Legislature:
Category:
Reset
Active:

Buġibba — Water Park - apparat espost għall-elementi tan-natura

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-apparat li hemm fil-Water park f'Buġibba ma jitħalliex iktar espost għall-elementi tan-natura billi qiegħdha ssir ħafna ħsara lil dan l-istess apparat u li jkun diffiċli biex jerġa jintuża meta jkollu jerġa jinfetaħ il-water park għas-sajf li ġej?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-amministrazzjoni sabet ma’ wiċċha sitwazzjoni fil-WaterPark tal-Qawra fejn fit-tender li kien ingħata għal dan il-park mill-amministrazzjoni preċedenti u li jkopri perjodu ta’ 5 snin sal-2017, imkien ma ssir referenza jew li dan ikopri biex fix-xhur tax-Xitwa jitneħħa l-apparat mill-park ħalli dan jiġi salvagwardjat mill-elementi tat-temp u ma ssirlux ħsara. Minħabba f’hekk ta’ kull sena l-Works Department, li qabel kien responsabbli mill-ħruġ u l-għoti tat- tenders relatati, kien ikollu jirrikorri għal direct order biex jitneħħa l-apparat u hekk reġa’ sar din is-sena fejn jien infurmat li l-apparat issa tneħħa. Fid-dawl ta’ dan qed isir proċess fejn qed ikun evalwat id-dossier tat- tender mgħoti u l-ftehim li kien hemm mal- management bl-iskop li jiġu mnaqqsa l-ispejjeż. Sakemm jiskadi l-kuntratt marbut mat- tender , fuq livell amministrattiv qed isiru arranġamenti biex ma tibqax tingħata direct order kull sena lill-kuntrattur involut u jkun hemm miżuri aktar trasparenti.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — top management positions

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw top management positions fid-dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marza s’issa? Jista’ jipprovdi lista ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema management positions qed jagħmel referenza għalihom.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6892 u jagħti l-lista aġġornata li fiha jelenka l-ismijiet tal-konsulenti (inkluż persons of trust) li taw u ta’ dawk li għadhom qegħdin jagħtu s-servizzi tagħhom lid-dekasteru tiegħu mid-9 ta' Marzu 2013 sad-9 ta' Jannar 2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Industrija tat-trobbija tal-Majjal

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-inizjattivi ġodda li ħa l-Ministeru matul l-2013, biex jassigura li dawk li jrabbu l-majjal ikomplu jsostnu l-industrija tat-trobbija tal-majjal? Kemm kienet il-qatla tal-majjal matul l-2013, u kemm kienet l-istess qatla matul is-sentejn ta’ qabel? Kemm kien il-piż tal-qatla tal-majjal matul l-2013 u kemm kien il-piż tal-istess qatla matul l-2011 u l-2012, xahar b’xahar rispettivament? F'liema kategorija ġie graded il-majjal matul l-2011, l-2012 u l-2013, skont il-piż globali tal-qatla li kien hemm matul dawn l-istess snin? Kemm kienu kull waħda minn dawn is-snin il-persuni li daħħlu majjal għal qatla fil-biċċerija? Kemm mill-majjal li nqatel mar għall-konsum, u kemm mar għall-ipproċessar matul dawn it-tliet snin, sena sena individwalment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja kellhu laqgħat fuq bażi regolari ta’ kull xahar mal-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjal (KIM LTD) biex ikollu subajgħ fuq il-polz ta’ kif ikun sejjer dan is-settur. Dan bid-differenza ma’ dak li kien jiġri fis-snin ta’ qabel fejn l-istess Koperattiva kienet tilmenta min nuqqas ta’ laqgħat mal-Ministru kkonċernat. Ninsab infurmat ukoll illi wara din it-telqa li sofra s-settur tal-majjal f’dawn l-aħħar snin b’riżultat aħħari li l-qatla ta’ madwar 120,000 ras (10,000 tunellata) fl-2004, naqset bin-nofs għal qatla ta’ madwar 60,000 ras (5,000 tunellata) fl-2012. Waħda mill-inizjattivi ġodda li ħa l-Ministeru f’dawn l-aħħar xhur kienet illi beda sensiela ta’ laqgħat ukoll mal-proċessuri lokali tal-majjal biex dawn jużaw il-majjal prodott lokalment għall-iproċessar tal-prodotti tagħhom. Saru laqgħat ukoll mal-proċessuri kollha individwalment, fejn dawn ġew imħeġġa biex jippromwovu l-majjal lokali fil-produzzjoni ta’ prodotti proċessati. Inizjattiva oħra li ttieħdet kienet li l-Gvern esiġa biex f’sejħiet għall-offerti għal-provvista ta’ majjal għal-ħtiġijiet tal-isptarijiet jinxtara majjal frisk. Filwaqt li s-Segretarjat Parlamentari jinstab għaddej bi sforzi biex jinstabu swieq barranin għall-majjal prodott lokalment. Għal-kumplament tal-mistoqsija nirreferri lill-Onor Interpellant għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ta’ Qali – Pitkalija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħlijiet hu mistenni li jitwettqu fil-Pitkalija f’Ta’ Qali, matul l-2013? Meta hu mistenni li jinbeda dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jiġi jiswa dan l-istess xogħol? F’liema mill-pitkaliji differenti hu maħsub li jitwettaq ix-xogħol li hemm ippjanat u min hu mistenni li jwettqu?

