il-proġett ta’ resurfacing fi Triq is-Sajjieda u biddel diversi bankini. Intant jien infurmat li matul l-2017 mistenni li jsiru dawn il-proġetti: · Resurfacing ta’ Triq it-Tiġrija, Triq Giuseppe Zammit f’Albertown u parti min Triq is-Salib; · Tisbiħ taż-zona ta’ Triq Ħal Qormi u Triq Isouard b’funtana u reservoir; · Bdil tat-taraġ li jgħaqqad Triq Diċembru Tlettax ma’ Pont San Tumas.

Santa Venera – Kunsill Lokali — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti kollha li saru mill-Kunsill Lokali Santa Venera fis-sena 2016? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-proġetti li ser ikun qed iwettaq dan il-Kunsill matul din is-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera li matul is-sena 2016 il-Kunsill bena mill-ġdid Triq Misraħ il-Barrieri u Triq iż-Żonqor. Intant jien infurmat li matul l-2017 mistenni li jsir proġett ta’ bandli u open gym fiż-żona tal-Palazz l-Aħmar kif ukoll resurfacing ta’ toroq oħrajn.

Floriana – Kunsill Lokali — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-proġetti kollha li saru mill-Kunsill Lokali Floriana fis-sena 2016? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-proġetti li ser ikun qed iwettaq dan il-Kunsill matul din is-sena 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Floriana li matul is-sena 2016, il-Kunsill għamel bankini ġodda fi Triq P Floriani bejn Triq Sant’ Anna u San Franġisk, tul Triq il-Konservatorju, u mad-dawra ta’ Binja Vilhena, rampa li twassal għall-polverista, u CCTV cameras fi Pjazza San Publiju u fi Triq F.S. Fenech. Intant jien infurmat li matul l-2017 mistenni li ssir it-tiswija ta’ mains tal-ilma fl-inħawi ta’ wara l-Istitut Kattoliku u wara dawn l-istess toroq jingħataw it-tarmak.

Laqgħat mal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31286 u jagħti tagħrif dwar jekk hux normali li l-Ministru, inkluż il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali, jiltaqa’ mal-gruppi politiċi differenti fil-kunsilli lokali (flok mal-kunsill jew rappreżentanti uffiċjali tiegħu)? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk f'tali laqgħat jinżammux minuti tal-laqgħat li jsiru? Jekk iva, jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kellu laqgħat (inkluż is-Segretarju Parlamentari) mal-gruppi politiċi differenti, u minn liema lokalitajiet kienu l-gruppi li ltaqa' magħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm laqgħat ta’ din ix-xorta min-naħa tiegħi. Informat ukoll mingħand is-Segretarju Parlamentari li min-naħa tiegħu ma kellux laqgħat ta’ din ix-xorta.

Applikazzjoni għaċ-Ċittadinanza – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-applikazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza jiġu pproċessati mill-Unit taċ-Ċittadinanza fi ħdan Identity Malta. Għaldaqstant, l-applikanta għandha tirreferi l-mistoqsijiet tagħha lill-uffiċjali fi ħdan il-Unit imsemmi. Jingħad ukoll illi ladarba tittieħed deċiżjoni finali, din tkun ikkomunikata lill-applikanta.

Identity Malta – proċeduri għal persuni ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal finijiet ta’ ħruġ ta’ Karta tal-Identità, xi proċedura qed tħaddem u x’passi qed tieħu Identity Malta meta jirriżultalha li persuna ta’ nazzjonalità barranija, tintsab li qed tuża indirizz mingħajr l-approvazzjoni tas-sid? Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li hemm sabiex dawn is-sidien ikunu jistgħu jneħħu lil dawn il-persuni bħala reġistrati fuq il-proprjetà tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuni ta’ nazzjonalità barranija ma japplikawx għal Karta tal-Identità, iżda għall-dokument ta’ residenza. Kull ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu bżonn jissottometti mal-applikazzjoni tiegħu dokumentazzjoni marbuta mal-indirizz. Din tinkludi l-kuntratt tal-kiri jew tax-xiri tal-proprjetà. Fil-każ ta’ kirjiet, tintalab ukoll konferma bil-miktub minn sid il-kera permezz ta’ formola separata. Sidien jew persuni oħra li jindunaw li xi persuna qed tuża indirizz mingħajr awtorizzazzjoni jistgħu jagħmlu rapport kemm lil Identity Malta kif ukoll lill-Pulizija. Meta l-Aġenzija tiskopri li verament kien hemm abbuż relatat mal-indirizz, isir rapport lill-Pulizija u l-applikazzjoni kkonċernata tiġi rrifjutata. L-Address Management System li ddaħħlet fis-sistemi elettroniċi t’Identity Malta matul l-2016 qed tagħmilha aktar diffiċli għal kwalunkwe persuna, Maltija jew barranija, li tinqeda b’indirizz li ma tkunx awtorizzata sabiex tuza. Wieħed irid ifakkar ukoll li persuna barranija ma tistax tiġbor permess ta’ residenza jekk ma tippreżentax il-korrispondenza li Identity Malta tkun batet fil-proprjetà indikata fl-applikazzjoni. Sidien ta’ proprjetà li jkollhom persuni rreġistrati fuq il-proprjetà tagħhom u ma jibqgħux joqgħodu hemm jistgħu javżaw lill-Identity Malta sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa. F’kazi fejn l-Aġenzija ma ssibx koperazzjoni mill-persuni kkonċernati, il-permess ta’ residenza jiġi miċħud jew irrevokat, filwaqt li l-każ jingħadda lill-Pulizija.

