Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paul – passi dixxiplinarji kontra impjegat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17233, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-oġġetti personali li nstabu fil-binja li kien qed jokkupa l-persuna konċernata? Jista’ jgħid jekk f’din il-binja din il-persuna kenitx qed iżomm ċilindru tal-gass maqful f’post li ħadd ma kellu aċċess għalih u dan mingħajr l-għarfien tal-awtoritajiet tar-Residenza San Vinċenz de Paul? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan kienx jikkostitwixxi f’riskju u periklu għas-sigurtà pubblika ġaladarba ħadd ma kellu aċċess għal dan il-post u ħadd ma kien jaf li din il-persuna kienet qed iżżomm ċilidru tal-gass? Jista’ jgħid jekk fuq dan il-fatt biss, jekk jirriżulta li hu hekk, jikkostitwixx bħala reat gravi kif joħroġ ċar mir-Regolamenti tad-Dixxiplina?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi skont ir-rapport tas-Security Officer, fil-kamra kien hemm ċilindru tal-gass, pero’ ma kien hemm l-ebda indikazzjoni jekk kienx hemm ħaddieħor li kellu aċċess għalih. Il-kamra jingħad li kienet aċċessibli għal ħaddiema oħra tant li filwaqt li l-persuna kkonċernata kienet bil-leave, kienet persuna oħra li fetaħ il-kamra inkwistjoni. Il-preżenza taċ-ċilindru tal-gass fil-kamra li qegħdin nitkellmu dwarha, kienet tikkostitwixxi l-istess riskju li jista jkun hemm fid-djar jew f’kull post ieħor fejn jintuża kull apparat li jaħdedm bil-gass. Ma jidhirlix li l-fatt li żżomm ċilindru tal-gass jikkostitwixxi reat gravi.

Residenza San Vinċenz de Paul – passi dixxiplinarji kontra impjegat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17233, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna konċernata li kienet qed tokkupa l-binja, kenitx qed tagħmel użu minn elettriku u ilma għal għanijiet personali? Jista’ jgħid min ħallas għal dawn l-ispejjeż?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Tista' l-Onorevoli tispeċifika xi trid tfisser biha "għal għanijiet personali"?

Residenza San Vinċenz de Paul – passi dixxiplinarji kontra impjegat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17233, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-Service and Leave Record Form li tikkonferma li l-persuna konċernata ma kienet pperpetwat ebda ommissjoni oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li s-Service and Leave Record Form mitluba titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra biss jekk l-Onorevoli Interpellant tikseb il-permess tal-persuna kkonċernata.

Residenza San Vinċenz de Paul – passi dixxiplinarji kontra impjegat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17233, ġaladarba l-Ministru jikkonferma li dan l-aġir ma kienx permess u xieraq u anke ġie ordnat jiżgombra u jnaddaf il-kamra msemmija, għaliex il-persuna konċernata tħalla jiżgombra l-kamra disat ijiem wara li l-awtoritajiet saru jafu b’dan l-aġir?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari 17233

Residenza San Vinċenz de Paul – CEO – prattika professjonali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17325, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol privat li taħdem is-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul u x'inhuma l-ħinijiet uffiċjali tagħha bħala CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kap Eżekuttiv m'għandhiex ħinijiet speċifiċi, pero' nassiguraha li s-siegħat li taħdem f'din il-kariga, jaqbżu ferm l-40 siegħa fil-ġimgħa.

Residenza San Vinċenz de Paul – awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17327, jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-parametri tal-awtorizzazzjoni maħruġa mis-Segretarju Permanenti? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din l-awtorizzazzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m'għandi xejn iżjed x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17327.

Awtorità tad-Djar — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ mal-Aworità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din il-persuna kkwalifikat għall-100% tal-għotja fuq ix-xogħlijiet neċessarji u dan skont id-dħul tagħha. Ta’ min jgħid ukoll li r-rati tax-xogħlijiet ġew stabbiliti minn periti fi ħdan l-Awtorita’ u għalhekk mhux lok li terġa ssir spezzjoni peress li x-xogħlijiet għandhom rati fissi. Oltre dan, din l-applikanta ser tikkwalifika mis-somma sħiħa ta’ €6,666 waqt li l-massimu ta’ din l-iskema huwa ta’ €7,000.

Awtorità tad-Djar — każ ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward każ mal-Awtorità tad-Djar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-persuna li għaliha qiegħda ssir referenza, applikat taħt l-iskema tal-irranġar fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar. Minn spezzjoni li saret ġewwa r-residenza tal-persuna, liema residenza hija proprjeta’ tal-Gvern, ġie nnotat li hemm difetti strutturali fis-saqaf, u għalhekk kien meħtieġ li ssir spezzjoni minn perit sabiex jagħti l-parir tiegħu. Bħalissa qed tiġi kkompilata l-istima tax-xogħlijiet sabiex ikun jista’ jiġi ingaġġat kuntrattur biex jagħmel it-tiswijiet strutturali meħtieġa.

