Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol fuq il-barkun fil-Marsa Shipbuilding waqa' lura minħabba li ngħatat informazzjoni zbaljata minn manager fuq l-ammont ta' pjanċi li suppost kien hemm in stock. Jekk fl-affirmattiv, ittieħdux passi dixxiplinarji kontra l-istess manager? Kemm waqa' xogħol lura u jekk hux se jinħarġu multi mill-propjetarji tal-barkun?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol fuq il-barkun fil-Malta Shipbuilding, s'issa jinsab lura b'erbgħa u għoxrin ġurnata. Dan id-dewmien huwa attribwit għall-fatt li l-proprjetarji tal-barkun għadhom ma pprovdewx id-disinji kollha kif kien miftiehem. Minħabba f'hekk mhux il-każ li jinħarġu multi.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk inxtrawx computers għat-training fil-Marsa Shipbuilding, u jekk fl-affermattiv inħarġux tenders ? F'każ li ma nħarġux tenders, għaliex u min iddeċieda li jinxtraw u kemm kien l-ammont tax-xiri?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li ma nxtawx kompjuters għat-training fil-Malta Shipbuilding.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kontijiet tad-dawl u ta' l-ilma li tħallsu b'ċekkijiet, li ma setgħux jissarfu minħabba nuqqas ta' fondi neċessarji fil-kontijiet kurrenti in kwistjoni s-sena l-oħra. Kemm kien l-ammont involut?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li n-numru ta' kontijiet tad-dawl u ilma li bejn Jannar u Diċembru 2000 tħallsu b'ċekk kien ta' 236,797. Dawn iċ-ċekkijiet kienu jammonatw għal Lm52,537,275. Minn dawn iċ-ċekkijiet, 1,307 ma setgħux jissarfu minħabba nuqqas ta' fondi. Il-valur ta' dawn iċ-ċekkijiet kien ta' Lm656,057.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Water Services Corporation qed tnaqqas il-pressa ta' l-ilma b'mod li din qed ikun ta' detriment għal xi residenti li joqgħodu fi flats ġewwa Triq il-Blajjiet f'M'Scala?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, qed timplimenta policy ta' "level of service" bħlma jsir barra minn Malta. B'din il-policy l-Korporazzjoni torbot lilha nnifisha li twassal is-servizz ta' l-ilma għand il-konsumatur sal-bieb ta' barra tar-residenza tiegħu bi pressjoni ta' "one bar". Dan isir biex ma jkunx hemm pressjoni żejda fuq is-sistema tad-distribuzzjoni u b'hekk ma jiżdidux il-ħsarat. Bi pressjoni ta' "one bar", l-ilma jitla' livell ta' tlitt sulari u għandha tkun biżżejjed biex taqdi d-domanda ġenerali tal-konsumaturi. Min irid jibni aktar fil-għoli jista' imbagħad jinstalla pompa ta' l-ilma.
Fil-każ li għalih qed issir riferenza, hemm diffikulta teknika fejn it-tankijiet ta' l-ilma li hemm fuq il-bejt ta' l-appartamenti qiegħdin fiżikament għoljin kważi daqs Żonqor Water Tower li huwa s-sors minn fejn titwassal il-provvista ta' l-ilma. Għaldaqstant qed tinħoloq diffikulta' biex dawn it-tankijiet fuq il-bejt jimtlew minn dan il-water tower.
Filwaqt li l-Korporazzjoni qed tara x'jista' jsir sabiex ittejjeb din is-sitwazzjoni, huwa rakkomandat li l-konsumaturi jibqgħu jużaw il-pompi ta' l-ilma li diġa' għandhom installati ħdejn il-bieb ta' barra biex l-ilma jasal fit-tankijiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-ewwel kuntatti bejn il-korporazzjoni Gozo Channel u x-xerrej tal-vapur bl-isem ta' "Ghawdex" biex dan jinbiegħ? Meta ġie iffinalizzat dan il-bejgħ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-bejgħ tal-vapur MV Għawdex mill-Kumpanija Gozo Channel sar wara sejħa għall-offerti f'gazzetti lokali u rivisti internazzjonali.
Ix-xerrej tal-vapur MV Għawdex kien wieħed minn dawk li tefa' l-offerta. L-ewwel negozjati saru ma' żewġ kumpaniji oħra li tefgħu offerti aktar vantaġġużi iżda n-negozjati fallew.
