Legislature:
Category:
Reset
Active:

Esproprazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid bl-isem lil min ingħataw jeddijiet għal kumpens in kontrokambju għal proprjeta' esproprjata taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983 u x'inhu l-valur rispettiv li ġie attribwit lil dawn il-jeddijiet u jindika l-proprjeta' relattiva? Jista' jgħid bl-isem u prezz relattiv kemm-il jedd għall-kumpens ġie likwidat u tħallas u kemm-il jedd għadu pendenti u jindika l-proprjeta' relattiva?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sabiex inkun nista' ngħid bl-isem, lil min ingħataw jeddijiet għal kumpens in kontrakambju għal proprjeta' esproprjata taħt l-Att Nru. 1 ta' 1983 u x'inhu l-valur rispettiv li ġie attribwit lil dawn il-jeddijiet u nindika l-proprjeta' relattiva kif ukoll ngħid bl-isem u prezz relattiv kemm-il jedd għal kumpens kif ġie likwidat u tħallas u kemm-il jedd għadu pendenti u ngħid il-proprjeta' relattiva, irid isir eżerċizzju kumpless li jinvolvi ħafna riżorsi kemm ta' impjegati kif ukoll ta' flus li jieħu ħafna tul taż-żmien. Peress illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern bħalissa għandha ħafna xogħol ieħor ma nħossx li jkun għaqli li dan l-eżerċizzju għandu jsir.

Mosta — Tal-Blata l-Għolja - Plots

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li fuq il-plots li ngħataw mill-gvern oriġinati mill-proprjeta' sitwata Tal-Blata l-Għolja fil-Mosta li ġiet esporprjata taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983 inbnew sija vilel detached u semi-detached, sija terraced houses, uħud minnhom anke bi swimming pool (ara per eżempju PA 00121/04) u dan kollu avolja li s-sidien oriġinali għadhom ma tħallsux ta' l-art?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi jista' jkun li inbnew sija detached villas u semi detached villas, sija terraced houses u uħud minnhom anke bi swimming pool. Dan kollu setgħa jsir peress li l-unika kondizzjonijiet li kien hemm fil-kuntratti tal-plots li ġew mibjugħa taħt l-Att Nru. 1 ta' l-1983 kien li jsiru benefikati ta' mhux anqas minn erba' t'efef Lira Maltin (Lm4,000) fi żmien tlett snin u ma kien hemm xejn kontra l-bini ta' detached villas jew semi-detached villas bi swimming pool.

Lands — Esproprjazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jikkumpensa fi żmien raġonevoli lis-sidien għall-proprjeta' esproprjata taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983, jiġifieri bi flus ekwivalenti għall-valur ta' l-art relattiva minflok il-jeddijiet u x'miżuri se jittieħdu biex jaffettawa dan il-ħlas?

Response (BORG, TONIO)

Sabiex is-sidien oriġinali jitħallsu għall-proprjeta' esproprjata taħt l-Att Nru. 1 ta' 1983, iridu jmorru huma quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ kif jitlob l-Att Nru. 1 ta' 1983.

Lands — Esproprjazzjoni ta' proprjeta'

