Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li qegħdin jattendu l-Universita bħalissa u li ġejjien mill-iskola ta' Ħ'Attard, Ħaż-Żebbuġ, Ħad-Dingli, s-Siġġiewi, l-Mosta u r-Rabat, kull raħal separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Universita m'għandiex informazzjoni dwar liema skejjel primarji u sekondarji kienu attendew l-istudenti.
Informat li n-numru ta' studenti li bħalissa qegħdin jattendu l-Universita` u joqogħdu fil-lokalitajiet imsemmija hu kif ġej:
Attard 345
Żebbuġ 188
Dingli 52
Siġġiewi 182
Mosta 443
Rabat 227
Jista' l-Ministru jispjega x'inhuma dawk ix-xogħolijiet maħsuba sabiex il-mużew ta' l-arti fil-Belt Valletta jiġi modernizzat u mkabbar?
Meta huwa maħsub li dan ix-xogħol jinheda jew f'hiex kien jikkonsisti s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sabiex il-Mużew ta' l-Arti fil-Belt Valletta jiġi modernizzat u jitkabbar id-Dipartiment tal-Mużewijiet akkwista Palazz fi Triq Zekka u parti minn 'Casa Scaglia' sabiex jiġu integrati mal-bini preżenti. Ix-xogħol strutturali f' 'Casa Scaglia' nbeda, filwaqt li għaddej xogħol ta' preparament, riċerka, ippjanar u tfassil ta' 'Development Brief' għall-proġett kollu.
Huwa maħsub li jsir xogħol strutturali, sistema ta' l-elettriku ġdid, introduzzjoni ta' faċilitajiet ġodda u tkabbir u modernizzar ta' dawk eżistenti, sistemi ta' sigurta`, tkabbir, riorganizzazzjoni, bidla sistematika ta' l-esebizzjoni permanenti.
Ta' min wieħed ifakkar li xogħol ta' din in-natura huwa kompless u jinħtieġ attenzjoni kif ukoll riżorsi finanzjarji u umani adekwati.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex studenta li dettalji tagħha qiegħed nibgħat separatament ma' din l-interpellanza u li tattendi l-iskola Primarja ta' tas-Sliema u li bħalissa qed tirċievi s-servizz ta' facilitator fuq bażi part-time tibda tingħata dan is-servizz fuq bażi full-time?
Response (GALEA, LOUIS)
L-għoti ta' appoġġ speċjali lil studenti bi bżonnijiet speċjali ma jiġix deċiż mill-Ministru iżda minn Statementing Moderating Panel wara konsultazzjoni ma' kull min hu involut inkluż il-ġenituri u l-ispeċjalisti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom
1) xi ħatra
2) xi impjieg
mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi?
Min huma dawn il-persuni f'kull każ?
Xi ħlassijiet u kundizzjonijiet oħra għandhom dawn il-persuni f'kull każ?
Response (GALEA, LOUIS)
Tagħrif dwar il-persuni maħtura fuq il-Bord tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u oħrajn impjegati diġa` ingħata f'din il-Kamra f'PQ's numri 25740, 28307 u 28322. Ir-remunerazzjoni dovuta għall-membri tal-Bord għadha ma ġietx deċiża mill-MPO.
Il-Fondazzjoni tista' wkoll tuża s-servizzi skond il-bżonn ta' numru ta' għalliema li urew l-interess wara sejħa pubblika. Dawk li jservu bħala Local Programme Animator jitħallsu bis-Lm6 jew Lm5.05,7 fis-siegħa skond ikunux "animators" jew "co-workers". Il-Fondazzjoni għandha wkoll is-servizzi ta' żewġ handyman li jitħallsu bit-Lm3 is-siegħa.
B'referenza għat-tagħrif mogħti mill-EUPU lill-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali bid-data tal-11 ta' Frar 2002, f'hiex jikkonsisti l-proġett pilota li l-UE ħarġet għalih 334, 864 Euros?
Kif intefqu dawn il-flus?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proġett pilota, immexxi minn Elanguest English Language School, jismu "Web and Multimedia Training for Medical English". Dan il-proġett li għandu budget ta' 334,864 Ewro, beda f'Novembru 2001 u se jiġi implimentat fuq perjodu ta' sentejn.
Il-proġett ser jiżviluppa għodda għal taħriġ li jagħti l-opportunita` lil nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa biex jiksbu ħiliet tal-lingwa li jħalluhom jagħmlu x-xogħol tagħhom mingħajr ostakli ta' mobilita` fl-Ewropa.
Kif hemm imniżżel fil-kuntratt li ġie ffirmat bejn il-Leonardo da Vinci Coordinating Committee u Elanguest English Language School, erbgħin fil-mija ta' l-ammont totali ġew mgħoddija lill-organizzazzjoni fil-fażi inizjali tal-proġett.
