Jista’ l-Ministru jelenka liema huma l-linji tal-ajru Ewropej li għadhom 100% tal-Istat?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għat-Turiżmu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħtu, ma jżommux tali nformazzjoni. Din l-informazzjoni tappartjeni lill-operat ta’ kumpaniji barranin.
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar meta bdiet titlef il-flus l-Air Malta u x’kienu r-raġunijiet għal dan?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta bdiet tirreġistra telf mill-operat tagħha sa mis-Sena Finanzjarja li tagħlaq f’Lulju 2003 – b’telf ta’ €21.8miljun.
Ir-raġuni ewlenija għal dan it-telf kienet tikkonsisti fid-deterjorazzjoni tal-prestazzjoni operattiva, attribwita l-iktar għal żieda fil-kompetizzjoni u cost-structure inflessibbli. B’żieda ma’ dan, kif ġie spjegat mis-CEO ta’ dak iż-żmien fil-Financial Statements li jkopru s-sena Finanzjarja li għalqet fil-31 ta’ Lulju 2003, jirriżulta li:
“Dan l-ammont huwa kważi ekwivalenti għal telf mill-operat tal-AzzurraAir fl-aħħar sena finanzjarja. Huwa neċessarju li l-management tal-Air Malta b’mod immedjat jirranġa l-pożizzjoni tal-Kumpanija, jilqa’ għal sfidi u opportunitajiet ġodda. Il-management huwa iffukat li jwettaq tibdil sostanzjali fl-operat tal-kumpanjia u fl-istrateġija li trid tadotta fil-futur.”
Jista’ l-Ministru jgħid meta kienet l-ewwel darba li l-amministrazzjoni preċedenti ddeċidiet li tinjetta kapital fl-Air Malta? X’kienet ir-raġuni għal dan? Din l-injezzjoni ta’ flus, kienet minn xi riforma li saret jew kellha ssir fl-Air Malta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ewwel darba li l-amministrazzjoni preċedenti effettivament injettat kapital fl-Air Malta kienet f’Settembru 2012 fl-ammont ta’ €20 miljun sabiex il-kumpanija jkollha fondi sabiex timplimenta l-Pjan ta’ Ristrutturar. Infatti, din l-injezzjoni ta’ kapital kienet parti mill-Pjan ta’ Ristrutturar.
Din l-injezzjoni ta’ kapital kompliet fis-snin ta’ wara kif spjegat:
a) Sena 2012 - €20m
b) Sena 2013 - €40m
c) Jannar 2014 - €15m
d) Jannar 2015 - €3m
Minbarra dan, il-Gvern injetta wkoll €52m bħala self kummerċjali lill-Air Malta, li jiġi kkonvertit f’ekwità fil-linja tal-ajru, bl-ewwel €40m konvertiti fl-2015 u €12m konvertiti fl-2016.
Fl-2004, il-Gvern kien ukoll għadda art lill-Air Malta b’valur ta’ Lm22,890,000 (€53,333,700) u ħallas it-taxxa tal-boll għan-nom tal-Air Malta fl-ammont ta’ Lm1,379,912 (€3,215,195). In kontro-kambju, il-Gvern ingħata equity fil-kumpanija b’valur ta’ Lm24,269,912 (€56,548,895).
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar min ħa l-kuntratti tat-teknoloġija informatika fl-Air Malta, matul dawn l-aħħar 15-il sena? X’għamel il-management f’din l-aħħar sena f’dan ir-rigward?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kmieni din is-sena, il-management tal-Air Malta irnexxielu jagħmel negozjar mill-ġdid f’diversi kuntratti li kellu fis-seħħ ma’ service providers differenti f’dan is-settur u rnexxielu jġib termini aħjar għall-kumpanija. B’hekk l-Air Malta ser tiffranka €1m, fis-sena, li jibda mis-sena finanzjarja 01 ta’ April 2015 sal 31 ta’ Marzu 2016 u jkompli sas-sena 2018.
