Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #19681 Sitting 388 2000-10-10 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Serqiet

Question

ista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta' serqiet mid-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999 u din is-sena? X'oġġetti ġew irrapportati nieqsa f'dawn is-serqiet u x'valur għandhom? X'passi ttieħdu u qed jittieħdu dwar dawn il-każijiet?

Response (BORG, TONIO)

Bejn l-1 ta` Jannar 1999 u t-30 ta` Settembru 2000 kien hemm 7 każi ta` serq li ġew irrapportati lill-Pulizija għall-investigazzjoni. Dawn kollha kienu jinvolvu valur ta` inqas minn Lm500.
Leg 9 PQ #19196 Sitting 387 2000-10-09 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Gwardjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000 lill-gwardjani tal-ħabs? Jista' jagħti r-raġunijiet għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi mill-5 ta` Jannar 2000 sal-10 ta` Settembru 2000 ma sar l-ebda transfer lil xi gwardjan tal-ħabs. Perjodikament isir tibdil tax-xogħol tal-gwardjani u dan isir prinċipalment minħabba raġunijiet ta` sigurta` jew l-esiġenza tas-servizz
Leg 9 PQ #19781 Sitting 387 2000-10-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Karta ta' l-Identita' — Bdil

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 19522, li oriġinarjament kienet saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': tista' tgħid jekk għall-persuni residenti f'dar għall-anzjani, hijiex obbligatorja li jibdlu l-karta ta' l-identita' mill-indirizz tar-residenza privata tagħhom għad-dar ta' l-anzjani?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond l-Att dwar il-Karti ta` l-Identita` (kap. 258), fost il-partikolarijiet li għandu jkun fiha l-karta ta` l-identita` hemm l-indirizz tal-lok ewlieni ta` residenza fejn il-persuna li lilha tkun ħarġet dik il-karta ta` l-identita` abitwalment torqod. Skond l-istess Att, meta għal xi raġuni xi waħda mill-partikolarijiet jew xi tagħrif ieħor li jkun jinsab f`karta ta` l-identita` ma jkunx jew ma jibqax aktar korrett, id-detentur tal-karta għandu, mingħajr dewmien, jirraporta l-fatt lill-uffiċjal awtorizzat u għandu jikkonsenja l-karta mhux korretta, u jagħti dak it-tagħrif kollu li jkun meħtieġ minn, lil dak l-uffiċjal.
Leg 9 PQ #19816 Sitting 387 2000-10-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bejjiegħa tal-laħam

Question

Jista' l-Ministru jara li bejjiegħ tal-laħam li investa fi truck freezer biex iżomm il-prodotti tiegħu friski kemm jista' jkun u li jqassam dawn il-prodotti fil-ħwienet, jista' jingħata parkeġġ riservat quddiem il-ħanut tiegħu (working days u working hours only) biex ikun jista' jikkonettja t-truck freezer tiegħu mad-dawl elettriku tal-ħanut?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġett tal-Mistoqsija jikkonċerna l-Bord għal Kontroll tat-Traffiku li jaqa` taħt ir-responsabbilita` tal-Ministeru għat-Trasport u Kommunikazzjonijiet.
Leg 9 PQ #19817 Sitting 387 2000-10-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Żabbar — Triq Sant'Antnin

