Jista' l-Ministru jgħid x'korsijiet torganizza l-awtorita' marittima Maltija u kemm tiċċarġġja f'kull każ għal dawn il-korsijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' Marittima f'Ġunju li ġej ser torganiżża l-kors Port Policy & Management f'isem il-Commonwealth. Il-ħlas għal dan il-kors jinġabar mill-Commonwealth. Il-Commonwealth minn naħa tagħha tħallas lill-Awtorita' Marittima għall-ispejjeż li tkun nefqet biex torganiżża l-kors.
Minn żmien għall-ieħor id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ta' l-Awtorita' Marittima wkoll jissieħeb ma' xi organiżazzjoni, normalment waħda internazzjonali, biex jorganiżża seminars jew workshops dwar suġġetti li għandhom x'jaqsmu ma' l-industrija marittima. Fil-preżent dan id-Direttorat qed jikkollabora ma' tliet organiżżazzjonijiet barranin biex aktar tard din is-sena jiġu organiżżati tliet workshops dwar tliet aspetti differenti tas-sigurta' fuq il-baħar. Attivitajiet bħal dawn normalment ikunu miftuħa wkoll għall-parteċipazzjoni tas-settur privat. Il-prezz dovut għall-parteċipazzjoni jvarja minn attivita' għall-oħra. Normalment dan ikun wieħed baxx kemm ikopri l-ispejjeż ta' xi ikel u refreshments li jiġu offruti lill-parteċipitanti.
Barra minn hekk l-istess Direttorat jikkollabora ferm mill-qrib ma' l-Iskola Nawtika tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni fit-tnedija ta' korsijiet ta' taħriġ li jwasslu għall-eżamijiet għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' kompetenza pprovduti taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili jew xi liġi oħra. L-unika ntrojtu li għandha l-Awtorita' huwa ħlas għall-ħruġ taċ-ċertifikat relattiv. Dan ivarja minn ċertifikat għall-ieħor. Minn naħa l-oħra l-ispejjeż ta' l-eżamijiet tagħmel tajjeb għalihom l-Awtorita' Marittima.
Id-Direttorat tal-Yachting mhux qed jorganiżża korsijiet, iżda qed jisponsorja parti minn kors għal sidien ta' dgħajjes bil-mutur organiżżat mill-Iskola Nawtika. Dan is-sussidju jingħata lil dawk kollha li jtemmu l-kors b'suċċess.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-Ministeru biex għallinqas 1% tal-vapuri kollha reġistrati Malta joffru opportunita' ta' sea time lill-kadetti żgħażagħ Maltin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn dejjem kienet il-policy ta' l-Awtoritajiet Maltin li jħeġġu l-istudenti ta' l-Iskola Nawtika li jfittxu huma stess opportunitajiet biex ikunu jistgħu jagħmlu servizz fuq il-baħar bħala kadetti. Madankollu kemm l-Iskola Nawtika kif ukoll id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili ta' l-Awtorita' Marittima ta' Malta bil-kollaborazzjoni siewja ta' aġenti lokali tal-vapuri dejjem taw l-għajnuna tagħhom biex dan iseħħ u biex jippromwovu ma' sidien ta' bastimenti, speċjalment dawk Maltin, l-ingaġġ ta' kadetti Maltin. Studenti li jridu verament iservu fuq il-baħar normalment dejjem sabu opportunitajiet biex jagħmlu dan kemm fuq basimenti Maltin kif ukoll fuq dawk ta' bnadar oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir xi xorta ta' protector mal-culvert li hemm f'Qormi Road, Qormi li jiġi mal-ħajt tal-farm tal-Gvern u li huwa ta' periklu kemm għas-sewwieqa kif wkoll għal dawk bil-mixi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qed iħejji pjan għat-titjib tat-triq li mir-roundabout ta' ħdejn it-tarf tar-runway twassal sa Ħal Qormi biex it-titjib kollu li hemm bżonn f'din it-triq ikun jista' jsir.
Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm jammontaw in-numru ta' reklami li saru mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-snin 1999, 2000 u 2001?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw finanzjarjament dawn ir-reklami u lil min ingħataw, fejn kienu mxandra jew ippublikati u x'kienet il-ħtieġa li jingħataw?