Air Malta –riformi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-operat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’riformi għamel il-management il-ġdid tal-Air Malta f’din l-aħħar sena bħala inizjattivi sabiex il-kumpanija tnaqqas l-ispejjeż tal-operat tagħha?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Management il-ġdid tal-Air Malta wettaq numru kbir ta’ riformi f’din l-aħħar sena, prinċipalment ir-reviżjoni u negozjar mill-ġdid ta’ kuntratti bħal dawk tal-catering, tal-IT u t-Telecoms, u tal-Kiri ta’ Ajruplani, kif ukoll l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni tal-flotta, iffrankar fl-operat ġenerali bħal kirjiet ta’ uffiċini u safar, kif ukoll kontroll ikbar fuq l-ispejjeż kurrenti b’immaniġjar aħjar tal-kuntratti.
Matul is-Sena Finanzjarja li għalqet f’Marzu 2015, ittieħdu dawn l-inizjattivi:
· Ingħalaq kompletament il-Promise of Sale mal-Gvern fuq proprjetajiet li kellha l-Air Malta fiż-żona tal-mitjar l-antik f’Ħal Luqa.
· Iffrankar ta’ €4.1m fis-sena wara negozjar fuq il-kuntratt mal-kumpanija tal-Catering Sky Gourmet.
· Sar il-Bejgħ tal-kumpanija sussidjarja Osprey Insurance bl-aħjar offerta li kienet ta' €1.36m.
· Iffrankar ta’ €1.25m fis-sena wara negozjar mill-ġdid tal-kuntratti tal-IT u t-Telecoms għal servizzi mogħtija lill-Air Malta.
· Innegozjar ġdid ta’ ftehimiet mal-GSAs madwar id-dinja.
· Sar il-Promise of Sale għat-trasferiment tal-ishma f’Selmun Palace Hotel Co.Ltd lil-Gvern b’valur ta’ €10.9m.
· Iffrankar ta’ €800k fuq innegozjar tal-kiri ta’ żewġ ajruplani fuq lease renewals.
· Iffrankar ta’ €8.2m fis-sena fuq razzjonalizzassjoni tal-flotta;
Matul din is-Sena Finanzjarja 2016, l-Air Malta:
· Tinsab fil-proċess ta’ negozjar tal-kuntratt ta’ Revenue Accounting.
· Tinsab fil-proċess ta’ negozjar tal-kuntratt tal-Call Centre.
Selmun Palace Hotel – valur tat-trasferiment lill-Gvern ta’ Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet ġiet ivvalutata Selmun Palace Hotel fl-amministrazzjoni preċedenti u x’inhu l-valur li ġiet trasferita bih l-istess lukanda minn Selmun Palace Hotel Company Limited lill-Gvern ta’ Malta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21059, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji dwar l-impjegati l-ġodda tal-linja nazzjonali Air Malta u ċjoè, f’liema gradi ġew impjegati dawn il-ħaddiema u kemm-il ħaddiem ġie impjegat f’kull grad?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nfakkar lill-Onor. Interpellant illi, bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Settembru 2015, bejn full-time u part-time, ġew impjegati 352 ħaddiema. Madanakollu, fl-istess perjodu, bejn impjegati full-time u part-time, irriżenjaw jew skadielhom il-kuntratt 373 persuna.
L-informazzjoni mitluba, f’liema gradi ġew impjegati dawn il-ħaddiema u kemm-il ħaddiem ġie impjegat f’kull grad, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21059, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-impjegati l-ġodda tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu u ċjoè, f’liema gradi daħlu? Jista’ jgħid f’kull każ jekk saritx sejħa għall-applikazzjoni? Jista’ jgħid mil-liema lokalitajiet ġejjin il-persuni li ġew impjegati?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija 21059, jista’ l-Ministru jgħid f’liema gradi ddaħħlu t-28 ħaddiem ġdid fil-Ministeru għat-Turiżmu?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm rapport tal-IAID in konnessjoni mal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu bejn is-snin 2008 u 2013? Jista’ jgħid jekk il-Ministru ta’ dak iż-żmien ippubblikax tali rapporti?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpellant Illi kien hemm rapport wieħed (1) tal-IAID in konnessjoni mal- Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu (MTA) bejn is-snin 2008 u 2013.
Dan ir-rapport ma ġiex ippubblikat mill-Ministru ta’ dak iż-żmien.
