Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk li ħadu l-pensjoni mill-USA u li ma kienux USA Citizens, qegħdin jħalsu 30% taxxa mill-pensjoni meta dawn qegħdin jirċievu pensjoni hekk imnaqsa f'pajjiżna, Malta? Jista' jgħid jekk kienx hemm ftehim ad hoc snin ilu fejn kellha tiġi evitata taxxa imposta bħal din li tattakka l-istess pensjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'ser isir minn dawk il-ħaddiema Tarznari, fosthom tas-ship building, li ma jridux jaċċettaw li jieħdu l-iskemi ta' irtirar u jispiċċaw bla xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskemi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant ġew maħruġa fil-kuntest ta' pjan ta' ristrutturazzjoni b'miri ċari, fosthom li n-numru ta' ħaddiema jrid jonqos sostanzjalment biex it-tarznari jilħqu vijabilita' finanzjarja. Kulħadd hu kommess li din il-vijabilita' tintlaħaq, iżda jekk il-miri ma jintlaħqux jista' jiġri li t-tarznari jkollhom jaħdmu b'ġimgħa imnaqqas ta' xogħol skond kif stabbilit fil-pjan ta' ristrutturazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex tfal taħt l-eta' ma jitħallewx jmorru jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tinvestiga kull rapport li jaslilha dwar tfal li jaħdmu taħt l-eta' stabbilita mill-liġi. Teżisti linja tat-telefon (Hot Line numru 657382) biex min irid jista' jirrapporta abbużi f'dan ir-rigward mingħajr il-ħtieġa li jagħti ismu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ jirreġistraw fil-lokalita' tal-Gudja, Raħal Ġdid, St. Lucia, Ħal Tarxien u l-Marsa, li għandom eta' ta' bejn is-16 u t-30 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jara x'jista jsir sabiex l-anzjana li tgħix waħidha (dettalji qed jintbagħtu separatament) li għandha l'fuq minn 81 sena, tkun tista' tidħol f' SVPR?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-anzjana msemmija qed tiġi eżaminata mill-Admission Board biex tingħata l-attenzjoni neċessarja skond il-mertu tal-każ għal meta jkun hemm vojt fis-swali tan-nisa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-clerks temporanji li qed jaħdmu fil-Head Office tal-BOV, Gzira jinqalbux full-time peress li l-kuntratt tagħhom ilu jiġġedded għall din l-aħħar sena, 3 xhur bi 3 xhur meta dawn anke diġa għandhom l-uniformi? Jekk hemm il-ħsieb li jidħlu permanenti, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-ażjenda li għamlet referenza għaliha l-Onor. Interpellanti ma taqgħax taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jara li tingħata konsiderazzjoni meħtieġa lit-talba tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament liema talba saret mad-Dipartiment ta' l-Akkomodazzjoni Soċjali għar-rigward ripresa tal-fond 45/46 Triq Briġilla, Ħamrun? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir eviction?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment mhux bi ħsiebu jagħmel l-ebda eviction.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna b'blue card numru 8499 li applikat biex ikollha post riservat ta' parkeġġ baqgħat mingħajr l-ebda risposta?
Jista' l-Ministru jara x'inhuma l-possibilitajiet li din iċ-ċittadina tinqeda f'dan il-bżonn soċjali tagħha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant applikat għall-Blue Sticker u reserved parking quddiem ir-residenza tagħha fil-5 ta' Frar 2002.
L-applikazzjoni għall-Blue Sticker ġie aċċettata u l-persuna ser tirċievi l-isticker dalwaqt.
Dwar l-applikazzjoni għal reserved parking quddiem ir-residenza tal-persuna ndikata, l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ma tistax tirrakkomanda din l-applikazzjoni lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku minħabba li mhemmx karozza reġistrata fl-indirizz ta' l-applikanta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibilita li jiġi nstallat lift fil-Blk D, Dr A, Triq Pietro Gagliardi, Tarxien?
Qed isir xi ħaġa biex dan isir?
Jekk fl-affermattiv fejn waslu l-affarijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li saret applikazzjoni għall-installar ta' lift mill-inkwilini tal-post indikat mill-Onor. Interpellant.