Response (GALEA, ĊENSU)
Sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Peress li fil-parti ta' isfel fi Triq San Silvestru, Mosta, hemm familji li qed jitolbu li t-triq issir one way peress li qed jirriżulta periklu lir-residenti u lill-pedestrians minħabba li t-triq hija dejqa ħafna, jista' l-Ministru jara li jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa u jinformana bl-iżviluppi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 24149.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex meta jiritraw is-17-il kaptant tal-baħar Maltin li għandna jkollna Maltin oħra li jilħqu minflokom, u dan meta tqis li biex kadetti jilħqu kaptan iridu 15-il sena u l-eta' medja tal-kaptan preżenti hija 45 sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-Awtorita' Marittima u l-Iskola Nawtika fi ħdan id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni fit-tnedija ta' korsijiet li jwasslu għal eżamijiet għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' kompetenza, l-ewwel bħala uffiċjali tad-Dverta u eventwalment bħala Kaptana. L-ispejjeż ta' l-organiżazzjoni ta' l-eżamijiet li jsiru skond l-iskeda normali tagħmel tajjeb għalihom l-Awtorita' Marittima.
Jien infurmat ukoll li l-Awtorita' Marittima qiegħda f'diskussjonijiet ferm avvanzati mal-Kulleġġ ta' l-Arti, Xjenza u Teknoloġija għal kollaborazzjoni ferm mill-qrib għat-twaqqif ta' Istitut ta' Studji Marittimi li l-iskop tiegħu ser ikun iktar wiesgħa minn dak ta' l-Iskola Nawtika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karrozzi kull sena f'dawn l-aħħar 5 snin, u kemm hawn muturi b'żewġ roti liċenzjati fuq it-toroq illum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' vetturi reġistrati f'dawn l-aħħar ħames snin huwa kif ġej:
Sena
Vetturi
1996
13,534
1997
11,975
1998
12,121
1999
14,269
2000
13,044
Hawn 12,269 mutur illiċenżjat fuq it-toroq illum.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi rranġata sewwa Triq Karmenu Pirotta f'Birkirkara peress li tinsab fi stat disastruż, bla tarmak u f'kundizzjoni perikoluża għal kull min jaghmen użu minnha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed fil-proċess li jiftaħ aċċess għal ġol-Bypass ta' Birkirkara biex din it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.
Fil-preżent hemm nuqqas ta' qbil dwar ownership ta' art li għaddejja t-triq minnha bejn il-Kurja u xi persuni li qed jaħdmu r-raba', u x-xogħol qiegħed temporanjament wieqaf sakemm din is-sitwazzjoni tkun riżolta.
Jista' l-Ministru jgħid meta d-Dipartiment konċernat ser jieħu dawk il-miżuri kollha li hemm bżonn sabiex jara li jittieħdu l-passi neċessarji ħalli jsolvi l-problema li għandhom persuni bi kmamar fix-Xatt ta' Spinola San Ġiljan li jilmentaw kontinwament li qed jidħlilhom l-ilma minn ġot-triq għal ġol kmamar tagħhom? Jaf l-Ministru, li dan l-ilma qed jidħol saħansitra min ġol-ħitan bil-konsegwenza li qiegħed jikkawża ħsarat kbar lill-inġenji ta' dawn il-persuni għandhom fil-kmamar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Peress li dawn il-postijiet huma amministrati mill-Kummissarju ta' l-Artijiet, nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Jista' l-Ministru jintervjeni mill-aktar fis sabiex Triq Mariano Ganada f'Ħal Tarxien tiġi livellata u asfaltata mill-aktar fis peress li mhux biss l-istat ta' din it-triq hija ta' inkonvenjent serju u reali għar-residenti tagħha iżda hija wkoll ta' periklu għas-saħħa ta' l-istess residenti li kemm-il darba weġgħu? Is-servizzi neċessarji ilhom li ġew mgħoddija min din it-triq li hija responsabilita' tal-Gvern Ċentrali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq flimkien mal-Kunsilli Lokali qed jipprepara programm għall-asfaltar ta' toroq simili ma' Malta kollha u x-xogħol fil-lokal isir skond il-prijoritajiet li ser jirriżultaw minn dan il-programm.
B'riferenza għax-xogħol li qiegħed isir fl-Imdina Road, Qormi, jista' l-Ministru jgħid
i) Meta inħarġet it-tender ?
ii) Meta ġiet awarded it-tender, lil min u b'liema valur?
iii) Kemm suppost ħa żmien ix-xogħol?
iv) Kemm tħallas il-kuntrattur s'issa?
v) Sar tibdil fil-pjanti u xogħlijiet matul iż-żmien li dan jiġi esegwit dan il-proġett?
vi) Meta hu ippjanat li se jispiċċaw x-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-offerta għax-xogħol ta` Mdina Road, Qormi ħarġet f` Lulju ta` l-1998 u l-kuntratt ġie awarded f`Jannar ta` l-1999 għal xogħol ta` formazzjoni li kien stmat li jiswa Lm590,000.95 u f`Settembru ta` l-1999 għal xogħol ta` surfacing li kien stmat li jiswa Lm323,056.00. Dawn iż-żewġ kuntratti, it-tnejn ingħataw lil kumpanija Ritemix Ltd.