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 19079 fejn il-Ministru għat-Trasport u Komunikazzjoni irrifera b'dan il-każ lid-Dipartiment ta' l-Artijiet, jista' l-Ministru jara jekk hux possibbli li s-sid ta' l-għalqa magħrufa bħala "Ta' Bonello" li qegħda fi Triq Sant'Antnin, Żabbar (M'Scala Bypass) faċċata tal-Housing Estate magħrufa bħala "Tal-Plier", jiġifieri faċċata ta' Triq G.M. Caruana, Żabbar, jitħallas il-flus dovuti lilu? Possibbli li dan il-ħlas ma jdumx ma jsir għax is-sid baqa' ma ħa xejn minkejja li għaddew ħafna snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sid ta` l-għalqa magħrufa bħala "Ta` Bunel", u mhux "Ta` Bonello", ġie kkumpensat għall-parti li ttieħdet minħabba t-twessiegħ tat-triq permezz ta` kuntratt tas-6 ta` Ottubru 1999. Ma hemm l-ebda talba oħra pendenti minn xi dipartiment biex tiġi esproprijata xi parti oħra mill-għalqa.
Leg 9 PQ #19650 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-bdiewa fulltime u part-time li għandhom il-ktieb tar-raba' mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, japplikaw jew ma japplikawx għal din l-iskema xorta waħda jgawdu d-dritt tar-right of first refusal, meta 'l quddiem il-gvern joħroġ għal bejgħ jew għal xi kondizzjoni oħra r-raba' tagħhom fil-futur?

Response (BORG, TONIO)

Il-ktieb tar-raba` maħruġ mid-Dipartiment tal-Agrikoltura waħdu ma jagħtix titolu legali fuq ir-raba`. Dan il-Gvern, bħal dawk ta` qablu, preżentament lest li jikkunsidra favorevolment li jagħti dritt tal-ewwel rifjut lil dawk li jkollhom titolu legali u jħallsu l-kera fuq raba` tal-Gvern. Iżda x`jista jsir matul il-ħmistax-il sena li ġejjin ħadd ma jista` jgħid. B`differenza, l-Iskema tal-Qbiela qiegħda torbot lil dan il-Gvern u l-Gvernijiet ta` warajh sa ħmistax-il sena oħra, li jagħti d-dritt tal-ewwel rifjut skond l-Iskema lil dawk li jkunu ngħataw titolu legali permezz tal-istess skema.
Leg 9 PQ #19757 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Liċenzji — Ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li ħallsu liċenzji kif ġej:(a) Lm6 biex jaqbdu l-għasafar biss; (b) Lm7 biex iżżomm senter biss; (ċ) Lm19 biex iżżomm senter u tikkaċċja fuq l-art; (d) Lm25 biex iżżomm senter, kaċċa fuq l-art u nsib; (e) Lm49 biex iżżomm senter, kaċċa fuq l-art u l-baħar; (f) Lm35 biex iżżomm senter, kaċċa fuq l-art u l-baħar u nsib; u (g) Lm25 biex iżżomm senter, kaċċa fuq l-art u kaċċa għall-fenek?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, għall-perijodu l-1 ta` Jannar sat-30 ta` Settembru 2000, huwa kif ġej : Rata Tip ta` liċenzja Numru ta` liċenzji Lm 6 Għat-tehid ta` għasafar 3,309 Lm 7 Għaż-żamma ta` arma jew armi tan-nar 8,877 Lm19 Għaż-żamma ta` arma jew armi tan-nar u ġarr ta` arma tan-nar għall-isport jew għall-kaċċa fuq l-art (barra mill-kaċċa għall-fenek selvaġġ) 7,854 Lm25 Għaż-żamma ta` arma jew armi tan-nar, ġarr ta` arma tan-nar għall-isport jew għall-kaċċa fuq l-art (barra mill-kaċċa għall-fenek selvaġġ) u tehid ta` għasafar 45 Lm49 Għaż-żamma ta` arma jew armi tan-nar, ġarr ta` arma tan-nar għall-isport jew għall-kaċċa fuq l-art (barra mill-kaċċa għall-fenek selvaġġ) u ġarr ta` arma tan-nar għall-kaċċa minn fuq opra tal-baħar, tlett kilometri barra mill-kosta 11 Lm55 Għaż-żamma ta` arma jew armi tan-nar, ġarr ta` arma tan-nar għall-isport jew għall-kaċċa fuq l-art (barra mill-kaċċa għall-fenek selvaġġ), ġarr ta` arma tan-nar għall-kaċċa minn fuq opra tal-baħar, tlett kilometri barra mill-kosta u tehid ta` għasafar xejn Lm24 Għaż-żamma ta` arma jew armi tan-nar, ġarr ta` arma tan-nar għall-isport jew għall-kaċċa fuq l-art (barra mill-kaċċa għall-fenek selvaġġ) u ġarr ta` armi tan-nar għall-kaċċa tal-fenek selvaġġ 3
Leg 9 PQ #19758 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u x'tip ta' droga inqabdet fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin minn Jannar 2000 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, sas-6 ta` Ottubru kien hemm tlett (3) okkażżjonijiet meta nstab xi trab suspettuż ġewwa l-ħabs. Ninsab infurmat ukoll li t-tlett każi ġew mgħoddija lill-Pulizija u f`kull każ saret inkjesta maġisterjali. Dawn il-każi għadhom qed jiġu nvestigati.
Leg 9 PQ #19769 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' persuni li jagħmlu parti mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-impjegati daħlu minn barra s-servizz ċivili?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni li jagħmlu parti mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hu ta` mija u tlettax-il persuna (113). Fost dawn l-impjegati hemm erba` (4) persuni li qegħdin mad-Dipartiment b`kuntratt ta` xogħol u li kollha ġew minn barra s-servizz ċivili.
Leg 9 PQ #19801 Sitting 386 2000-10-09 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Suwiċidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn persuni li wettqu suwiċidju tul l-aħħar ħames snin - sena b'sena? Jista' jaqsamhom irġiel u nisa, kemm kellhom eta' u fejn kienu joqgħodu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa disponibbli taħt forma kompjuterizzata sa mill-1 ta` April ta` l-1997 u huwa kif jidher fuq it-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #19184 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Riċevimenti u Ikliet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru riċevimenti u ikliet mill-ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dikateru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2000 sal-31 ta' Awissu 2000? Jista' jgħid separatament f'kull każ x'kienet l-okkażjoni, u kemm laħqet l-ispiża?