Skond il-kuntratt, tletin fil-mija ta' l-ammont totali jiġu mgħoddija meta r-rapport intermedjarju jkun approvat, filwaqt li l-aħħar tletin fil-mija jiġu mgħoddija lill-Elanguest English Language School meta r-rapport finali jiġi approvat. Din hija l-proċedura addottata mill-Unjoni Ewropeja.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2001 min kien jaħdem 1) full-time 2) part-time 3) b'xi kuntratt ma' St James Cavalier? F'kull każ x'kienu l-ħlassijiet paga, allowance?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-attivitajiet li ġew organizzati f'St James Cavalier tul is-sena 2001? X'kien id-dħul minn dawn l-attivitajiet tul is-sena 2001? X'kien il-ħruġ fuq dawn l-attivitajiet tul is-sena 2001?
Response (GALEA, LOUIS)
Lista bl-attivitajiet li kienu organizzati f'St James Cavalier matul is-sena 2001 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li tħallset lill-kumpaniji privati lill-Ministeru u jew id-Dipartimenti, kumpaniji eċċ li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-servizz taż-żamma tal-pjanti jew xtieli matul is-sena li għaddiet?
Kemm għat-tindif?
Response (GALEA, LOUIS)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali għal dak li għandu x'jaqsam ma' dipartimenti tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena u, għar-rigward ta' Korporazzjonijiet u Awtoritajiet, fir-rapporti annwali partikulari tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' tfal li attendew l-ischool girls mother unit is-sena l-oħra u għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sena l-oħra attendew 155 tfal l-iSchoolgirl Mothers' Unit. 70 attendew il-programm, 50 ġew għal 'on-going counselling' (li n-numru ta' sessjonjiet varja minn persuna għal oħra), u 35 'teenage mothers' attendew regolarment mat-tarbija u t-toddler tagħhom. Barra minn hekk, attendew il-partners ta' dawn it-tfajliet, il-ġenituri tagħhom u tat-tfajla għall-counselling sessions.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li s-sistema tal-facilitators relievers mhix issolvi l-problema fl-assenza tal-facilitators u li b'konsegwenza li tfal studenti b'diżabilita' qed jintbagħtu d-dar? Jaf l-Ministru li kien hemm tfal b'diżabilita' li dam ħmistax-il ġurnata d-dar? X'inhija l-problema li qed toħloq dan? X'qed isir min-naħa tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni biex isolvi din il-problema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-On Call Special Needs Emergency Helpers mhumiex marbutin li meta l-iskola ssejħilhom jidħlu għax-xogħol. In-numru ta' dawk li baqgħu nteressati nieżel ukoll u għal din ir-raġuni reġgħet ħarġet is-sejħa għall-ingaġġ ta' On Call Special Needs Emergency Helpers ġodda u qegħdin isiru l-intervisti.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra is-survey li kien sar fl-1999 dwar il-literacy ta' tfal ta' 7 snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Ir-rapport dwar is-Survey li qed tirreferi għalih l-Onor. Membru kien ġie pubblikat fi Frar 2000 bl-isem "Literacy in Malta - The 1999 National Survey of Year 2 Pupils" miktub minn Dr Charles Mifsud u Josephine Milton tal-Literacy Unit, Faculty of Education, University of Malta, flimkien ma' Greg Brooks u Dougal Hatchinson tan-National Foundation for Educational Research ta' l-Ingilterra. Il-kotba li kienu ġew stampati tqassmu kollha u ma fadal ebda kopja ħlief dawk fil-Librerija ta' l-Universita`.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm offerti mitfugħa biex jipprovdu għall-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada? F'kull każ kemm kienet l-offerta mitfugħa u b'liema kundizzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Qed nasssumi li l-Onor. Membru qed jirreferi għar-rispons għall-Avviż tal-FTS li deher f'ġurnali dwar "Professional Services: Architerctural, Quantity Surveying u Project Management".
Lista ta' persuni jew kumpanniji li urew interess qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. F'dan l-istadju mhux opportun jiġu svelati dettalji kummerċjali indikati minn dawk interessati.
Jista' l-Ministru jgħid xi ħlassijiet l-Perit Anton Valentino u Sur George Papagiorcopolo, żewġ konsulenti tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada? X'benefiċċji oħra jgawdu mill-ħatra tagħhom? X'inhuma x-xogħolijiet u dmirijiet ta' dawn iż-żewġ persuni?
Response (GALEA, LOUIS)
Rigward is-Sur George Papgiorcopulo, m'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32026.
Rigward il-Perit Valentino informat li kien jifforma parti mit-Task Force ta' Tomorrow's Schools u issa qed jagħmel xogħol ta' konsulenza mal-Fondazzjoni. Imħallas bir-rata ta' Lm10 fis-siegħa, u l-ħlasijiet li saru s'issa lis-Sur Valentino minn meta twaqqfet il-Fondazzjoni sal-lum jammontaw għal Lm4,365.50 inkluża l-VAT.
Iż-żewġ persuni ma' jgawdu ebda benefiċċju ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid x'wieġbet id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għall-ittra tat-18 ta' Frar 2002 tal-persuna indikata under seperate cover dwar is-suġġett tal-cultural leave?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din it-talba ma taqax fit-termini taċ-ċirkolari dwar Cultural Leave Educ Circ 138/92 tat-8 ta' Ottubru, 1992
Jista' l-Ministru b'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal PQ 31951, jista' l-Ministru attwalment jgħid x'progress konkret kien hemm mill-1997 sa llum - kważi 5 snin wara apparti ż-żjara fi Viareggio li saret minn Delegazzjoni Maltija?
