Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Imħallef Giovanni Bonello
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-Imħallef Malti li jippresjedi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Giovanni Bonello, se jtemm l-inkarigu tiegħu?
Jista' jgħid kemm hemm nies li applikaw sabiex jiġu nominati bħala Imħallfin f'din il-qorti presstiġġjuża?
Jista' jgħid kemm minn dawn li applikaw huma membri tal-ġudikatura u jagħti d-dettalji?
Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn li applikaw mhumiex membri tal-ġudikatura u jagħti d-dettalji?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-inkarigu ta' l-Imħallef Malti li jippresjedi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Dr Giovanni Bonello, jintemm fil-11 ta' Ġunju 2006. Għar-rigward id-domandi l-oħra, billi għadu għaddej il-proċess ta' l-għażla, tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' flus minfuq fuq xiri ta' kotba din is-sena mil-libreriji lokali b'mod nazzjonali u mil-libreriji fir-raba’ distrett, lokal b'lokal?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' flus minfuq fuq xiri ta' kotba fis-sena 2005 kien kif ġej:
(i) libreriji lokali b'mod nazzjonali kien ta' Lm6,731.93
(ii) libreriji fir-raba' distrett kien ta' Lm833.26 maqsuma hekk
Għaxaq Lm120
Gudja Lm713.26
Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li l-multa imposta fuqhom taħt il-liġi tal-VAT ġiet konvertita f'ħabs minħabba li ma ħallsuhiex fl-aħħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-aħħar ħames snin, u ċioe' bejn l-2001 u 2005, id-Dipartiment tas-Servizzi Korrettivi irċieva ħamsa u tmenin (85) referral ticket mill-Qorti ta' multi tal-VAT mibdula f'ħabs. Jista' jkun il-każ li persuna jkollha aktar minn referral ticket wieħed.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jissewwew il-ħsarat strutturali fl-għassa tal-pulizija ta' l-Imsida?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korp tal-Pulizija għaddej b'eżerċizzju sħiħ ta' manutenzjoni f'diversi Għases. Uħud mix-xogħlijiet li saru s'issa kienu kbar, sa anke kien hemm fejn kważi nbnew mill-ġdid. L-Għassa ta' l-Imsida hija waħda mill-Għases li hemm l-intenzjoni li tiġi rranġata. Kif taf dan it-tip ta' xogħol ta' manutenzjoni jsir kollu mill-membri tal-Korp u għalhekk għalkemm isir bil-mod, huwa xogħol li jsir b'ċertu ritmu kontinwu. Bħalissa l-Korp tal-Pulizija għadu kemm lesta l-Għassa tal-Pieta' u għaddej b'xogħol fuq bini ta' lift ġewwa l-Kwartieri Ġenerali, kif ukoll bini ta' uffiċċju kbir li għandu jiġbor fih l-Interpol, il-Europol, is-Sirene Office u l-Iskwadra ta' kontra t-Terroriżmu. Qed isir ukoll xogħol ta' tindif ta' materjal fil-parti ta' l-Ospizio wara d-Depot, kif ukoll fil-garage tal-Pulizija fejn se jiġu allokati t-Taqsimiet tat-Traffiku u l-A.L.E.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li n-nies fid-dogs section tal-pulizija qed jintużaw regolarment fuq xogħol konness mal-klandestini?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija jiġu assenjati xogħol skond l-eżiġenzi tas-servizz.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk iċ-ċens temporanju fuq art li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament jistax jinfeda?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi peress li s-sit indikat m'huwiex sit ta' residenza, iċ-ċens temporanju ma jistax jinfeda. Imma ċ-ċenswalist jista' jagħmel applikazzjoni lid-Dipartiment għat-Tmexxija ta' Proprjeta' sabiex jixtri ċ-ċens rimanenti u d-Dirett Dominju ta' wara, minn sejħa għall-offerti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li parti minn Villa Rundle ġewwa r-Rabat, Għawdex, kif ukoll l-art li fuqha kienu mibnija l-garaxxijiet tad-dipartiment ta' l-agrikoltura, ġietx trasferita lill-privat jew intlaħaqx xi tip ta' ftehim ieħor?
Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti d-dettalji relattivi? In oltre, jista' jgħid jekk il-ground tal-football Leli Farrugia fir-Rabat, Għawdex huwiex inkluż ukoll?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ebda parti mill-ġnien magħruf bħala Villa Rundle ġewwa r-Rabat, Għawdex ma ġie trasferit. L-imħażen/garaxxijiet li hemm wara l-art fejn qabel kien hemm id-Duke of Edinburgh Hotel ġew mibjugħa wara sejħa għal offerti li ġiet ippubblikata fl-4 ta' Novembru 2005 permezz ta' l-Avviż Nru. 213.
Il-kuntratt tal-bejgħ ġie iffirmat fis-7 ta' Frar 2006. Skond il-kondizzjonijiet tal-kuntratt, il-kompratur huwa obbligat li fi żmien għoxrin ġimgħa jibni a spejjeż tiegħu numru ta' mħażen/garaxxijiet f'sit fix-Xewkija skond kif ġie appruvat mill-M.E.P.A u jgħaddi dawn l-imħażen/garaxxijiet lill-gvern malli jkunu lesti.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'art ġiet espropriata mingħand il-privat fl-2005 f'Għawdex? Jista' jgħid id-data tal-pubblikazzjoni, fejn u jekk il-kumpens tħallasx?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fl-2005 l-espropriji ġodda ta' art f'Għawdex kienu kif ġej:
- Art ta' kejl ta' 1,166 metri kwadri f'Għajnsielem esproprijata permezz ta' Dikjarazzjoni tal-President ta' l-10 ta' Marzu 2005, Avviż Nru. 251.
- Art ta' kejl ta' 1,470 metri kwadri li tinkludi fuqha l-Fortizza ta' Sant'Antnin fil-Qala esproprijata permezz ta' Dikjarazzjoni tal-President tas-27 ta' April 2005, Avviż Nru. 433.
- Tliet biċċiet art ta' kejl ta' 124 metri kwadri, 136 metri kwadri u 54 metri kwadri fix-Xewkija esproprijati permezz ta' Dikjarazzjonijiet tal-President tas-7 ta' Novembru 2005, Avviżi Nru. 1104, 1105 u 1106 rispettivament.
Il-kumpens dovut huwa depożitat f'bank accounts separati, skond il-provvedimenti ta' l-Ordinanza dwar Akkwist ta' Artijiet (Kap 88) sakemm jiġi aċċertat min huma s-sidien tal-proprjeta' u jkun jista' jsir il-ħlas. Sa issa ħadd mis-sidien għadu ma tħallas il-kumpens dovut lilu.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'karigi ta' direttur hemm fil-qrati tal-ġustizzja? X'inhuma r-responsabbiltajiet ta' kull direttur?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-"Top Management" tal-Qrati tal-Ġustizzja hi magħmula kif ġej:
§ Direttur Support Services li hu responsabbli għal Finanzi, Riżorsi Umani u Operat tal-Qrati.
§ Direttur u Reġistratur Qrati u Tribunali Ċivili. Dan hu responsabbli għall-Amministrazzjoni tal-Qrati u Tribunali Ċivili, it-tqassim ta’ l-Awli Superjuri, ix-xogħol tar-Reġistru tal-Qrati u Tribunali Ċivili, is-sezzjoni tas-Subbasti, is-sezzjoni tal-Marixxalli, Arkivji Ċivili u l-Qorti tal-Familja. Huwa wkoll ir-Reġistratur tal-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Ċivili.