Response (BORG, TONIO)

Kif ġa` kelli l-opportunita` nwieġeb l-Onorevoli Interpellant f`okkażżjonijiet oħra, sakemm ma ningħatax raġuni l-għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Niġbed l-attenzjoni ta` l-Onorevoli Membru għall-allokazzjonijiet għall-Hospitality li hemm fl-Estimi Ġenerali taħt il-vot tal-Ministeru tiegħi u dawk tad-dipartimenti li jaqgħu taħtu.
Leg 9 PQ #19646 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet

Question

Jekk bidwi part-time jew fulltime ikollu erba' biċċiet raba' f'qatgħat differenti, per eżempju, biċċa fil-Baħrija, oħra fl-Imtaħleb imma kollha jkunu taħt il-konfini tar-Rabat, dawn xorta jridu jissottomettu żewġ applikazzjonijiet biex japplikaw għall-iskema ġdida tal-qbila tar-raba'?

Response (BORG, TONIO)

L-iskema tal-Qbiela tispeċifika li f`każ ta` bċejjeċ ta` art li ma jkunux imissu ma` xulxin u li ma jkunux jikkostitwixxu qatgħa waħda, tkun trid issir applikazzjoni separata għal kull waħda mill-bċejjeċ ta` art. Qed isiru diskussjonijiet mal-assoċjazzjoni tal-Bdiewa sabiex fil-każijiet ta` dawk li volontarjament japplikaw taħt l-Iskema - minkejja li għandhom titolu ta` qbiela - din ir-regola tiġi liberalizzata xi ftit.
Leg 9 PQ #19647 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-bdiewa fulltime u part-time li għalqilhom iċ-ċens tagħhom u mhux jiġi aċċettat mis-sidien il-ġodda li qed jaħdmu r-raba' in kwestjoni illum, dawn ukoll huma suġġett għall-applikazzjoni ġdida tal-qbil tar-raba'? Jekk iva, x'inhuma r-raġunijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ li ċ-ċens għalaq u l-bidwi m`għandux titolu fuq l-għalqa dan ma għandux triq oħra għajr li japplika fl-iskema tal-qbiela. Ir-raġuni hi li l-iskema hija intiża sabiex il-Gvern jirregolarizza l-pożizzjoni tal-bdiewa li qegħdin fil-fatt jaħdmu r-raba`, iżda teknikament huma bla titolu. Peress li d-domanda tirreferi għal "sidien il-ġodda', infakkar lill-Onor. Interpellant li din l-Iskema tapplika biss fejn il-Gvern hu s-sid tal-art.
Leg 9 PQ #19747 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol regolari ta' pulizija li n-numru tiegħu qed jintbagħat separatament? Għandux permess ibiegħ il-ħut? Jista' jinvestiga rapporti li waqt il-ħin tax-xogħol ikun ibiegħ il-ħut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kuntistabbli li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa stazzjonat fuq beat duties. Ma jirriżultax li dan għandu permessi sabiex ibiegħ il-ħut. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija tlabt lill-Kummissarju sabiex jinvestiga.
Leg 9 PQ #19753 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Ħlas ta' kera

