Sigurta' Soċjali — Kontribuzzjonijiet tas-servizzi soċjali
Question
Tista' il-Ministru tgħarraf lill-Kamra għadx hemm każi ta' arretrati ta' kontribuzzjonijiet għas-servizzi soċjali miġbura mill-ħaddiema u mhux mgħoddija lill-gvern? Jekk fl-affermattiv, kemm hu t-total dovut lill-gvern u kemm arretrati jridu jinġabru għal kull sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7661 f'Seduta 175.
Tista' il-Ministru tgħid x'funzjoni għandu l-uffiċċju ta' riċerka ta' l-awtorita' tad-djar? Min hu nvolut f'dan l-uffiċċju? Minn min jitmexxa? Tista' ġentilment tpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra s-CV ta' kull wieħed u waħda minn dawn il-persuni li jaħdmu f'dan l-uffiċċju ta' riċerka? Meta daħlu ma' l-awtorita' tad-djar u jekk humiex full-timers jew part-timers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-taqsima tar-riċerka fi ħdan l-Awtorita’ tad-Djar hi responsabbli għal xogħol ta’ riċerka, li tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-introduzzjoni ta’ policies ġodda u għal komunikazzjoni/public relations.
Iż-żewġ persuni responsabbli għal din it-taqsima huma Ms Audrey Ellul u Ms Karin Grech li bdew jaħdmu ma’ l-Awtorita’ fl-2003 u 2004 rispettivament. It-tnejn huma mpjegati full-time għalkemm ta’ l-aħħar taħdem fuq reduced hours.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-CVs ta’ dawn l-impjegati.
Tista' il-Ministru tara li jsiru l-kuntratti uffiċjali tal-plots tar-residenti ta' Għar Barka, ir-Rabat, Malta li ilhom fuq bażi ta' konvenju għal aktar minn 20 sena?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-kuntratti tal-postijiet indikati mill-Onor. Interpellant ma jistgħux jiġu finalizzati qabel ma l-Awtorita' tad-Djar ikollha t-titolu legali ta' l-art li nbnew fuqha.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika ta' l-awtorita' tad-djar fir-rigward ta' shared ownership?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar hi favur u tippromwovi l-politika ta’ shared ownership kif tixhed l-inizjattiva li qed twettaq f’dan il-qasam. Permezz ta’ din l-inizjattiva, dawk li m’humiex f’pożizzjoni finanzjarja li jħallsu s-sehem kollu ta’ l-appartament li jokkupaw, jingħataw l-opportunita’ li jħallsu biss parti minn dan is-sehem, bil-possibilita’ li, meta l-familja tkun f’pożizzjoni finanzjarja aħjar, tixtri porzjon ieħor. Dan ifisser li l-benefiċjarji minn din l-inizjattiva jkunu qed jinvestu fil-proprjeta’ tagħhom bil-pass li jkunu jifilħu għalih u mhux iħallsu ammont ta’ flus f’kirjiet li ma jirrendilhom ebda nvestiment.
Permezz tat-tmexxija ta’ din il-politika, qed tingħata l-opportunita’ lill-familji bi dħul baxx biex huma wkoll isiru sidien ta’ darhom.
Tista' il-Ministru tgħid jekk fil-binja ta' Ħal Qormi li kienet inbniet għal skop ta' shared ownership tqassmux il-units? B'liema metodu tqassmu? Kemm ibbenefikaw applikanti tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-appartamenti f’Ħal-Qormi qed jiġu allokati skond il-punti ta’ l-applikanti fuq il-lista tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Ninsab infurmata wkoll li s’issa tqassmu sitta minn dawn l-appartamenti.
