Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17099 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim u kuntratt tax-xogħol li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandu mal-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-persuna li għaliha tirreferi l-Mistoqsija Parlamentari ġiet detailed biex taħdem fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex din il-persuna tingħata kuntratt ma’ dak il-Ministeru.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17046, jista' il-Prim Ministru, jekk jogħġbu, jagħtini n-numru u d-data tan-news releases maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika li minnhom ġiet misluta l-informazzjoni mogħtija fit-tweġiba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif li ngħata fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 16971/17046 nħadem mid-database tat-turiżmu fl-NSO. Kif għidna fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari msemmijia iċ-ċifri ta’ turisti li joqogħdu Għawdex jinħarġu b’mod regolari fin-News Releases ta’ kull xahar dwar it-tluq (departures) ta’ turisti mill-pajjiż.
L-ewwel darba li ġew ippublikati dawn il-figuri kien fi News Release 131/2003 bid-data tat-28 ta’ Awissu 2003, tabelli 7 u 8.
Jaf il-Prim Ministru li fl-EME SQDN fil-barracks ta' Ħal Safi hemm hut kbira msaqqfa biż-żingu li fiha jsir xogħol ta' panel beating u spray tal-karozzi li minnha jinżel l-ilma tax-xita mal-pajpijiet tad-dawl? Jista' jara li dan il-periklu jitneħħa immedjatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-periklu msemmi mill-Onor. Membru diġa tneħħa. Sakemm isiru t-tiswijiet meħtieġa fuq is-saqaf tal-‘hut’, ingħataw struzzjonijiet biex meta tkun ix-xita il-‘hut’ ma jintużax.
B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 16766, jista' jekk jogħġbu jispjega u jgħid: min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex; x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigawrd; min jirrakkommanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta': a) speċjalisti, b) tobba, c) nurses u d) paramediċi fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru tas-Saħħa japprovaw flimkien s-servizzi li għandhom jingħataw fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Fir-rigward ta’ staff, il-Ministeru għal Għawdex jirrakkomanda t-tibdil. Dawn jgħaddu għand id-Diviżjoni tas-Saħħa li tistabbilixxi n-numu wara li tikkonsulta mal-Minsiteru għal Għawdex. L-approvazzjoni finali hija dejjem tal-Management & Personnel Office.
B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 16766, jista' jispjega u jgħid, f'dawk l-oqsma li l-Ministeru għal Għawdex għandu responsabbilta' orizzontali, x'inhuma l-mekkaniżmu uffiċjali u formali f'kull stadju ta' konsultazzjoni, ippjanar u esekuzzjoni tal-proġetti u x-xogħol kollu li jsir f'Għawdex jew b'konnessjoni ma' Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 16766 ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa minn meta twaqqaf il-Ministeru għal Għawdex dan kien ivolut f’kull stadju ta’ konsultazzjoni, ippjanar u eżekuzzjoni tal-proġetti. Dawn il-mekkaniżmi jassiguraw li dawn il-proġetti jsiru fl-aħjar interess ta’ Għawdex.
B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 16766, jista' jekk jogħġbu jispjega u jgħid: min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandhom ikunu s-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandu jkun in-numru ta' l-uffiċjali fid-dipartiment ta' l-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandhom ikunu l-gradi ta' l-uffiċjali ta' l-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Ladarba l-Ministeru għal Għawdex għandu r-responsabbilta' diretta tal-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex u wkoll għall-proġetti f'Għawdex li huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, għaliex, skond it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14497 li jiena għamilt lill-Ministru għal Għawdex, m'hemm imdaħħal l-ebda proġett fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex fil-qasam tal-Agrikoltura huma skond il-policies tal-Gvern li l-Ministeru għall-Għawdex huwa parti minnu, u li ġie żviluppati wara diskussjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali u Ambjent.
Fir-rigward ta’ staff il-Management and Personnel Office jiddeċiedi wara konsultazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.
Dwar proġetti fil-qasam tal-Agrikoltura, il-bdiewa u raħħala Għawdxin qed jibbenefikaw mill-iskemi ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea bħal kull bidwi u raħħal ieħor f’Malta.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux permess, skond id-direttivi maħruġa lill-ministeri mill-ministeru tal-finanzi, li jsir tindif fil-bini tas-segretarjat privat tal-ministri, id-dipartimenti u d-dekasteri tagħhom minn kumpanniji privati tat-tindif? F'każ li mhux permess, jista' jgħid meta ħarġet id-direttiva mill-ministeru tal-finanzi u jekk tapplikax fuq kull ammont?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-operat ta’ kull Ministeru, u d-Dipartimenti li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħu, jaqa’ taħt ir-responsabbilita’ tas-Segretarju Permanenti rispettiv u l-Kapijiet ta’ Dipartiment tiegħu. L-akkwist ta’ servizzi meħtiega, nkluz dawk ta’ tindif, jagħmlu parti minn din ir-responabbilita’ u m’humiex regolati minn xi proċeduri li joħorġu b’mod dirett mill-Ministeru tal-Finanzi, izda mir-Regolamenti dwar il-Kuntratti Pubbliċi, ta’ l-2005.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' information management officers fis-servizz ċivili, min huma, f'liema ministeru qegħdin, x'salarju u allowances għandhom? Jista' jgħid kemm minnhom ġejjin mis-servizz privat u kemm minnhom ġejjin mill-general service? Jista' jgħid jekk hux minnu jew li li jekk jiġġeddilhom il-kuntratt, dawk li ġew mis-settur privat isiru impjegati permanenti tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm tnax-il Information Management Officer fis-Servizz Pubbliku. Ma jidhirlix li hi etika li nagħti dettalji personali dwar dawn l-Uffiċjali. Hemm Information Management Officer f’kull Ministeru ħlief fil-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Komunikazzjoni u fil-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali. Is-salarju dovut għall-pożizzjoni ta’ Information Management Officer huwa ekwivalenti għal skala ta’ salarju 4 tas-Servizz Pubbliku. Erbgħa mill-Information Management Officers ġew ingaġġati minn barra s-Servizz Pubbliku u tmienja minn ġewwa s-Servizz.