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jindika eżattament fejn jinsabu l-proprjetajiet kollha li ġew esproprjati taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983 u x'inhu l-kejl tagħhom? Jista' jindika eżattament u bil-kejl relattiv kemm minn dawn il-proprjetajiet se jiġu ritornati, jew diġa' ġew ritornati lis-sidien oriġinali? Jista' jindika eżattament u bil-kejl relattiv u bl-isem u prezz relattiv, liema minn dawn il-proprjetajiet ġew trasferiti mill-gvern biċċiet art lil terzi u jindika wkoll l-att/i li bih/om sar it-trasferiment/i relattivi? Jista' jgħid x'beħsiebu jagħmel il-gvern ma' dawk il-proprjetajiet li għadhom fil-pussess tiegħu u mhux se jiġu ritornati lis-sidien oriġinali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- Il-proprjetajiet li ġew esproprjati taħt l-Att Nru. 1 ta' l-1983 dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini huma:- 1983 B'Kara (Taż-Żwejt) Mellieħa (Ta' Penellu) Mosta (Sta Margerita) Msida (Swatar) Naxxar (Tas-Sgħajtar) Pembroke Attard (Tal-Fuklar) Qormi (Tal-Ħandaq) 1985 Dingli (Ix-Xagħra l-Kbira) Kalkara (Tal-Kappuċini) Mosta (Tal-Blata l-Għolja) Pembroke (San Ġorġ) L-Arei li qegħdin jiġu indikati hawn taħt kienu ġew ippublikati bħala arei għall-iżvilupp tal-Bini imma ma sarux:- 1985 Għaxaq (Tal-Wilga) Mġarr (L-Iskorba) Swieqi (St Andrews) Mellieħa (Ta' Selmun) Xemxija (Tal-Kortin) Żurrieq (Tal-Ġibjun) Xewkija (Ta' Lambert) Sabiex jiġi stabbilit il-kejl ta' dawn l-Arei kollha irid isir eżerċizzju sħiħ li jinvolvi ħafna ħin u riżorsi u peress li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għandha ħafna xogħol ieħor ta' urġenza ma nħossx li jkun għaqli li għandha tieqaf mix-xogħol li qiegħda tagħmel sabiex tipprovdi din l-informazzjoni. Permezz tal-Att XXII ta' l-2001 dwar ir-Restituzzjoni ta' art esproprjata bis-saħħa ta' l-Att dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini, il'fuq minn 527 tomna art ġiet restitwita lura lis-sidien permezz tal-avviż legali numru 84 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tal-14 ta' Marzu 2003. Il-kejl kif ukoll il-pjanti tal-arei li ġew restitwitti huma indikati fuq il-gazzetta. Dawn il-527 tomna art kienu barra mill-Arei li ġew żviluppati permezz ta' bini residenzjali u toroq. Ma jirriżultax li baqa aktar art li trid tiġi restitwita lura. Għar-raġunijiet spjegati aktar 'il fuq mhux possibli li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tindika kull plot li ingħatat minħabba li dan jinvolvi eżerċizzju kumpless li jinvolvi ħafna ħin u riżorsi. It-trasferiment ta' plots lil terzi sar taħt Att Nru. 1 ta' l-1983. Il-proprjetajiet li għadhom fil-pussess tal-gvern jikkonsistu fi plots jew biċċiet ta' art f'Arei ġa żviluppati. Il-Gvern mhux bi ħsiebu jirritorna dawn il-proprjetajiet lis-sidien oriġinali. Sa issa t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għada ma ħadet ebda deċiżjoni x'għandha tagħmel b'dawn il-proprjetajiet imma l-ħsieb hu li tgħaddihom lill-Awtorita' tad-Djar ħalli jiddisponu minnhom huma.

Att dwar il-Gwardjani Lokali

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid xi progress kien hemm għal punt legali sollevat minni fl-interpellanza numru 7238 dwar l-Att dwar il-Gwardjani Lokali?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li in segwitu għad-domanda numru 7238 qed jiġi studjat jekk kemm-il darba din l-emenda għandhix tkun parti mill-abbozz li għandu jiġi ppreparat aktar tard.

Pulizija — Ħlas ta' multi għal clamping u towing

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inġabru flus minn ħlasijiet ta' multi għal clamping u towing din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħlasijiet miġbura mill-Pulizija minn tneħħija u kklampjar ta’ vetturi tul dawn l-aħħar sentejn huwa kif ġej: TneħħijaIkklampjar 2004Lm13,610Lm20 2005Lm2,180Lm40 Għal dak li jirrigwardja l-Kunsilli Lokali, ninsab infurmat illi matul is-snin 2004 u 2005 inġabru dawn il-flus mit-Towing u Clamping. 2004Lm Towing17,796 Clamping45 Contravening Traffic Signs (Clamping Zone)3,035 Contravening Traffic Signs (Tow Zone)51,125 72,001 2005 Towing5,310 Clamping0 Contravening Traffic Signs (Clamping Zone)3,435 Contravening Traffic Signs (Tow Zone)48,550 57,295