§ Direttur u Reġistratur Qrati u Tribunali Kriminali. Dan hu responsabbli għall-Amministrazzjoni tal-Qrati Kriminali, it-tqassim ta’ l-Awli Inferjuri, ix-xogħol tar-Reġistru tal-Qrati Kriminali, l-Arkivji ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali u s-sezzjoni ta’ l-esebiti. Huwa wkoll ir-Reġistratur tal-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali.
§ Direttur u Reġistratur Qrati u Tribunali Għawdex. Dan hu responsabbli għal Qrati t’Għawdex u jagħmilha kemm ta’ Direttur taċ-Ċivil kif ukoll ta’ Direttur tal-Kriminal u bħala hekk jassumi r-responsabbiltajiet ta’ dawn iż-żewġ karigi f’dak li jirrigwarda l-Qorti t’Għawdex. Huwa wkoll ir-Reġistratur tal-Qrati Ċivili u Kriminali f’Għawdex.
§ Direttur Ġenerali, Qrati tal-Ġustizzja. Dan hu responsabbli mill-Amministrazzjoni tal-Qrati f’Malta u Għawdex u d-Diretturi msemmija qabel jirrispondu lilu għax- xogħol tagħhom ħlief fejn jirrigwarda d-doveri tagħhom ta’ Reġistraturi li għalih jirrispondu lis-STO Prim Imħallef.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Frar 2006? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Frar 2006?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Frar 2006? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Frar 2006?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Billi daħlet fis-seħħ direttiva ta' l-Unjoni Ewropea li permezz tagħha third country nationals li jkunu ilhom Malta għall-perijodu ta' ħames snin ikunu jistgħu japplikaw u jottjenu residence permi, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid (1) liema dipartiment tal-gvern jew awtorita' hija responsabbli mill-amministrazzjoni ta' dawn ir-residence permits u (2) x'inhi l-proċedura li qiegħda tintuża biex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direttiva msemmija minnu għadha ma daħlitx fis-seħħ hawn Malta. Ix-xogħol biex id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jinbidlu f’liġi Maltija wasal fil-final u r-regolamenti neċessarji għandhom joħorġu dalwaqt.
Bħalissa l-Awtorita` responsabbli mill-ħrup ta’ permessi ta’ residenza hija l-Pulizija ta’ l-Immigrazzjoni u applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza għalissa għandhom jibqgħu jintbagħtu lil din l-Awtorita`. Dan ix-xogħol, iżda, fi ftit żmien ieħor ser jibda jsir mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta’ l-Expatriates. Il-pubbliku jiġi mgħarraf b’avviżi fil-midja meta ssir din il-bidla.
Jista’ il-Viċi Prim Minsitru jgħid kemm kawżi għadhom mhux appuntati fid-data li tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' kawżi pendenti sabiex jiġu appuntati sal-31 ta' Jannar 2006 huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għal fuel tal-ministeru, enti, kumpanniji eċċ li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'rimedju għandi jien bħala ċittadin li weħilt ticket minħabba overspeeding mill-kummissarju għall-ġustizzja, appellajt kif għandi kull dritt li nagħmel b'Artikolu 11(1) tal-Kap 291, u nonostante dan l-appell ma nistax inħallas il-liċenzja tal-vettura ABE979 għax il-multa ma tħallsitx u jekk titħallas jiġi preġudikat l-appell interpost u konsegwenza ta' dan il-vettura ma tistax tintuża?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura hi li meta jsir Appell minn deċiżjoni tat-Tribunal Lokali, liema appell jidħol fil-Qorti tal-Maġistrati, l-inkartament jintbagħat lill-kumpannija responsabbli mis-sistema elettronika ta’ l-infurzar lokali sabiex jiġi immedjatament infurmat id-Dipartiment tal-Liċenzji.
Fil-każ in kwistjoni, mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni, ma jirriżultax li ġie ppreżentat appell fuq din il-vettura fil-Qorti t'Għawdex.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma li qed issir diskriminazzjoni kontra s-sidien oriġinali tal-proprjetajiet esproprjati taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983?