Għaddejja bħalissa policy review rigward dawn il-pożizzjonijiet, u d-dmirijiet preżenti u futuri fil-qafas wiesgħa tat-teknoloġija ta’ l-informatika fis-Servizz Pubbliku. Kif tintemm din il-policy review huwa mistenni li joħorġu sejħiet għal applikazzjoni biex jimtlew il-pożizzjonijiet ġodda fil-livell li jixirqilhom.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati tal-gvern li kienu ġew boarded-in matul l-1987, 1988, 1989, 1990, 1991 u 1992? Jista' jgħid f'liema grad iddaħħlu u kemm għad baqa' minnhom fis-servizz pubbliku? Jista' jgħid f'liema grad spiċċaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li bejn l-1987 u l-1992, 117 uffiċjal pubbliku kienu re-instated (boarded-in) fis-servizz pubbliku.
Mill-117 uffiċjal pubbliku li kienu re-instated 14 minnhom għadhom fis-servizz.
Id-dettalji għall-mistoqsija tiegħek huma annessi f’tabelli A u B.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhu l-weighting tas-surcharge fil-kompożizzjoni ta' l-R.P.I?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nassumi li l-Onor Interpellant qiegħed jirreferi għas-surcharge li qed jiġi impost kull xahrejn fuq id-dawl elettriku u l-ilma.
Dan is-surcharge jinħadem fuq il-kond mudell li hemm fuq ir-Retail Price Index u bħalissa għandu l-istess weighting li għandu d-dawl u l-ilma jiġifieri 1.43 u 0.53 rispettivament.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm impjegati tal-gvern ingħataw sponsorship mill-gvern biex ikomplu l-istudji f'MBA jew M.Sc fl-aħħar ħames snin fl-Universita' kemm f'Malta kif ukoll barra?
Jista' jgħid il-grad u l-kwalifiki ta' dawk li ġew sponsorjati kif ukoll f'liema dipartiment jew ministeru kienu jaħdmu?
In oltre, jista' jiġi speċifikat f'liema areas ta' studji ingħataw dawn il-boroż ta' studju u f'liema pajjiż u universita' marru jistudjaw dawk li ħadu l-boroż ta' studju barra minn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 17566.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li d-donazzjonijiet li jingħataw lill-karita' u l-animal welfare societies isiru VAT u tax free?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li donazzjonijet li jingħataw għall-karita’ m’humiex suġġetti għat-taxxa tal-VAT. Għar-rigward tat-taxxa tad-dħul, għalissa ma hemm l-ebda provediment li jingħata tnaqqis mit-taxxa għal min jagħti donazzjoni lill-karita’ u l-animal welfare.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16877 u jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-ministeru, dipartiment, kumpanniji eċċ. li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu ta' safar li sar matul l-2005? Kemm miċ-ċifra tħallset?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 16766, jista' jekk jogħġbu jispjega u jgħid: min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex; x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigawrd; min jirrakkommanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta': a) speċjalisti, b) tobba, c) nurses u d) paramediċi fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 16766, jista' jispjega u jgħid, f'dawk l-oqsma li l-Ministeru għal Għawdex għandu responsabbilta' orizzontali, x'inhuma l-mekkaniżmu uffiċjali u formali f'kull stadju ta' konsultazzjoni, ippjanar u esekuzzjoni tal-proġetti u x-xogħol kollu li jsir f'Għawdex jew b'konnessjoni ma' Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba li tani l-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 16766, jista' jekk jogħġbu jispjega u jgħid: min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandhom ikunu s-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandu jkun in-numru ta' l-uffiċjali fid-dipartiment ta' l-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandhom ikunu l-gradi ta' l-uffiċjali ta' l-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?
Ladarba l-Ministeru għal Għawdex għandu r-responsabbilta' diretta tal-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex u wkoll għall-proġetti f'Għawdex li huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea, għaliex, skond it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 14497 li jiena għamilt lill-Ministru għal Għawdex, m'hemm imdaħħal l-ebda proġett fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ il-Prim Ministru jgħid kemm-il każ ta' proċeduri ta' dixxiplina ttieħdu fil-konfront ta' membri tal-forzi armati f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li n-numru ta’ kazijiet ta’ proċeduri ta’ dixxiplina (ġurisdizzjoni sommarja) li ttieħdu fil-konfront ta’ membri tal-Forzi Armati ta’ Malta f’dawn l-aħħar ħames snin kienu dawn:
2001 307
2002 186
2003 292
2004 355
2005 245
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għal fuel tal-ministeru, enti, kumpanniji eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li n-nefqa globali matul 2005 għal fuel fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kienet ta’ Lm457,355.39, li minnhom Lm402,121, jirreferu għal Forzi Armati ta’ Malta.
Għar-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi, in-nefqa globali matul 2005 kienet ta’ Lm51,890, li minnhom Lm15,254 jirreferu għad-dwana.