Civil Protection — Fire Section

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-fire section tas-civil protection ġiet trasferita mill-Furjana għal Kordin? Ma jaħsibx li minħabba t-traffiku li spiss ikun hemm il-Marsa fl-inħawi ta' Super One radio station jistgħu jinqalgħu problemi loġistiċi biex dawn jaslu fil-ħin fid-destinazzjoni tax-xogħol urġenti tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Fire Station tal-Furjana ma ġietx trasferita lejn Kordin u fil-fatt għadha topera biex tagħti servizzi fil-Belt u fl-inħawi tal-Belt. Minħabba xogħol fit-toroq ġodda li l-Gvern ħejja tul dawn l-aħħar xhur, inħass illi jkun aktar faċli li ċerti rħula bħal Ħal Qormi u r-Rabat u nħawi tagħhom, li qabel kienu koperti mill-Furjana, issa jkunu koperti minn Kordin. Għalhekk ġew imnaqqsa xi inġenji u persunal mill-Furjana u tpoġġew Kordin. Ta' min jgħid illi l-istrateġija tas-Servizzi tal-Protezzjoni Ċivili hija kontinwament mistħarrġa sabiex jingħata l-aħjar servizz lill-pubbliku.

Kumpanniji kummerċjali mħarrka mill-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul l-2005 kemm kien in-numru ta' kumpanniji kummerċjali li ġew imħarka mill-pulizija minħabba ksur ta' permessi maħruġa mill-pulizija u/jew enti tal-gvern bħad-dipartiment ta' l-artijiet, eċċ.?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mir-records disponibbli jidher li kien hemm kumpannija waħda li tressqet il-Qorti mill-Pulizija talli kienet qed topera mingħajr liċenzja mingħand l-awtorita' regolatorja.

Taħrik fuq ksur ta' kondizzjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid matul l-2005 kemm kien in-numru ta' persuni li ġew imħarrka mill-pulizija fuq irregolarita' u cioe' ksur tal-kondizzjonijiet, regoli u liġijiet marittimi ta' pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm 135 persuna li ġew imħarrka mill-Pulizija dwar xi ksur ta' liġijiet jew regolamenti marittimi.

Proġetti f'Għawdex

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u x-xogħlijiet li d-dipartiment tal-gvern u l-enti, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu se jwettqu f'Għawdex sena sena minn din is-sena sa l-2008?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għal dak li jirrigwardja d-dekasteru tiegħi.

Esproprjazzjoni ta' art

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi proprjeta' ħa permezz ta' expropriation order mingħand il-persuna li dettalji dwarha qed jingħataw separatament, liema proprjeta' tinsab fl-inħawi ta' Kalafrana, limiti ta' Bengħajsa fejn illum hemm il-freeport? Jista' ipoġġi fuq il-medja tal-Kamra d-dokumentazzjoni kollha relattiva ma' din l-esproprjazzjoni inkluż id-dikjarazzjonijiet tal-gvernatur ġenerali ta' dak iż-żmien u wkoll l-avviżi għall-ftehim, kif ukoll il-pjanti relattivi? Jista' jgħid x'sar minnha din il-proprjeta' u jekk ġietx mogħtija b'xi titlu lill-freeeport u jekk fl-affermattiv ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni kollha relatata? Jista' jgħid ukoll meta ttieħdet mill-pussess tas-sidien Villa Cachia, Kalafrana, bl-art in konnessjoni magħha u llum qed tintuża mill-freeport? Jista' jintavola fuq il-mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjoni tal-gvernatur ġenerali u ta' l-avviż tal-ftehim ta' din il-proprjeta'? Jista' jintavola l-kuntratti relattivi fejn din il-proprjeta' ngħatat lill-freeport?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proprjeta' li l-Gvern ħa permezz ta' expropriation order mingħand il-persuna li dettalji dwarha ingħataw separatament, liema art tinsab fl-inħawi ta' Kalafrana, limiti ta' Bengħajsa fejn illum hemm il-Freeport u li fuqha inħareġ Avviż ta' Ftehim lis-sid, huma plots 3, 5, 6, 16, 24 u parti minn plot 29 indikati fuq il-pjanta LD56/67. Sussegwentement għall-Avviż ta' Ftehim irriżulta li l-persuna indikata kellha biss sehem indiviż minn plot 16. B'dan ma jfissirx illi l-persuna indikata m'għandha ebda proprjeta' oħra fl-inħawi msemmija billi għadu ma ġiex stabbilit min huma s-sidien tal-plots kollha. Din il-proprjeta' għaddiet għand il-Freeport permezz ta' l-Att ta' l-1989 dwar il-Portijiet Ħielsa ta' Malta (Kap 334). Villa Cachia hija mibnija fuq plot 16 imsemmija aktar il-fuq u għaddiet għand il-Freeport fit-12 ta' Novembru 1984. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Avviżi ta' Ftehim, tad-Dikjarazzjoni tal-Gvernatur Ġenerali u tal-pjanta relattiva.