Response (BRINCAT, LEO)

Naħseb li l-Onor. Interpellant qed jistaqsi dwar xogħlijiet li mistenni jitwettqu fil-Pitkalija f’Ta’ Qali fl-2014 – u mhux fl-2013 kif staqsa hu. B’referenza tax-xogħolijiet li mistenija jitwettqu fil-Pitkalija fl-2014 u l-quddiem dan jiddependi mit-taħtidiet u diskussjonijiet li qegħdin isiru għar-riforma tal-Pitkalija li hemm ippjanata. Dettalji ta’ dawn ix-xogħolijiet jingħataw aktar 'il quddiem.

Pitkalija – kaxxi għall-użu tal-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif se jittieħdu passi konkreti biex il-bdiewa ma jkollhomx għalfejn immorru l-pitkalija numru ta’ drabi biex jieħdu l-kaxxi li jkollhom bżonn għall-prodotti tagħhom? Billi qed jirriżulta li kontinwament ikun hemm nuqqas ta’ kaxxi għall-użu tal-bdiewa, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’inhu qed isir konkretament, biex il-bdiewa jkollhom il-kaxxi meħtieġa għall-użu tagħhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li minn Ottubru 2013 ‘l hawn daħlu fis-sistema numru konsiderevoli ta’ kaxxi ġodda li suppost kienu biżżejjed għal ħtiġijiet normali tal-bdiewa, pitkala u xerreja. Huwa fatt magħruf ukoll li fis-sistema suppost li hemm eluf u eluf ta’ kaxxi mixtrija matul is-snin imgħoddija u li dawn il-kaxxi suppost li huma biżżejjed għal-ħtiġijiet normali tal-bdiewa, pitkala u xerreja. Ninsab infurmat ukoll li l-fatt li f’ċertu żminijiet jidher li jkun hemm nuqqas fiżiku ta’ dawn il-kaxxi jirriżulta minn abbużi li jwettqu l-istess pitkala, bdiewa, xerreja u individwi oħra li jżommu u jaħżnu għal-użu tagħhom dawn il-kaxxi, b’detriment għall-użu minn bdiewa, pitkala u xerreja oħrajn. Nassigura lill-Onor. Interpellant li fir-riforma tal-Pitkalija qed jiġi ppjanat x’passi ser jittieħdu biex din il-problema tiġi indirizzata u jkun hemm kontrol aħjar tal-użu ta’ dawn il-kaxxi.

Qbid ta’ Pixxispad

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienet il-qabda tal-pixxispad matul l-2013? Kif titqabbel din il-qabda mal-qabda tas-snin ta’ qabel? Kemm minn din il-qabda nbiegħet fis-suq lokali u kemm marret barra minn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-qabda tal-pixxispad li kien hemm matul l-2013 kienet tammonta għal 341 tunnellata. Meta mqabbla mal-qabdiet ta’ dawn l-aħħar 5 snin, din il-qabda kienet l-ikbar waħda. Minn din il-qabda 226 tunnellata nbiegħet fis-suq lokali u 115 tunnellata marret barra minn Malta.