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir il-ħlas lura tal-kera mħallsa żejda mill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna li saret referenza għaliha mill-Onor. Interpellant dalwaqt ser tirċievi l-pagament ta` ħames liri Maltin u tnejn u erbgħin ċenteżmu (Lm5.42), liema ammont kien tħallas iżjed bħala kera.
Leg 9 PQ #19761 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kaċċa u Nsib

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata r-roħs fil-ħlas tal-liċenzji tal-kaċċa u nsib li kien ġie mwiegħed qabel l-elezzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Il-Gvern diġa ħa passi sabiex mill-1 ta` Marzu ta` l-1999 il-liċenzja għaż-żamma ta` arma tan-nar tinżel minn Lm19.00 għal Lm7 fis-sena. Din hija prova ta` l-impenn tal-Gvern dwar il-wegħda elettorali tiegħu. Il-Gvern qiegħed jara x`jista` jsir fir-rigward tat-tipi l-oħra differenti ta` liċenzji biex il-ħlas ikopri biss l-ispejjeż relatati u mhux bl-iskop ta` taxxa.
Leg 9 PQ #19719 Sitting 384 2000-10-06 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Esproprjazzjoni - Ref. No. L58/62/48

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur viċin l-art li kienet ġiet esproprjata fis-snin 1960 li għandha l-file no. L58/62/48 hijiex se tiġi rilaxxata billi anqas ma tidher li hija parti mill-kumpless sħiħ ta' l-Universita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kuntratti mas-sidien tal-plots li ġew esproprijati fis-snin sittin in konnessjoni ma` l-Universita` għadhom isiru mill-Universita` direttament mas-sidien. Għaldaqstant, hija l-Universita` li tiddeċiedi jekk il-plot 48 għandiex tiġi rilaxxata jew le. Fuq talba mis-sidien ta` din l-art, id-Dipartiment tal-Artijiet talab lill-Universita` tistax tirrilaxxa din il-plot. Infurmat ukoll li s`issa d-Dipartiment tal-Artijiet għadu qed jistenna tweġiba dwar dan mill-Universita`.
Leg 9 PQ #19506 Sitting 383 2000-10-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Buġibba — Klabb tal-Boċċi

Question

Jista' l-Ministru jinformani bil-pożizzjoni tal-klabb tal-boċċi ta' Buġibba? Jista' l-Ministru jinformani meta se jkun possibbli li dan il-klabb attiv ħafna f'Buġibba jingħata l-appoġġ u l-awtorita' li jkun jista' jiżviluppa aħjar l-premises tiegħu? Jista' l-Ministru jikkonsidra li jiltaqa' mal-kumitat attwali sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni tat-titolu tal-klabb? Jekk fl-affermattiv meta?