Ix-xogħol ta` formazzjoni kien maħsub li jieħu tnejn u tletin ġimgħa fil-waqt li x-xogħol ta` surfacing kien maħsub li jieħu tnax-il ġimgħa.
Saru xi tibdil fil-kuntratt fejn jirrigwarda ix-xogħolijiet konnessi mas-sistema li tieħu l-ilma tax-xita lejn Wied ic-Cawsli u f`Mdina Road. Dan it-tibdil irriżulta meta saru l-pjanti għal dawn il-culverts fejn instab ukoll li kien hemm servizzi ta` cables u infrastrutturi oħra taħt l-art li kienu ser ifixklu it-twettieq tax-xogħol.
Il-ħlasijiet li saru s`issa huma ta` Lm498,162 u Lm30,923 rispettivament fuq dawn iż-żewġ kuntratti.
B'riferenza għax-xogħol li qiegħed isir f'Psaila Street, B'Kara, jista' l-Ministru jgħid:
i) Meta nħarġet it-tender?
ii) Meta ġiet awarded din it-tender, lil min u b'liema valur
iii) Kemm suppost ħa żmien dan ix-xogħol?
iv) Kemm tħallas il-kuntrattur s'issa?
v) Sar xi tibdil fil-pjanti jew/u fix-xogħlijiet matul iż-żmien li ilu jiġu esegwit dan il-proġett
vi) Meta hu ippjanat li se jispiċċa x-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-offerta għax-xogħol ta' Psaila Street ħarġet f'Ottubru, 1999 u l-kuntratt ġie mogħti f'Ġunju 2000 lid-ditta Ritemix Ltd għall-valur ta' Lm 805,000. Iż-żmien tal-kuntratt hu ta' ħmistax-il xahar u x-xogħol hu maħsub jitlesta' fl-aħħar ta' Novembru ta' din is-sena. L-ammont ta' ħlasijiet li saru s'issa lill-kuntrattur huwa ta' Lm199,425.
Ix-xogħol kopert mill-kuntratt essenzjalment baqa' dak li kien oriġinarjament ippjanat.
B'riferenza għax-xogħol li qiegħed isir f'Imdina Road u l-inħawi f'Ħ'Attard, jista' l-Ministru jgħid?
i) Meta inħarġet it-tender?
ii) Meta ġiet awarded it-tender, lil min u b'liema valur?
iii) Kemm suppost ħa żmien dan ix-xogħol?
iv) Kemm tħallas il-kuntrattur s'issa?
v) Sar tibdil fil-pjanti u xogħlijiet matul iż-żmien li ilu jiġu esegwit dan il-proġett?
vi) Meta hu ippjanat li se jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-offerta għax-xogħol ta' Imdina Road, Attard ħarġet f'Lulju ta' 1998 u ġiet awarded fl-aħħar t'April,1999. Ix-xogħol ta' formazzjoni ġie awarded lid-ditta Ritemix Ltd għall-valur ta' Lm159,100 filwaqt li x-xogħol ta' surfacing ġie awarded lid-ditta Roads Group Ltd. għall-valur ta' Lm147,448.
Il-ħlasijiet li saru s'issa lid-ditta Ritemix hu ta' Lm157,000 u lid-ditta Roads Group hu ta' Lm27,698.
Bħalissa qed isir ix-xogħol fuq il-kuntratt tar-Roads Group u x-xogħol hu maħsub li jitlesta' f`dawn il-jiem.
B'riferenza għax-xogħol li qiegħed isir f'Ħal Far Road, jista' l-Ministru jgħid?
i) Meta inħarġet it-tender?
ii) Meta ġiet awarded it-tender, lil min u b'liema valur?
iii) Kemm suppost ħa żmien dan ix-xogħol?
iv) Kemm tħallas il-kuntrattur s'issa?
v) Sar tibdil fil-pjanti u xogħlijiet matul iż-żmien li ilu jiġu esegwit dan il-proġett?