Air Malta – pożizzjoni fuq bordijiet minn impjegati fil-livell ta’ senior management – sejħa għall-applikazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt il-perjodu 2008-2013 kienx hemm membri tas-senior management tal-Air Malta li kellhom karigi oħrajn li ngħataw direttament mingħajr sejħa ta’ applikazzjonijiet, fuq bordijiet ta’ awtoritajiet jew kumpaniji tal-Gvern?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn l-2008 u l-2013, l-Air Malta kellha rappreżentanti tas-senior management tagħha appuntanti mill-Ministru tat-Turiżmu bħala Diretturi fuq il-Bord tal-Malta Tourism Authority, preċiżament lis-Sur Joe Capello (2008-2011) u sussegwentement lis-Sur Philip Saunders (2011-2013).
Fl-istess snin, bejn l-2008 u l-2013, ic-Chief Financial Officer tal-Air Malta Nick Xuereb kien ukoll jokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Lotteries and Gaming Authority.
Dawn in-nomini ma jirriżultax li saru b’sejħa ta’ applikazzjonijiet.
Air Malta – konsulenti/impjegati fil-livell ta’ senior management barranin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu impjegati fil-livell ta’ management u konsulenti barranin tal-Air Malta, bejn is-snin 2008 u 2013? Jista’ jgħid jekk il-ħatriet kollha ta' barannin fil-livell ta’ senior management sarux wara sejħa ta' applikazzjoni internazzjonali? Hemm minn dawn il-barranin li kienu jaħdmu jew kellhom kumpanijia flimkien?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, għas-snin 2008 u 2009, l-Air Malta m’għandhiex aċċess għal informazzjoni dwar il-ħlas ta’ impjegati fil-livell ta’ management. Il-ħlasijiet ta’ salarji ta’ impjegati fil-livell ta’ management bejn is-snin 2010 u 2013 jammonta għal €4,704,303.70. Fl-istess perjodu, bejn l-2008 u l-2013, il-ħlasijiet li saru lill-konsulenti barranin, jammontaw għal €14,342,044.
Fir-rigward tal-kumplament tal-mistoqsija parlamentari, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ser tingħata għall-mistoqsija parlamentari numru 18490.
Air Malta — Ħatriet ta’ barranin wara sejħa internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk waqt il-perjodu 2008-2013 il-ħatriet kollha ta' barannin fl-Air Malta fil-livell ta’ senior management (CEO, CCO, HR, Chief Pilot, Chief Restructuring Officer, Head of Projects Management eċċ) sarux wara sejħa ta' applikazzjoni internazzjonali? Hemm minn dawn il-barranin li kienu jaħdmu jew kellhom kumpanijia flimkien?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħatriet ta’ persuni barranin fil-livell ta’ senior management saru tramite aġenziji ta’ reklutaġġ, is-CEO u c-CCO kienu reklutati mill-aġenzija SpencerStuart, is-CFO kien reklutat mill-aġenzija PSD Group,
u s- CRO kien ingaġġat b’kuntratt dirett mogħti lill-kumpanija Catalise.
L-Air Malta ma għandhiex informazzjoni kompleta dwar relazzjonijiet kummerċjali privati li setgħu kellhom flimkien jew b’mod assoċjat dawn l-uffiċjali barranin. Madankollu, l-eks CEO Peter Davies u l-eks CCO Philip Saunders kienu kollegi fil-linja tal-ajru BWIA/Caribbean Airlines kif ukoll fl-SN Brussels Airlines qabel ma saru kollegi mill-ġdid fl-Air Malta.
L-eks CEO Peter Davies kellu wkoll rabtiet professjonali mal-kumpanija Catalise, li tqabbdet mill-Air Malta sabiex tagħti konsulenza rigward il-proċess ta’ Ristrutturar.
Air Malta — Persuni barranin f’pożizzjonijiet ta’ Management – sejħa internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-barranin li bħalissa nħatru f'pożizzjonijiet ta’ management, inħatrux wara sejħa internazzjonali u kompettitiva?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-barranin li jiffurmaw parti mit-‘top management’ attwali tal-kumpannija, inħatru wara proċess ta’ għażla rigoruż. Il-proċess kien wieħed kompetittiv tant li saru numru ta’ intervisti mal-kandidati ‘short-listed’ u li evenwalment wassal sabiex jintgħazlu l-aħjar persuni. L-Air Malta qatt ma eskludiet l-ingaġġ ta’ persuni Maltin għal dawn il-karigi, iżda fin-nuqqas ta’ ‘expertise’ lokali fil-kompetenzi rispettivi mitluba, l-ingaġġ kellu jkun wieħed internazzjonali.