Wara ġie konkluż il-bejgħ ma' dak ix-xerrej li tefa' t-tielet offerta vantaġġuza.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Air Malta taċċerta li l-ħaddiema kollha tagħha kemm dawk li jaħdmu fuq titjiriet kif wkoll il-ground staff jingħataw it-tilqim meħtieġ dejjem skond ir-riskji li jistgħu ikunu esportati għalihom minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li f'każi fejn tidħol is-saħħa tal-ħaddiema, l-Air Malta dejjem toqgħod fuq il-pariri li jtuha t-tobba konsulenti tagħha. Fil-fatt il-kumpanija tagħti tilqim b'xejn lill-impjegati tagħha kull meta jkun hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jara li l-Air Malta tara jekk hux possibli li testendi l-anti smoking policy li ssegwi fuq it-titjiriet tagħha għall-kmamar u l-uffiċċini użati mill-istaff ta' din il-kumpanija billi wasluli ilmenti minn staff ta' l-Air Malta li f'ċerti uffiċini u kmamar użati mill-istaff ta' l-Air Malta fl-Airport Internazzjonali min ma jpejjipx qed ikun esport għal dħaħen ta' min ipejjep?
Response (BONNICI, JOSEF)
Filwaqt li wieħed japprezza l-motiv ta' l-Onorevoli Membru wara din il-mistoqsija, sakemm ma ssirx leġislazzjoni li tipprojbixxi kull forma ta' tipjip fl-uffiċini u postijiet pubbliċi, ma narax li għandu jkun hemm xi eċċezzjoni fl-Air Malta. Madanakollu, jekk l-Onorevoli Interpellant jgħaddili aktar informazzjoni dwar l-ilment, wieħed jara jekk jistax isir xi arranġament biex titnaqqas il-problema.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibli li l-Air Malta tinvestiga u possibilment tirrimedja - dejjem jekk hu l-każ - ilmenti li wasluli minn impjegati ta' l-Air Malta li fil-kmamar użati mill-istaff ta' l-Air Malta m'hemmx ventalizazzjoni u sistema ta' airconditioning effettwa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu, l-Air Malta tkun f'pożizzjoni aħjar li tara x'jista' jsir dwar dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi anti-smoking policy fl-Malta International Airport kif hemm f'diversi ajruporti ewropej? Jekk m'hemmx, jikkonsidra li l-MIA tagħmel anti-smoking policy fejn it-tipjip ikun riservat għall-ċerti areas limitati biss u dan fid-dawl ta' l-għarfien tal-ħsara kbira li jagħmel il-passive smoking?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Malta International Airport qed taħdem biex tintroduċi "smoking policy" effettiva fl-ajruport internazzjonali. B'kollaborazzjoni mad-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa, qegħdin isiru l-preparamenti neċessarji biex jinħareġ avviż legali li jagħmilha possibbli li din il-policy tkun infurzata b'mod effettiv.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 19995 li kienet ġiet sottomessa fid-9 ta' Ottubru 2000 dwar kemm-il kawża saret fil-Qorti minn konsumaturi kontra l-Enemalta, matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena u n-natura tal-kawża? Kemm minn dawn il-kawżi ntrebħu mill-konsumaturi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għal dak li jirrigwarda kawżi fil-Qrati magħmula minn konsumaturi fil-konfront tagħha, jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta għandha rekords kompilati li jkopru dawn l-aħħar ħames snin. L-informazzjoni mitluba għal dan il-perjodu hija kif ġej:
SENA NUMRU TA' NUMRU TA' KAWŻI NUMRU TA' KAWŻI
KAWŻI FIL- FIL-QORTI TAL- FIT-TRIBUNAL TAT-
PRIM' AWLA MAĠISTRATI TALBIET ŻGĦAR
1996 6 - -
1997 7 3 -
1998 10 1 -
1999 6 1 2
2000 6 2 2
Dwar in-natura ta' kull kawża, biex din tiġi kompilata trid issir riċerka manwali fuq kull kawża. Tajjeb jingħad ukoll li l-proċess ta' dawn il-kawżi diġa' huwa pubbliku, u għaldaqstant, sakemm ma ningħatax raġuni valida, ma jidhirlix li x-xogħol involut huwa ġustifikat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21748 li ġiet sottomessa fid-29 ta' Novembru 2000 dwar jekk hemm grid bejn il-power stations tal-Marsa u dik ta' Delimara?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-sistema ta' l-elettriku f'pajjiżna tikkonsisti fi grid mifruxa ma' Malta u Għawdex. Din hija ffurmata minn cables u overhead lines b'konnessjonijiet maż-żewġ power stations, ċentri ta' distribuzzjoni u substations. Fil-grid hemm tlitt livelli ta' vultaġġ - 132 KV, 33KV u 11KV.