Jista' jelabora dwar din iż-żjara?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Folklor waqt li hi favorevoli għall-idea ta' aktar kollaborazzjoni bejn l-ibliet Mediterranji tal-Karnival ma' tħossx li għandha tieħu l-inizzjattiva u responsabilita` ta' l-inizzjattiva għal diversi raġunijet. Ta' min isemmi li xi snin ilu l-Kumitat tal-Karnival Malti ġie mistieden jattendi laqgħa għal dan il-għan ġo Patras, il-Greċja.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, informat li din iż-żjara saret regolari kull sena li jmorru Viareggio, karrista magħżul bil-polza, ir-Reġina Maltija tal-Karnival flimkien ma' żewġ uffiċċjali fuq stedina tal-Kumitat ta' Viareggio. Waqt din iż-żjara reġgħet ġiet diskussa l-possibilta` ta' aktar kollaborazzjoni fil-qrib.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari nru. 31949, jista' l-Ministru jgħid liema strumenti kienu jdoqqu is-6 mużiċisti li spiċċaw minn mal-Orkestra Nazzjonali u liema strumenti jdoqqu dawk li ġew impjegati ġodda matul il-perjodu rilevanti? Jista' wkoll jgħid minn kienu l-guest conductors li mexxew l-Orkestra Nazzjonali matul l-istess perjodu u jekk ir-renumerazzjoni tagħhom hijiex fissa?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm timijiet li jieħdu sehem fil-League tal-Gvern/Parastatali tal-football? Liema huma? Jiġi organizzat xi sport ieħor minbarra il-football? Liema huma? Jiġi organizzat xi sport ieħor minbarra il-football? Jekk iva, liema sport? Jekk fin-negattiv, jista' jiġi organizat xi league ta' indoor sports bħad-darts, table-tennis eċċ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'kollox hemm 21 team li qegħdin jieħdu sehem fil-League tal-Gvern / Parastatali tal-football. Dawn huma mqassmin hekk:
I Diviżjoni (9 timijiet): Bank of Valletta, Forzi Armati 'A', Forzi Armati 'B', Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi, Dipartiment tas-Saħħa, Malta Drydocks, Maltapost, Ministeru ta' l-Edukazzjoni, Pulizija.
II Diviżjoni (7 timijiet): Air Malta, Bank Ċentrali, Dwana, Maltacom, Ministeru tal-Politika Soċjali, Stamperija tal-Gvern, Universita`.
III Diviżjoni (5 timijiet): HSBC, Malta Shipbuilding, Ministeru tal-Ġustizzja, St Vincent de Paule Residence, Water Services Corporation.
Matul l-istaġun 1995 / 1996 l-Għaqda kienet bidlet isimha ftit tas-snin ilu minn Government and Parastatal Football Association għal Government and Parastatal Sports Association sabiex tkun tista' torganizza sport ieħor barra l-football. Minn dak iż-żmien, minbarra l-football bdew jiġu organizzati diversi tipi ta' indoor sports.
Dan l-istaġun l-Għaqda qed torganizza wkoll in-Netball u diġa` organizzat tournaments tal-football għan-nisa u għall-irġiel fuq il-35 sena. Ġew organizzati wkoll tournaments tat-table tennis u l-pool. Hemm programmat li jiġu organizzati tournaments tad-darts, snooker, table soccer u scrabble. Huwa ppjanat li jiġu organizzati attivitajiet ta' l-atletika, boċċi, sparar, tennis u għawm. Hemm ukoll il-ħsieb li jiġi organizzat seminar dwar il-mediċina sportiva.
Fil-bidu ta' din is-sena l-Għaqda reġgħet bidlet l-istatut tagħha u anke l-isem li issa sar Malta Employees Sports Association sabiex tkun tista' tkompli tilqa' fi ħdanha dawk il-korpi parastatali li ġew jew se jiġu privatizzati bħalma huwa l-każ ta' l-HSBC.
Football — Sponsor għal league tal-Gvern/Parastatali
Question
Issa li għalqet id-ditta 7 up li kienet tissponsorja l-league tal-football tal-Gvern/parastatali, jista' jgħid instabx sponsor ġdid?
Kemm kienet l-isponsorship?
Jista' jagħti breakdown ta' kif intefqu l-flus ta' l-aħħar sponsorship?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li minn meta għalqet id-ditta 7 Up li kienet tisponsorja l-league tal-football tal-Gvern / Parastatali, ġew avviċinati xi ditti biex jinstab sponsor ġdid għal dan il-league. S'issa għad ma nstabx sponsor. L-isponsorship tas-7 Up f'dawn l-aħħar snin kien jammonta għal Lm2,000 fis-sena. Dawn il-flus kienu jagħmlu tajjeb biex jitħallsu r-referees. Fil-fatt l-istaġun li għadda l-Għaqda ħallset is-somma ta' Lm1,922 għas-servizzi tar-referees.