Kontroll fuq il-Fish Farms

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed isir kontroll fuq il-fish farms f’pajjiżna biex jiġi assigurat li l-ħut imrobbi jkun dejjem ta’ l-għola kwalità? Jista’ jagħti tagħrif dwar kif isir kontroll fuq il-fingerlings li jaslu għat-trobbija fil-fish farms Maltin? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’kontrolli jsiru fuq dawn il-fingerlings meta jaslu hawn Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Naċċerta lill-Onor. Interpellant li l-kontrolli fuq il-fish farms f’pajjiżna jsiru skont in-National Residue Plan ta’ Malta u skont ir-regolamenti imposti f’EC853/2004. Ninsab infurmat li jsiru kontrolli kemm fiżiċi kif ukoll tad-dokumenti tal- fingerlings li jaslu Malta għat-trobbija fil- fish farms .

Baqar tal-Ħalib – kwota fil-produzzjoni tal-ħalib

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta’ raħħala li jżommu l-baqar tal-ħalib f’pajjiżna? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm każijiet matul l-2013 li fihom il-kwota tal-produzzjoni tal-ħalib inqabżet? Jekk kien hemm każijiet hekk, jista’ jagħti tagħrif dwar x’użu sar minn dan l-istess ħalib?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li preżentament hawn 118 raħħal li jżommu l-baqar tal-ħalib f’pajjiżna. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal kwota Nazzjonali kif mifthiema fit-Trattat ta’ Sħubija, ninsab infurmat li din il-kwota qatt ma nqabżet.

Il-Biċċerija tal-Marsa — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’tip ta’ spezzjonijiet saru matul l-aħħar sentejn fil-biċċerija tal-Marsa? X’tip ta’ spezzjonijiet oħra hu mistenni li jsiru fil-biċċerija matul il-ġimgħat jew xhur li ġejjin? Minn min hu mistenni li jsiru dawn l-ispezzjonijiet fil-futur qrib?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li spezzjonijiet fil- biċċerija tal-Marsa jsiru fuq bażi regolari, skont il-ħtieġa u skont ir-regolamenti. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi spezzjonijiet partikolari huwa mitlub ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — lista ta' varjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena (bejn l-2008 u t-8 ta' Marzu 2013), lista ta’ varjazzjonijiet kollha li ngħataw mill-Ministeru inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jagħti n-natura tal-kuntratt, min ingħata dan il-kuntratt, il-valur oriġinali tal-kuntratt u l-valur finali tal-kuntratt?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli għalih nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu wkoll bosta sezzjonijiet u jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru u li l-informazzjoni dwarhom tista’ tkun qed tingħata fi tweġibiet mil-Ministeru tagħhom. Għaldaqstant, skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella b’lista tal-varjazzjonijiet kollha li ngħataw bejn l-2008 u t-8 ta' Marzu 2013, mil-kumpanija WasteServ Malta Ltd, li baqgħet taħt id-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-9 ta’ Jannar 2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Programm għall-iżvilupp rurali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux programm għall-iżvilupp rurali għas-snin li ġejjin? Jekk għandu, jista’ jagħti tagħrif għal liema perijodu hu validu dan l-istess programm? Jekk m’għandux, jista’ jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li tali programm jiġi mfassal u minn min?

Response (BRINCAT, LEO)

Nikkonferma illi ninsab infurmat li bħalissa l-Ministeru tiegħi qiegħed ifassal il-programm għall-iżvilupp rurali għal-Malta għas-snin 2014-2020. F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar lill-Onor. Interpellant li f’Novembru li għadda konna nhedejna konsultazzjoni pubblika. Ta’ min ifakkar ukoll li waqt id-diskussjonijiet tal-Budget 2014 l-Onorevoli Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, kien ukoll tkellem dwar din il-materja. Sadanittant jien infurmat ukoll li dan il-programm qed ikun ippreparat bl-għajnuna ta’ esperti mill-Università ta’ Gloucestershire li kienu ingaġġati għal dan il-għan.

Programm għat-tkabbir tal-ħut

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux xi programm partikolari għas-snin li ġejjin, biex jassigura li kemm is-sajd, kif ikoll it-tkabbir tal-ħut (fish farming) ikun jista’ jitkompla matul is-snin li ġejjin? X’inizjattivi partikolari ttieħdu matul l-aħħar sena f’dan ir-rigward, u x’inizjattivi hu mistenni li jittieħdu matul din is-sena?