Ħal Kirkop — Għassa tal-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-għassa tal-pulizija ta' Ħal Kirkop, f'ħafna okkażjonijiet, tkun magħluqa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikun hemm dettaljat kuntistabbli regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-pulizija li jkunu għassa joħorġu fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f'dawk il-ħinijiet.

Pulizija — Rapporti dwar l-użu ta' mobile phones

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi rappurtati lill-pulizija ta' użu ħażin tal-mobile phones bejn l-1999 u l-2005 sena b'sena? Kemm minn dawn spiċċaw il-qorti? F'kemm minnhom diġa' ngħatat sentenza mill-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika. Infurmat ukoll illi sabiex jinġabar it-tagħrif ta' daqs tant snin jenħtieġ ammont kbir ta' ħin u riżorsi u nħoss li l-ħin u riżorsi tal-Korp għandhom jintużaw fuq xogħol aktar importanti u utili.

Pulizija — Rapporti dwar l-użu telefon fuq linja fissa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi rappurtati lill-pulizija ta' użu ħażin tat-telefon fuq linja fissa bejn l-1990 u l-2005 sena b'sena? Kemm minn dawn spiċċaw il-qorti? F'kemm minnhom diġa' ingħatat sentenza mill-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika. Infurmat ukoll illi sabiex jinġabar it-tagħrif ta' daqs tant snin jenħtieġ ammont kbir ta' ħin u riżorsi u nħoss li l-ħin u riżorsi tal-Korp għandhom jintużaw fuq xogħol aktar importanti u utili.

Pulizija — Rapporti dwar użu ħażin tal-computer

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi rappurtati lill-pulizija ta' użu ħażin tal-computer bejn l-1990 u l-2005 sena b'sena? Kemm minn dawn spiċċaw il-qorti? F'kemm minnhom diġa' ingħatat sentenza mill-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika. Infurmat ukoll illi sabiex jinġabar it-tagħrif ta' daqs tant snin jenħtieġ ammont kbir ta' ħin u riżorsi u nħoss li l-ħin u riżorsi tal-Korp għandhom jintużaw fuq xogħol aktar importanti u utili.

Pulizija — Rapporti dwar użu ħażin ta' l-internet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm każi rappurtati lill-pulizija ta' użu ħażin ta' l-internet b'suspett ta' abbuż fuq minorenni bejn l-1995 u l-2005 sena b'sena? Kemm minn dawn spiċċaw il-qorti? F'kemm minnhom diġa' ingħatat sentenza mill-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant mhux disponibbli taħt forma ta' statistika. Infurmat ukoll illi sabiex jinġabar it-tagħrif ta' daqs tant snin jenħtieġ ammont kbir ta' ħin u riżorsi u nħoss li l-ħin u riżorsi tal-Korp għandhom jintużaw fuq xogħol aktar importanti u utili.

Uffiċċju Konġunt — Talbiet għal xiri ta' fondi kummerċjali

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet fl-Uffiċċju Konġunt jew fid-Dipartiment ta' l-Artijiet minn kerrejja jew ċenswalisti ta' fondi kummerċjali biex jixtruhom fl-aħħar ħames snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma jżommx statistika dwar talbiet minn kerrejja jew ċenswalisti biex jixtru fondi kummerċjali.

Mandati ta' sekwestru

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il mandat ta' sekwestru, qbid u inibizzjoni, inħarġu din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ mandati ta’ Sekwestru, ta’ qbid u ta’ inibizzjoni li nħarġu fis-snin 2004 u 2005 huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt: MandatiSenaPrim AwlaQorti tal-Familja*Qorti InferjuriQorti tal-Maġistrati (Għawdex)Total Sekwestru2004 2005812 696- 561,222 1,24098 802,132 2,072 Qbid2004 2005325 324- 16899 833 91 471,315 1,220 Inibizzjoni2004 2005378 275- 587 18 74 78459 429 *Nota: In-numru ta’ mandati ppreżentati fil-Qorti tal-Familja mill-4 ta’ Mejju, 2005.