Tfal fostered

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn mindu twaqqaf il-fostering f’Malta, kemm kien hemm tfal li ġew fostered u li reġgħu rritornaw lura d-dar tal-ġenituri naturali tagħhom minħabba li l-ġenituri tagħhom ikunu solvew il-problemi li kellhom dwar it-trobbija ta’ uliedhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi mit-twaqqif tal-fostering f’Malta, fl-1999, sallum, kien hemm 72 tifel/tifla li kienu f’foster care u li reġgħu irritornaw lura d-dar tal-ġenituri naturali tagħhom.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – ħaddiema b’kuntratt definittiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq kuntratt tax-xogħol definittiv fil-Ministeru u fid-dekasteru kollha tiegħu sal-aħħar tas-sena 2014?? Jista’ jindika kemm kuntratti huma minn sitt xhur għal sitt xhur, kemm minn sena għal sena u kemm iktar? Jista’ jindika kemm kienu ta’ sess maskili u kemm ta’ sess femminili?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm kuntratti għal xogħol ta’ tindif jew sigurtà sal-aħħar tas-sena 2014 fil-Ministeru u fid-dekasteri kollha tal-Ministeru? Jista’ jindika kemm persuni kienu effettivament ingaġġati fuq dawn il-kuntratti u li ħadmu fil-Ministeru, u fid-dekasteri kollha inkluż l-Korporazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – Ċentru għat-Taħriġ — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema ħaddiema se jkunu qegħdin jingħataw taħriġ fiċ-Ċentru għat-Taħriġ fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-taħriġ f’dan iċ-ċentru se jkun qed jingħata lill- ħaddiema ta’ San Vinċenż de Paul, lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Anzjani u Servizzi fil-Komunità u Community Care (Comm Care) Unit u lil dawk kollha li ser jieħdu l-kors ta’ Care Workers offrut mid-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunità.

Residenza San Vinċenz de Paul – tmexxija taċ-Ċentru għat-Taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min se jkun responsabbli għat-tmexxija taċ-Ċentru għat-Taħriġ fir-Residenza San Vinċenz de Paul li għadu kif ġie inawgurat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tmexxija taċ-Ċentru ser tkun fdata lill-Professional Development Unit.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta Soċjali — lista ta’ direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inluż id-dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Jannar li għadda sal-ġurnata ta’ din il-mistoqsija? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order u lil min ingħataw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Tneħħija ta’ reserved parking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed tingħata separatament tneħħilha r-reserved parking minn quddiem id-dar tar-residenza tagħha? Jista’ jgħid għalfejn iċ-ċertifikati prodotti mill-istess persuna li jikkonfermaw id-diżabilità tagħha ġew skartati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-talbiet għar-reserved parking jiġu pproċessati minn Transport Malta u mhux mill-KNPD. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant tagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mit-Transport.

Awtorità tad-Djar – binjiet attrezzati b’lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il binja għandha l-Awtorità tad-Djar konsistenti fi blokkok ta’ appartamenti li huma attrezzati bis-sistema ta’ lift? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-blokkok għandhom lifts li mhumiex qed jiffunzjonaw? Jista’ jgħid fejn huma dawn il-lifts u ċjoe jsemmi l-blokka kkonċernata bl-indirizz sħiħ? Jista’ jgħid kemm ilu wieqaf kull lift li attwalment mhuwiex qed jaħdem? Jista’ jagħti d-data meta dawn il-lifts se jkunu qed jerġgħu jiffunzjonaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – passi dixxiplinarji kontra impjegat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17233, jista’ l-Ministru jikkonferma kemm kienet ilha tokkupa din il-kamra l-persuna konċernata? Jista’ jikkonferma jekk din il-persuna kenitx ilha tokkupa din il-kamra minn Ottubru 2014? Jekk iva, jista’ jgħid għaliex qatt ma ttieħdu passi kontra din il-persuna qabel it-3 ta’ April 2015?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi r-rapport wasal għall-attenzjoni tal-Kap Ezekuttiv fit-3 ta’ April 2015 u mill-ewwel skattaw il-proċeduri applikabbli.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward struttura perikoluża?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minn informazzjoni li għandha l-Awtorita’ tad-Djar, l-inkwilin imsemmi għamel ir-rapport tiegħu riċentement u għaldaqstant għandha ssir spezzjoni minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar biex jiġi vverifikat l-ilment.

Awtorità tad-Djar — struttura perikoluża - każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward struttura perikoluża?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, b’referenza għall-każ inkwistjoni, diġa’ kienet saret spezzjoni fil-post minn uffiċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar, filwaqt li tħejjiet ukoll l-istima tat-tiswijiet meħtieġa. Għal dan ix-xogħol għandu jiġi ngaġġat kuntrattur u l-inkwilin għandu jiġi nfurmat bid-data meta jkunu ser jibdew ix-xogħolijiet.

Residenza San Vinċenz de Paul – tmexxija tas-CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid waslulux ilmenti fuq it-tmexxija tas-CEO tar-Residenza San Vinċenz de Paul li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, kemm kienu n-numru ta’ ilmenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru waslulu xi lmenti dwar każi ta' dixxiplina fir-Residenza San Vinċenz de Paul. Dawn l-ilmenti qed jiġu investigati.