Ħal Tarxien – Triq il-Fieres — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stat u x’kundizzjoni tinsab Triq il-Fieres f’Ħal Tarxien u jekk kemm-il darba huwiex se jsir xi xogħol fuqha tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31150.

Applikazzjoni għaċ-Ċittadinanza – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward applikazzjoni ta’ ċittadinanza?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza jiġu pproċessati mill-Unit taċ-Ċittadinanza fi ħdan Identity Malta. Għaldaqstant, l-applikant għandu jirreferi l-mistoqsijiet tiegħu lill-uffiċjali fi ħdan il-Unit imsemmi. Nixtieq ninfurmah ukoll li ladarba tittieħed deċiżjoni finali, din tkun ikkomunikata direttament lill-applikant.

Tarxien – Triq is-Sorijiet – xogħol fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30847 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jara li l-parti ta’ Triq is-Sorijiet, Tarxien (quddiem l-ex club tar-Rainbows, qabel il-bieb tal-ġenb tal-Iskola tal-Immaculate Conception) tiġi asfaltata mill-iktar fis peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li għal din is-sena l-Kunsill Lokali se jkun qed jagħmel xogħol fi Triq Annetto Caruana.

Tarxien – Triq il-Fieres – xogħol fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30848 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jara li Triq il-Fieres, Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-iktar fis, peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31150.

Tarxien – Triq Santa Tereża – xogħol fit-Triq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30849 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u ċjoè: Jista’ l-Ministru jara li Triq Santa Tereża, Ħal Tarxien tiġi asfaltata mill-iktar fis, peress li hija fi stat ħażin wisq u saret ta’ periklu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31150.

Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Aġenzija LESA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) li jaqgħu taħt is-Seg. Par. Responsabbli mill-Kunsilli Lokali kemm ħadu flus ras għar-ras għal kull Reġjun, kemm ilhom Reġjuni u sa meta bdiet tiffunzjona l-Aġenzija LESA (Local Enforcement System Agency) maqsuma sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Kunsilli lokali – kirjiet ta’ siti minn fejn joperaw

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm jitħallsu kirjiet ta' siti minn fejn joperaw il-kunsilli lokali, u jekk minn dawn il-kirjiet jirriżultax li hemm konflitt ta' interess?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li ssottommettejt fit-tweġiba li tajt f’mistoqsija parlamentari 28570.

CEO ta’ Heritage Malta – bejgħ ta’ kotba minn sit elettroniku Malti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk is-CEO ta’ Heritage Malta ta xi permess speċjali sabiex individwu fi grad maniġerjali fl-istess Aġenzija jbiegħ kotba ġodda bl-isem ta’ Atlas – Mercator: Merchant routes and trade cities in the Mediterranean minn sit elettroniku prominenti Malti? Jekk fil-pożittiv, jista’ jgħid għaliex dawn il-kotba (li kienu parti minn proġett tal-Ewropa) qegħdin jinbiegħu minn dan is-sit elettroniku? Jista' jagħti rendikont ta' kemm il-ktieb ġie mibjugħ s'issa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta ma ta l-ebda permess sabiex jinbiegħu xi kotba minn fuq l-ebda sit elettroniku. Madanakollu l-ebda membru tal-istaff ma’ għandu bżonn l-ebda permess sabiex ibigħ xi ktieb jew affarijiet oħra li huma proprjetà personali tiegħu kif u meta jgħoġbu.