vi) Meta hu ippjanat li se jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-ewwel kuntratt li ngħata għal xogħol f`din it-triq kien fl-4 ta` Ottubru 1996. F`Lulju 1998 reġgħet ħarġet tender oħra li kienet tkopri l-istess xogħol li kien diġa allokat f'Ottubru 1996. Din ħolqot diffikultajiet fl-allokazzjoni tat-tender, u wara diversi laqgħat ġie deċiż li x-xogħol li kien kopert bil-kuntratt ta' Ottubru 1996, u dak kopert bit-tender ta' Lulju 1998, fil-valur ta' Lm 1,126,449 ġie allokat lid-ditti Penza Tarmac Ltd, Schembri Barbros Ltd u lil General Road Servicing Ltd fid-29 ta` Lulju 1999. S`issa il-kumpanija Penza Tarmac Ltd. tħallset is-somma ta` Lm358,198, il-kumpanija Schembri Barbros tħallset is-somma ta` Lm211,737 u l-kumpanija General Road Servicing tħallset is-somma ta` Lm274,802.
Il-pjanti saru max-xogħol li kien qed isir fuq il-proġett u s`issa ma kienx hemm tibdil fix-xogħol ta` dan il-kuntratt. F'partijiet minn dan ix-xogħol kienet meħtieġa l-approvazzjoni tal-Awtorita' tal-Ippjanar, u l-permessi meħtieġa nkisbu fil-21 ta' Ġunju, 2000. (P.A. Nru 351/2000)
Ix-xogħol kellu completion period ta` tletin ġimgħa li beda meta l-kuntratturi ingħatalhom il-full possession of site peress li x-xogħol qed isir f` fażijiet biex it-triq ta` Ħal Far ma tingħalaqx għat-traffiku. Dan ix-xogħol mistenni li jitlesta` għal nofs Ġunju.
Peress li persuni li għandhom opri tal-baħar reġistrati mal-MMA mhux jirnexxilhom jikkontattjaw il-met office fuq in-numru 543848 meta jċemplu mill-mobile phones, jista' l-Ministru jara li jiġi rimedjat dan in-nuqqas ħalli jkunu evitati inċidenti fatali li jistgħu jiġu kawżati kemm-il darba l-informazzjoni tibqa' ma tingħatax lil dawn il-persuni li jkunu bejn sema u ilma?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lill-Awtorita' tal-Komunikazzjoni tinvestiga il-kas biex din il-problema tissolva.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta uffiċjali li turi kif se tiġi żviluppata l-aħħar parti tat-triq li tiġi fl-aħħar ta' Triq id-Dragun f'Ħal Qormi u li tmiss ma' Triq il-Ħelsien u li hija magħrufa bħala New Street fi Triq il-Ħelsien? Meta se tiġi miftuha din il-parti tat-triq li tgħaqqad Triq id-Dragun ma' Triq il-Ħelsien? Jaf l-Ministru li hemm saħansitra familji li ma jistgħux ikomplu bix-xogħol fuq darhom bħal per eżempju bini ta' parapet minħabba li x-xogħol ma sarx min-naħa tal-Gvern fuq din il-parti tat-triq? X'qiegħed iżomm milli jitwettaq ix-xogħol? Għaliex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-pjanti li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellanta huma l-Planning Schemes fil-lokalita` li tipproduċi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Dwar il-kumplament tad-domanda tlabt lid-Dipartiment tat-Toroq jara x'jista' jsir.
B'referenza għat-tweġiba parlamentari li ngħatat għal mistoqsija nru 24617, fejn l-Ministru semma li d-dipartiment qiegħed jistħarreġ is-sitwazzjoni dwar l-għargħar f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid f'hiex wasal dan l-istħarriġ u meta si jiġi konkluż?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta mogħtija għal mistoqsija Parlamentari Nru. 24951.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema dritt sar il-kliem Keep Clear quddiem arkata li minnha lanqas tgħaddi karozza fi Prison Street in-Naxxar? Min awtorizza li jsir dan il-kliem? Min talab li jsir dan il-kliem?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-kliem keep clear inkwestjoni ma kienux awtoriżżati mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku.
Il-Bord ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali dwar dan u ġie nfurmat li l-marki ta` keep clear ġew imneħħija.
Jista' l-Ministru jgħid meta issa se jiġu nstallati t-traffic lights f'Mdina Road f'Manwel Dimech Street, Ħal Qormi, issa li l-proġett ta' Mdina Road jidher li wasal fil-fażi finali tiegħu, kif wara kollox l-Ministru stess kien stqarr f'mistoqsija parlamentari li kont ressaqt xhur ilu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol wasal fl-aħħar u t-traffic lights jitwaħħlu malli x-xogħol f'dan l-aħħar stadju jitlesta.