Response (BORG, TONIO)
L-amendi tal-Kapitlu 88 dwar l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta' l-Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi permezz tal-Abbozz Numru 58 tal-2005, b'ebda mod ma qegħdin jagħtu xi vantaġġ lil dawk is-sidien illi l-proprjeta' tagħhom ġiet esproprjata fit-tmeninijiet taħt din il-liġi.
Is-sidien illi l-proprjeta' tagħhom ġiet esproprjata taħt Att Numru 1 ta' l-1983 dwar Arei għall-Iżvilupp tal-Bini qegħdin jiġu kkompensati bil-mod li tipprovdi l-liġi stess sakemm l-Onor. Interpellant mhux qed jimplika li l-liġi ta' l-1983 li għadda il-Gvern iffurmat mill-partit li tiegħu hu deputat, hija diskriminatorja.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 16527, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu l-valur fis-suq liberu tal-jeddijiet għall-kumpens li ngħataw in kontrokambju għall-proprjeta' esproprjata taħt l-Att (illum revokat) nru. 1 ta' l-1983 paragunat mal-valur tal-proprjetajiet relattivi li kieku evalwati bil-kriterji kontemplati fl-Abbozz Nru. 58 ta' l-2005?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi biex jiġi stabbilit x'inhu l-valur fis-suq liberu tal-jeddijiet għal kumpens li ngħataw in kontrakambju għall-proprjeta' esproprjata taħt l-Att I ta' l-1983 paragunata mal-valur tal-proprjetajiet relattivi li kienu evalwati bil-kriterji kontemplati fl-Abbozz Nru. 58 ta' l-2005, irid isir eżerċizzju kumpless li jinvolvi ħafna riżorsi kemm ta' impjegati kif ukoll ta' flus li jieħu ħafna tul taż-żmien.
Peress illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern bħalissa għandha ħafna xogħol ieħor ma nħossx li jkun għaqli li dan l-eżerċizzju għandu jsir.
Peress li l-MEPA approvat il-permessi kollha tal-kunsill lokali ta' Bormla sabiex fl-area ta' Verdala jinbnew żewġ grounds tal-football 5'a-side, u peress li l-istess kunsill lokali sab investitur privat sabiex f'partnership jagħmlu dan il-proġett, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm lill-gvern li jilqa' għat-talbiet tal-kunsill lokali ta' Bormla u jagħmel devoluzzjoni ta' l-imsememija art?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-talba ta' devoluzzjoni tal-Kunsill Lokali Bormla għall-area fil-Verdala, kif ukoll il-proposti ġodda mressqa mill-Kunsill, qed jiġu kkunsidrati mad-dipartimenti konċernati.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi huma ppjanati li jittieħdu mill-pulizija kull darba li jkollhom xi telefonata ta' tagħrif veru dwar tjur li jkunu mietu? X'kordinazzjoni hemm ma' l-awtoritajiet veterinarji u tas-saħħa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ilha tikordina u tikkopera mad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji, u dipartimenti oħra konċernati, bħal ma huma d-Dipartimenti tas-Saħħa u dak tal-Protezzjoni Ċivili, sa mill-bidu li tfeġġet il-marda tat-tjur fl-Asja. Saru wkoll eżerċizzji ta' simulazzjoni ta' l-azzjoni li għandha tittieħed f'każ li, tfeġġ din il-marda fi xtutna. Infurmat ukoll illi jekk il-Pulizija ikollha xi tagħrif dwar tjur mejta, immedjatament ikun infurmat id-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji u jiskatta l-pjan ta' azzjoni skond ma jkun il-każ.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid l-arbli ta' l-ex Deutschewelle fl-inħawi tax-Xwieki l/o Żurrieq humiex se jiġu mneħħija u meta?
X'inhi r-raġuni li dawn m'għadhomx jixgħelu b'dawl aħmar bħal qabel sabiex jiġi evitat periklu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern diġa' awtorizzat lil Armata biex tneħħi l-arbli li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.