Jekk f'dan il-post hemm xi persuna b'diżabilita' ta' mobilita', għandha tagħmel l-applikazzjoni meħtieġa taħt Skema 'V' lill-Awtorita'.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara x'jista' jsir biex il-bieb prinċipali ta' Blk 1, Scheme 3, Telgħat Raħal Ġdid jitranġa peress illi ir-residenti nfushom għamlu xi molol biex dan il-bieb ma joqgħodx jinstabat bir-riħ li madankollu jew mhumiex issettjati tajjeb jew minħabba l-piż stess tal-istess bieb, qiegħed jinstabat xorta waħda b'inkonvenjent kbir għal dawk li jgħixu hemm? Jekk dan mhux possibli, jista' isir bieb ġdid li jinfetaħ fi tnejn kif kien hemm oriġinarjament b'bieba minnhom tibqa' magħluqa bil-firolli fl-art u fuq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għal azzjoni meħtieġa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 30435, jista' l-Viċi Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif kif klassifikat f'din il-mistoqsija parlamentari dwar ħaddiema qegħda, jiġifieri lokal b'lokal, eta' nisa w rġiel, il-kategorija ta' xogħol jew professjoni eċċ, sena b'sena (skond Diċembru ta' kull sena), mill-1995 sas-sena 2001? Jista' jagħti tagħrif wkoll dwar il-gainfully employed u self-employed, bl-istess klassifika u għall-istess perjodu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u Tweġiba ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha jidhru separatament u kunfidenzjalment għada ma ġietx offruta l-ebda akkommodazzjoni soċjali alternattiva partikolarment meta wieħed iqis it-tbatija finanzjarja li għaddejja minnha hi u l-familja tagħha?
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha punti u meta se tkun offruta xi opportunita ta' akkomodazzjoni soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat ma' oħrajn simili.
Jista' l-Ministru jgħid jgħid kemm-il household ġiet mogħtija għajnuna għall-istallar ta' stairlift sena b'sena f'dawn l-aħħar 10 snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li sa l-1997 ma kienetx tinżamm statistika dwar l-informazzjoni mitluba. In-numru ta' każijiet fejn ingħatat għajnuna biex jiġu stallati stairlifts mill-1998 kien kif ġej:
Sena Numru
1998 15
1999 32
2000 9
2001 20
Jista' l-Viċi Prim Ministru jordna li ssir spezzjoni tas-saqaf tal-flat 15, blk 1, scheme 2, Telgħat Raħal Ġdid, Paola biex jivverifika kif dan huwa perikoluż u jordna li jsiru x-xogħolijiet biex dawn is-soqfa jsiru safe.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għal azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid fir-rigward tal-istallar ta' lifts f'appartament tal-Gvern, f'liema minnhom 1) tlesta x-xogħol kollu 2) beda x-xogħol 3) hemm pjanti approvati mill-Awtorita' tal-Ippjanar 4) kemm pjanti sottomessi lill-Awtorita' tal-Ippjanar. Fil-każ ta' 1) u 2) kemm-il kuntrattur differenti għamel ix-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
S'issa inħarġu tenders għall-installazzjoni ta' 18-il lift fi blokki tal-Gvern u x-xogħol inbeda f'14 minn dawn il-Blokki. Il-progress tax-xogħol f'dawn l-14-il blokk ivarja mit-tlestija tal-lift pit sal-installar komplut. Fl-erba' lokalitajiet l-oħra għadu ma nbediex ix-xogħol minħabba xi problemi tekniċi u legali. Għad irid isir stħarriġ biex jissolvew dawn il-problemi qabel ma jiġu nstallati lifts f'dawn il-postijiet. Hemm tmintax-il permess għall-lift approvat mill-Awtorita' tal-Ippjanar u dan l-aħħar ġew sottomessi applikazzjonijiet għal lifts f'10 lokalitajiet oħra.
Kien hemm kuntrattur wieħed li ġie mogħti tliet kuntratti biex jinstalla 18-il lift. Dan il-kuntrattur kien tefa' l-orħos offerti biex jagħmel dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-applikazzjoni li kien hemm biex jiġi installat lift fi blokk 1, scheme 2, Telgħat Raħal Ġdid, Paola li fih 16-il appartament u hemm ħafna spazju fejn lift jista' jiġi installat faċilment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mir-records ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet xi applikazzjoni għall-installar ta' lift minn residenti ta' Blokk 1 Scheme 2 Telgħet Raħal il-Ġdid, Paola.
Jista' l-Vici Prim Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' dħul minimu annwali biex persuna self-employed tiġi eżentata mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond artikolu 12 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali kull persuna li timpjega lilha nnifisha li tissodisfa lid-Direttur li ma tkunx qed taħdem għaliha nnifisha u li l-meżżi fis-sena tagħħa kalkolat skond id-dispożizzjonijiet ta' Taqsima I tat-Tieni Skeda li tinsab ma' dan l-Att, ma jkunx iżjed minn -
- Lm630 fil-każ ta' raġel miżżewweġ li jkun imantni għal kollox lil martu u li ma tkunx hi nnifisha taħdem għaliha nnifisha jew tkun f'impjieg assigurabbli jew
- Lm 430 fil-każ ta' kull persuna oħra
għandu jkollha jedd, fuq applikazzjoni lid-Direttur, li tirċievi ċertifikat ta' dħul baxx li jkun validu għal tnax-il xahar u filwaqt li jkollha dak iċ-ċertifikat, u sakemm ma jkunx hemm tibdil rilevanti fiċ-ċirkostanzi, din tkun eżentata mill-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tat-Tieni Klassi.