Linja tal-Ajru Ewropej li għandhom Strategic Alliance ma’ linji tal-ajru oħrajn
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-linji tal-ajru Ewropej li għandhom strategic alliance ta’ xi forma jew oħra ma' linji tal-ajru oħrajn? Liema huma l-alliances li saru f’dawn l-aħħar ftit snin?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterperlant illi l-Ministeru għat-Turiżmu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħtu, ma jżommux tali nformazzjoni. Din l-informazzjoni tappartjeni lill-operat ta’ kumpaniji barranin li għandhom dan it-tip ta’ ftehim.
Jista’ l-Ministru jgħid kif kienu maqsuma t-turisti li ġew u raqdu almenu lejl wieħed, għal kull lokalità, matul l-2014 u din is-sena, possibilment xahar b’xahar?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex din il-mistoqsija jagħmilha lill-Ministeru kkonċernat li taħtu jaqa’ l-Uffiċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-iljieli mqatta’ mit-turisti ġewwa pajjiżna matul is-sena 2014 u sa nofs is-sena 2015? Jista’ jgħid kemm kienet id-differenza perċentwali ta’ dawn l-iljieli mqatta’ meta mqabbel mas-snin 2012 u 2013?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi fl-2014 it-turisti f’Malta qattgħu 13,522,112 lejl. Dan ifisser żieda ta’ 4.9% fuq l-2013 u 14% fuq l-2012.
Tul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-iljieli mqatta mit-turisti fil-Gżejjer Maltin ammonta għal 5,450,208 lejl. Dan ifisser żieda ta’ kważi 170,000 lejl fuq l-istess perjodu tas-sena 2014, jiġifieri tkabbir ta’ 3.2%. Ġiet reġistrata żieda ta’ 10.6% fuq l-ewwel sitt xhur tas-sena 2013.
Żieda fin-numru ta’ l-iljieli mqatta jfisser żieda fl-infieq tat-turisti. Dan qed jiġi kkonfermat hekk kif iż-żieda fl-infieq turistiku qed jilħaq livelli eċċezzjonali u jissupera t-tkabbir fin-numru ta’ wasliet u b’hekk irriżulta f’żieda fl-infieq turistiku ras għal ras.
Il-politika tal-Gvern li jattira turiżmu ta’ kwalita’ qed tagħti l-frott b’żieda sostanzjali ta’ wasliet, fl-iljieli mqatta u fl-infieq turistiku. Ifisser li t-turisti li jasslu Malta u jqattgħu l-iljieli f’pajjiżna, qed jonfqu aktar. Dan kollu qed jikkontribwixxu bil-kbir sabiex ikompli jkollna lil Malta b’ekonomija b’saħħitha.
Qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, statistika aktar dettaljata in konnessjoni ma’ din id-domanda.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ wasliet minn turisti fl-2014 u fl-2015, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid kemm kienet id-differenza perċentwali ta’ dawn il-wasliet meta mqabbel mas-snin 2012 u 2013?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif turi t-tabella li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra, in-numru ta’ wasliet minn turisti fl-2014 jammonta għal 1.68 miljun (din il-figura teskludi cruise passengers li qattgħu ljieli Malta). Iż-żieda perċentwali fuq is-sena 2013 hi ta’ 6.8% u dik fuq is-ena 2012 hi ta’ 17.1%.
L-aħħar figure ppubblikati għas-sena 2015, huma għall-ewwel disa’ xhur tas-sena, fejn 1,409,119 turisti żaru Malta (din il-figura teskludi cruise passengers li qattgħu ljieli Malta). Iż-żieda perċentwali fuq l-istess perjodu tas-sena 2014 hi ta’ 4.9%, dik fuq is-sena 2013 hi ta’ 13.3% u fuq is-sena 2012 hi ta’ 23.1%.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellna wasliet minn viżitaturi bil-cruiseliners fl-2014 u sal-ewwel nofs is-sena 2015? Jista’ jgħid kemm kienet id-differenza perċentwali ta’ dawn il-wasliet ta’ viżitaturi bil-cruiseliners meta mqabbel mas-snin 2012 u 2013?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi fl-2014 pajjiżna rnexxielu jagħmel rimonta tajba fuq is-sena 2013 meta l-ammomt ta’ passiġġieri fl-2014, żdiedu b’aktar minn 40,000 u lħaqna iċ-ċifra ta’ 471,554 passiġġier. Dan ifisser tkabbir ta’ 9.3% fuq l-2013 u ta’ 16.2% fuq fl-2012.
Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena pajjiżna rreġistra 225,877 passiġġier fuq il-cruiseliners. Dan ġab żieda ta’ 39.9% fuq l-istess perjodu tal-2014, 62% fuq l-2013 u saħansitra tkabbir ta’ 8.2% fuq l-istess perjodu tal-2012.
L-aħħar rapport annwali mill-Bank Ċentrali ta’ Malta jikkumenta pożittivament fuq is-sena tajba li pajjiżna kellu fil-qasam tal-cruiseliners. Il-Valletta Cruise Port qed tistenna li tirreġistra total ta’ 325 port call li jġibu madwar 640,000 passiġġier sa l-aħħar ta’ din is-sena. Inħarsu l-quddiem lejn l-2016, meta l-bookings għadhom fl-aqwa tagħhom, naraw li skont l-aħħar informazzjoni, s-sena d-dieħla tidher ukoll waħda pożittiva u sa issa jidher li ukoll se tissupera t-tkabbir li mistenni din is-sena.
L-industrija tal-cruiseliners tagħmel parti mportanti ferm fl-istrateġija tat-turiżmu ta’ pajjiżna. Skont studji kkummisjonati minn Valletta Cruise Port huwa stmat li l-industrija tal-cruiseliners ikkontribwixxiet mat-€82.81 miljun f’infieq dirett fl-ekonomija Maltija u dan ikompli joħloq anki aktar benefiċċji ekonomiċi b’dak li jissejjaħ bħala multiplier effect.
L-inizzjattivi u x-xogħol huma kontinwament għaddejjin sabiex naraw kif nistgħu intejbu anki aktar is-servizz u l-prodott u saħansittra naqbżu l-aspettativi. Flimkien ma l-imsieħba kollha fl-industrija tal-cruiseliners nimmiraw li nżidu l-isforzi u l-investiment tagħna sabiex nilħqu l-objettivi tagħna ta’ tkabbir fin-numru ta’ home porting u tal-passiġġieri u b’hekk inżommu s-sostenibilita u nibqgħu kompetittivi f’din l-industrija.
Qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, statistika aktar dettaljata in konnessjoni ma’ din id-domanda.
Entitajiet privati li bbenefikaw minn skemi għall-Intrapriżi Żgħar u Medji
Question
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm entitajiet privati bbenefikaw mill-iskema għall-Intrapriżi Żgħar u Medji f’dawn l-aħħar sentejn, u x’inhu maħsub li hu l-impatt inġenerali fuq l-ekonomija lokali?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi, l-iskema għal proġetti turistiċi minn intrapriżi żgħar u medji, kienet parti mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja tal-perjodu 2007-2013. Taħt din l-skema kien hemm erba’ sejħiet li taħthom intrarpriżi illi kellhom proġett turistiku setgħu japplikaw u jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja. L-aħħar sejħa (ir-raba’ waħda) għalqet fl-aħħar tal-2014 u taħt din is-sejħa kien hemm 15-il benefiċarju illi bbenefika minn għajnuna. Taħt l-aħħar sejħa kien hemm ko-finanzjament ta’ madwar €1,210,802 li jwassal għal investiment totali fl-ekonomija ta’ madwar €2,703,469.
Permezz tas-sejħiet kollha, l-Ministeru għat-Turiżmu għen sabiex aktar minn €7,742,483 jiġu mogħtija bħala għajnuna lill-privat sabiex iwettqu proġetti turistiċi. Dan ifisser investiment totali, bejn fondi tal-Unjoni Ewropeja, Gvern u privat, ta’ aktar minn €16-il miljun fl-ekonomija lokali. Permezz ta’ din l-skema huwa stmat illi ġew iġġenerati numru ta’ madwar 250 xogħol ġdid (Full-time equivalent).