Response (BORG, TONIO)

Ħafna mill-klabbs tal-boċċi f`Malta, inkluż dak ta` Buġibba, fl-1991 kienu għaddew għand il-Ministeru tal-Edukazzjoni li mbagħad għaddihom lill-Klabbs konċernati taħt ‘management agreement’. Pero` it-titlu għall-proprjeta` baqa`jsejjaħ lill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Illum il-Gvern għandu policy li, bis-saħħa ta` Riżoluzzjoni Speċjali tal-Parlament, jagħti titlu fuq proprjeta` tiegħu lill-Għaqdiet Sportivi. Fil-fatt numru konsiderovoli ta` Għaqdiet Sportivi diġa` gawdew minn din il-policy tal-Gvern. Il-prattika biex dan isir hija li Għaqda Sportiva li tkun interessata li takkwista titolu fuq proprjeta` tal-Gvern l-ewwel tagħmel talba formali lill-Kunsill Malti għall-Isports fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, li mbagħad jikkordina mat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern dwar il-possibilita` li l-Għaqda tingħata titlu fuq il-proprjeta` in kwistjoni. Eventwalment tgħaddi Riżoluzzjoni tal-Parlament biex it-trasferiment ikun jista` jsir. Ninsab infurmat li sal-lum ma jidhirx li l-Klabb tal-Boċċi Buġibba għamel xi talba biex jingħatalu titolu fuq l-art. Dwar il-possibilita` li l-proprjeta` tiġi żviluppata aħjar din hija kwistjoni li taqa` taħt il-liġi dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp u jekk jingħatax permess għall-iżvilupp jew le hija prerogattiva ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Qabel ma` l-Kumitat tal-Klabb tal-Boċċi Buġibba jiltaqa` mal-Ministru ikun għaqli li l-ewwel issir it-talba formali sabiex il-Klabb jingħata titolu fuq l-art.
Leg 9 PQ #19236 Sitting 382 2000-10-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ambaxxatur Eġizjan

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilmenti ta' l-Ambaxxatur Eġizjan li tqanqlu riċentement fuq ġurnali lokali bl-Ingliż dwar arroganza u razziżmu fil-konfront taċ-ċittadini Eġizjani fl-ajruport internazzjonali ta' Ħal-Luqa mill-pulizija? X'miżuri se jieħu l-ministeru u l-gvern sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni fejn filwaqt li l-gvern qed jgħid li kollox miexi sewwa, jindika li l-awtoritajiet ta' l-istat Eġizjan huma diżappuntati għall-mod kif qed jiġu trattati l-passaġġieri Eġizjani fl-ajruport ta' Malta?

Response (BORG, TONIO)

Kif jaf l-Onor. Interpellant, il-Pulizija taw ir-reazzjoni tagħhom pubblikament fis-16 ta` Settembru għal dak li ġie rappurtat li qal diplomatiku akreditat Malta f`waħda mill-gazzetti lokali fil-15 ta` Settembru. Meta jkolli rapporti ta` din ix-xorta jien dejjem nitlob rapport mill-awtoritajiet konċernati li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi biex nassigura ruħi li ma jkunx hemm każi ta` diskriminazzjoni, kemm fejn jirrigwarda Maltin kif ukoll barranin. Ma jirriżultalix s`issa li qatt kien hemm xi forma ta` razzismu jew diskriminazzjoni intenzjonati min-naħa tal-Pulizija kif qed jiġi allegat. F`dan il-kuntest jien ninsab assigurat ukoll mill-awtoritajiet tal-Pulizija li huma bl-ebda mod ma jiddistingwu bejn nazzjonalita` jew oħra, u li dawk il-kontrolli li jagħmlu, u li ilhom jagħmlu minn żmien twil, jagħmluhom biss biex kemm jista` jkun tiġi kkontrollata l-immigrazzjoni illegali f`pajjiżna. Din hija kwistjoni diffiċli u delikata li tista` kull tant tqajjem suspett mhux ġustifikat ta` diskriminazzjoni.
Leg 9 PQ #19238 Sitting 382 2000-10-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Kaċċaturi u Nassaba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' snieter u oġġetti li ġew elevati minn fuq il-kaċċaturi u nassaba mill-pulizija matul din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u t-22 ta` Settembru 2000, il-Pulizija ġabret 197 senter mingħand kaċċaturi u nassaba, flimkien ma` għadd ta` skrataċċ, 7 xbieki, 5 bird callers, 5 cassettes, kif ukoll dinghy.