Response (BRINCAT, LEO)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-programm elettorali tal-Partit Laburista, li issa sar il-programm tal-Gvern, jippreżenta numru ta’ miżuri fil-qasam tas-sajd kif ukoll dak tat-tkabbir tal-ħut. Dawn il-miżuri illum huma għarfien pubbliku u l-Gvern huwa kommess li jwettaqhom matul iż-żmien li ġej kif ser iwettaq il-programm kollu kemm hu. Sadanittant, l-Onor. Interpellant jaf li fid-diskors tal-Budget 2014, il-Gvern diga’ ħabbar li ser ikun qed jaħdem fuq strateġija kemm għas-sajd u kif ukoll għall-akkwakultura. Dawn l-istrateġiji huma mmirati sabiex l-oqsma nvoluti jkunu msejsa fuq il-prinċipji tas-sostenibblita’. Fil-qasam tat-tkabbir tal-ħut (fish farming) din tinkludi wkoll pjan biex titwaqqaf Hatchery kummerċjali li tkun tista tipproduċi biżżejjed friegħ għad-domanda tal-produzzjoni ta’ Malta.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — lista ta' direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, sena b’sena, lista kollha ta’ direct orders li ngħataw mill-Ministeru, inkluż mill-aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpaniji u/jew korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, minn Settembru 1998 sat-8 ta’ Marzu 2013?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli għalih nibet minn Ministeri oħra li kienu iħaddnu ukoll bosta sezzjonijiet u jew entitajiet u dipartimenti li illum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal-liema settur/i jixtieq it-tweġiba.

Biċċeriji — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru spezzjonijiet fuq il-biċċeriji privati li għandna f'Malta matul is-sena li għaddiet? Jista' jagħti wkoll informazzjoni dwar in-numru ta' spezzjonijiet li saru fuq il-biċċeriji tal-Gvern, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex? Min hu responsabbli li jagħmel dawn l-ispezzjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li kontrol veterinarju jsir kull meta tkun ser issir xi qatla. Fil-każ tal-biċċerija ta’ Malta l-qatla sseħħ kuljum, filwaqt li fil-biċċerija ta’ Għawdex l-qatla sseħħ darba fil-ġimgħa. Fil-każ ta’ biċċeriji privati tat-tjur, li jinsabu kollha f’Malta, din issir kuljum u fil-każ tal-biċċeriji privati tal-fniek il-qatla ssir kull nhar ta’ Tnejn u Tlieta. Ninsab infurmat ukoll li t-Tobba Veterinarji flimkien ma’ Veterinary Support Officers huma responsabbli għal dawn il-kontrolli u f’kull każ ikun hemm il-preżenza ta’ uffiċjal veterinarju.

Siġar – rapporti ta’ vandaliżmu

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru rapporti ta' vandaliżmu fuq is-siġar, lill-Ministeru jew xi dipartiment li jaqa' taħtu matul l-2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2013 kien hemm tlett każi ta’ vandaliżmu fuq siġar li ġew rrappurtati lill-Pulizija mid-Dipartiment tal-Parks.

Siġar – permessi biex jinqatgħu/jinqalgħu

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm permessi li ħarġu mill-Ministeru jew xi dipartiment/awtorità li taqa' taħtu, biex jinqatgħu/jinqalgħu siġar matul l-2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li matul is-sena 2013 inħarġu tmintax-il permess biex jinqalgħu siġar koniferi. Ninsab infurmat ukoll li mill-1 ta’ Novembru 2013 dawn il-permessi ma baqgħux jinħarġu.

Fish farms — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' spezzjonijiet isiru fuq il-fish farms li għandna f'pajjiżna? B'liema frekwenza jsiru? Kemm saru spezzjonijiet matul l-2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li jsiru spezzjonijiet taħt il-baħar bil-kamera stereoscopic, spezzjonijiet fuq laneċ tal-irmonk li jaslu bil-gaġeġ tat-tonn, spezzjonijiet matul il-caging u waqt il-ħsad tat-tonn. Dawn l-ispezzjonijiet isiru matul is-sena kollha bil-maġġoranza tal-ispezzjonijiet jitwettqu matul it-tieni nofs tas-sena. Ninsab infurmat ukoll li matul l-2013 saru total ta’ 253 spezzjoni.