Tajjeb jingħad li bħalissa hemm proġett biex titħaffer mina bejn Delimara u l-Marsa biex tkompli tissaħħaħ il-grid ta' l-elettriku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien n-numru ta' inċidenti fejn kuntratturi għamlu ħsarat fuq cables tad-dawl is-sena l-oħra u din is-sena? X'kien l-effett tal-ħsara, kemm swiet biex tissewwa, kemm kien in-numru ta' kuntratturi imtella l-Qorti minħabba negliġenza?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul is-sena 2000 kien hemm sebgħa u għoxrin inċident fejn saru ħsarat fuq cables tad-dawl waqt li kien qed isir xogħol mill-kuntratturi, waqt li din is-sena, sa l-aħħar ta' Marzu, in-numru ta' inċidenti kien ta' sebgħa.
Tajjeb jingħad li minn dawn l-inċidenti, jirriżulta li f'erba' okkażjonijiet biss il-kuntrattur kien imqabbad jagħmel ix-xogħol direttament mill-Korporazjoni Enemalta.
Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi nstallat l-street lighting għal parti tat-triq li tiġi l-isfel fi Triq id-Dragun, Ħal Qormi u li tmiss ma' Triq il-Ħelsien, magħrufa bħala New Street fi Triq il-Ħelsien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-talba biex jiġi provdut dawl adekwat fi Triq id-Dragun Ħal Qormi qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ispejjeż (fuel, pagi tal-crew etc) li kull vapur tal-kumpanija Gozo Channel irid f'kull ġimgħa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Minħabba n-natura kummerċjali tal-kumpanija Gozo Channel ma naħsibx li jkun fl-interess ta' l-istess kumpanija li jingħataw id-dettalji mitluba.
Nirreferi wkoll lill-Onorevoli Interpellant għall-Accounts tal-Kumpanija li huma ppubblikati u wkoll għat-tweġiba li tajt waqt is-Seduta numru 525 għall-mistoqsija numru 24914 fejn ingħatat informazzjoni dwar il-konsum ta' fuel tal-vapuri.
Jista' l-Ministru jara li ħaddiema tal-Water Services Corporation jaraw il-main tas-sinjura li d-dettalji tagħha qed jintbgħatu separatament min din il-mistoqsija li qiegħed jikkawżalha ħafna problemi?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24785 li oriġinarjament kienet saret lil Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe jista' l-Ministru jara li t-tliet bozoz li hemm fi Triq Fr Charles Plater, Raħal Ġdid u li ilhom maqtugħa għal dawn l-aħħar ġimgħat jiġu rranġati mill-aktar fis?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Għar-rigward l-area tal-Millieri b'mod partikulari fuq in-Niġem, Ħal Għaxaq, jista' l-Ministru jgħati tweġiba għall-mistoqsija parlamentari nru. 22598?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Koporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ħarġet kuntratt għat-tqegħid ta' mejnijiet ġodda b'tul ta' madwar tlitt kilometri f'Ħal Għaxaq. Dan il-proġett mistenni jibda fil-ġranet li ġejjin. F'dan il-proġett hemm inkluża z-zona magħrufa bħala "tal-Millieri".
Jista' l-Ministru jgħid, skond id-dipartiment ta' l-istatistika, x'kienet il-produzzjoni lokali tal-laħam aħmar f'Malta u Għawdex, separatament matul dawn l-aħħar ħames snin , sena b'sena u x'tip u kwalita' ta' laħam kien?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb wieħed jinnota li l-figuri mogħtija huma tal-laħam ipproċessat fil-Biċċerija tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid, skond it-tagħrif ta' l-uffiċċju ta' l-istatistika, kemm tipproduċi annwalment waste - demel u skart - l-industrija lokali tat-trobbija tal-laħam tat-tjur u l-bhejjem f'Malta u f'Għawdex separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li t-tip ta' informazzjoni mitluba ma tinżammx mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika. Madanakollu jekk wieħed jikkonsulta paġna 32 tal-Consultation Document imsejjaħ "A Solid Waste Management Plan for Malta" pubblikat mill-Ministeru ta' l-Ambjent f'Jannar tas-sena l-oħra, jsib li huwa stmat li l-produzzjoni annwali ta' demel ta' l-annimali hija ta' 116,000 tunnellata.