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw għal kull skema ta' l-awtorita' tad-djar fis-snin 2004/2005? Kemm ibbenefikaw? Kemm kien l-ammont ta' sussidju f'kull skema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw għall-iskema tax-xiri ta' proprjeta' tal-gvern inkwilini fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004 u 2005? Kemm kien il-valur tal-prezz kummerċjali ta' kull unit u kemm kien il-valur tal-prezz sussidjat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Awtorita' tad-djar — Skema ta' sussidju fuq il-kera
Question
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw għall-iskema ta' sussidju fuq il-kera (Skema R) fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 ta' l-awtorita' tad-djar? Kemm ibbenefikaw? Kemm hi r-rata ta' sussidju? Fejn jinsabu l-lokalitajiet? Minn liema gruppi huma l-applikanti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żviluppi dwar l-applikazzjoni indikatata separatament li dwarha ġiet sottomessa d-dokumentazzjoni rilevanti, li qed tintbagħat separatament?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li għamel referenza għaliha l-Onor. Interpellant waslet għand l-Awtorita’ tad-Djar f’Awissu 2005.
Ninsab infurmata wkoll li saret spezzjoni fil-blokk indikat u qed jiġi kkunsidrat kif jista’ jiġi akkomodat lift f’dan il-blokk.
Tista' il-Ministru tgħid: 1) kemm kienet in-nefqa attwali fuq il-benefiċċju taċ-children's allowance sena b'sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, inkluż din is-sena rikorrenti sal-ġurnata tal-lum?
2) Tista' tgħid jekk hux minnu li l-gvern qed jikkonsidra li jekk tfal ifallu mill-iskola għal aktar minn tlett ijiem mingħajr ċertifikati mediċi, titnaqqsilhom iċ-children's allowancepro-rata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li n-nefqa fuq Allowance għat-Tfal matul din is-sena, s’issa, kien ta’ Lm 9.4 miljuni. Dwar in-nefqa fuq l-istess Allowance fid-disa’ snin preċedenti nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23106, li ngħatat f’Seduta Parlamentari Numru 490 fil-Leġiżlatura li għaddiet u għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12161 li jien tajt f’Seduta Numru 263.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninfurmah li mhux minnu li l-Gvern qed jikkunsidra li jorbot il-ħlas ta’ din l-Allowance ma’ l-attendenza tat-tfal l-iskola.
Tista' il-Ministru tara li jitkompla t-tibjid f'appartament li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li beda x-xogħol u ma tkomplix fil-komun?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jirriżultax li hemm xogħol mibdi li ma tkompliex fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.
Ninsab infurmata wkoll li x-xogħol ta’ tibjid fil-parti komuni ta’ dan il-blokk hu approvat u jsir skond il-prijoritajiet ta’ xogħlijiet oħra li jrid jagħmel id-Dipartiment konċernat.
Każ għand id-direttur ta' l-akkomodazzjoni soċjali
Question
Tista' il-Ministru tgħid għaliex huwa daqshekk diffiċli li direttur ta' l-akkomodazzjoni soċjali jwieġeb il-korrispondenza li nbagħtitlu fuq każi serji ta' housing soċjali li ilhom is-snin pendenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li, sakemm ma jkunx prekluż bil-liġi milli jagħti informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali, id-Direttur tad-Dipartiment indikat mill-Onor. Interpellanti jwieġeb għall-ittri li jirċievi.
Irrid inżid li minn investigazzjoni li għamilt irriżultali li xi Dipartimenti, inkluż dak indikat, kienu qed jużaw l-istess prassi għal ittri li jirċievu minn Membri Parlamentari bħal dik użata bejn Dipartimenti tal-Gvern, fejn ma jintbagħtux acknowledgements. Ninforma lill-Onor. Interpellanti li jien tajt struzzjonijiet lid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi biex tinbidel din il-prassi u ittri li jirċievu minn Membri Parlamentari jkunu acknowledged.
Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li ilha tistenna risposta mid-dipartiment tas-sigurta' soċjali peress li bħalissa m'għandha l-ebda dħul ieħor? Tista' din is-sinjura tiġi informata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ikkomunika bil-miktub mal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant dwar il-każ tagħha.
Dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali — Każ dwar ftehim ta' trasferiment
Question
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, ilhom ix-xhur jistennew biex jissejħu biex jiffirmaw ftehim ta' trasferiment mid-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali wara li l-partijiet konċernati qed jaqblu li dan isir u wkoll wara korrispondenza li ilha li ntbagħtet ix-xhur u li d-direttur tad-dipartiment ma wieġeb qatt?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-każ tal-persuni ndikati mill-Onor. Interpellanti ma kienx wieħed ta’ bdil bejn żewġ postijiet tal-Gvern, kif normalment ikunu talbiet għal bdil, iżda wieħed fejn il-bdil mitlub kien jinvolvi post tal-Gvern u ieħor tal-privat li ma kienx f’idejn id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Ninsab infurmata wkoll li issa, wara li d-Dipartiment għamel il-verifiki meħtieġa, inħarġet l-allokazzjoni fuq il-post tal-Gvern.
Tista' il-Ministru tgħid x'qed jiġri fil-qasam tat-trasport għal persuni b'diżabilita' li qabel kien jiġi pprovdut mill-fondazzjoni trasport ħajja indipendenti u li issa suppost qiegħed f'idejn Dar il-Kaptan? Peress li hawn numru kbir ta' persuni b'diżabilita' li jridu jmorru għax-xogħol jew għall-iskola li qabel kienu jinqdew bit-trasport minn din il-fondazzjoni u llum għandhom diffikultajiet kbar, jew mhux qed imorru jew inkella qed iħallsu l-belli liri, għaliex is-servizz li suppost qed jingħata minn Dar il-Kaptan mhux qed ikun suffiċjenti? Veru li l-gvern mhux qed jissussidja aktar dan is-servizz?
Response (CRISTINA, DOLORES)
M’hux assolutament il-każ li l-Gvern mhux jissussidja s-servizz ta’ trasport lill-persuni b’diżabilita li qabel kien provdut mill-Fondazzjoni Ħajja Indipendenti u li, minn nofs Ġunju ta’ din is-sena, qed jiġi provdut bl-aktar mod responsabbli mill-Fondazzjoni Respite Care Services, jew kif inhi aktar magħrufa, Dar il-Kaptan. Fil-fatt il-Gvern, permezz tal-fondi li jipprovdi lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, jissussidja dan is-servizz b’madwar Lm20,000 fis-sena.
Ninsab infurmata li l-Fondazzjoni Ħajja Indipendenti għaddiet il-lista tal-klijenti li kellha meta waqfet tagħti dan is-servizz lill-Fondazzjoni Respite Care Services. Din ta’ l-aħħar assigurat li kull persuna fuq il-lista baqgħet tirċievi s-servizz.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-gvern għal postijiet battala? X'qed tagħmel l-awtorita' tad-djar f'dan ir-rigward? L-awtorita' tad-djar għandha skema jew ħsieb li tagħmel unit/aġenzija dwar xiri ta' proprjeta' vojta? Jekk iva, kemm hu l-budget f'dan ir-rigward? Għal liema tip u lokalita' mistennija, jew diġa' qed tippjana l-awtorita' tad-djar? Min hu intitolat, jew min mistennni jkun intitolat, biex japplika biex ibigħ il-proprjeta'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar qed tipproponi li fl-estimi għas-sena finanzjarja 2005/2006 talloka 3 miljun liri biex tixtri proprjeta’ vojta, preferibilment fil-qalba ta’ l-irħula.
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ għadha qed taħdem fuq id-dettalji dwar din il-proposta.
Tista' il-Ministru tgħid jekk l-awtorita' tad-djar għandhiex skema biex hi stess tikri mis-settur privat? Meta twaqqfet din l-iskema? Kemm applikaw biex jikru units lill-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Permezz ta' avviż ippublikat fil-ġurnali lokali f'Marzu ta' din is-sena, l-Awtorita tad-Djar għamlet sejħa għall-kiri ta' appartamenti vojta għal perijodu ta' bejn ħames u għaxar snin.
Ninsab infurmata li s'issa l-Awtorita' rċeviet 3 offerti li qed jiġu proċessati.
Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw quddiem l-awtorita' tad-djar biex jibbenefikaw mill-iskema ta' l-istallar tal-lifts fil-binjiet tal-privat fis-sena 2004/2005? Kemm kienet in-nefqa? Kemm ġie jiswa kull lift? Kemm tat għajnuna l-awtorita' fi flus għal kull lift?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda skema li tipprovdi għajnuna għal stallar ta’ lifts f’binjiet tal-privat.