Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm visiting professors fl-Universita' ta' Malta? Min huma? Minn liema pajjiż ġejjin? Fuq liema suġġett qed jagħtu lectures?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Universita' ta' Malta — International School of English
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta' studenti li fl-2005 inkitbu biex jattendu xi kors fl-International School of English ta' l-Universita' ta' Malta? Minn liema pajjiżi ġejjin? Dan in-numru kif kien jikkompara ma' ta' l-2004?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 430 studenti li fl-2005 inkitbu biex jattendu xi kors fl-ISE. Dawn kienu ġejjin mill-Belġjum, Brażil, Bulgarija, Franza, Turkija, Svizzera, Finlandja, Norveġja, Paragwaj, Poland, Spanja, Italja, Germanja, Marokk, Ungerija, Ġappun, Austrija u Slovakja.
Informat ukoll li meta tikkumpara n-numru ta' applikanti mas-sena ta' qabel, issib li qiegħed fl-istess livell.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jsir kors tat-TEFL fl-Universita' ta' Malta biex jieħu post dak li tħassar fl-aħħar mumenti xi ġimgħat ilu? Meta kien sar l-aħħar wieħed u kemm kienu attendew? Minn dawn, kemm kienu wżati mill-International School of English?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li dawn il-korsijiet ser isiru f'Marzu jew April 2006. Informat ukoll li l-aħħar wieħed kien beda fis-27 ta' April, 2004 u attendew 15-il persuna. Minnhom ħadem persuna waħda fis-sajf.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb u l-pjan għall-futur tal-gvern rigward l-iskola Guże' Despott Junior ta' Bormla?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Gvern ser jimmodernizza l-iskola sekondarja, Junior Lyceum tas-subien, Giuseppe Despott fi Skola ta' Għada u se jibni kulleġġ ġdid għall-Kottonera, li jkun jista' jservi l-bżonnijiet edukattivi għal dan ir-reġjun fis-snin li ġejjin.
Occupational Health & Safety Unit — Rapporti dwar xogħol perikoluż
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti għand l-Occupational Health and Safety Unit dwar xogħol perikoluż jew ħaddiema jaħdmu mingħajr ilbies protettiv fis-sena 2004 u 2005? X'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul is-sena 2004 l-Awtorita' għas-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol irċeviet 633 ilment li minnhom 104 kienu dwar ħaddiema mingħajr ilbies protettiv.
Matul is-sena 2005 l-Awtorita' ghas-Saħħa u Sigurta' fuq il-post tax-xogħol irceviet 355 ilment li minnhom 57 kienu dwar ħaddiema mingħajr ilbies protettiv.
Fil-każijiet li ġew investigati u rriżultaw ksur ta' regolamenti jew liġijiet inbdew jew qed jinbdew proċeduri legali quddiem il-Qorti Kriminali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tfal b'diżabilita' mentali (down, autistic, celebral paulsy, syndromes, attention deficit disorders) li kellhom facilitator magħhom spiċċaw mill-iskejjel sekondarji, ta' l-istat, skejjel indipendenti u tal-knisja fl-aħħar erba' snin?
Jista' jagħti l-figuri skond l-iskejjel, jiġifieri ta' l-Istat, tal-knisja u indipendenti individwalment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' tfal b'diżabilita mentali li kellhom facilitator magħhom u li spiċċaw mill-iskejjel sekondarji f'dawn l-aħħar erba' snin, huwa hekk :-
Skejjel Statali : 19
Skejjel tal-Knisja : 42
Skejjel Indipendenti : 0
Jista' il-Ministru jgħid meta ħarġet it-tender sabiex isir lift fl-iskola primarja ta' Bormla? Meta ngħatat it-tender? Meta sar il-ħlas? Meta tlesta x-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tender ġiet ippubblikata fil-11 ta' Ottubru 2002 u għalqet fil-24 ta' Ottubru 2002. Ġiet awarded lill-kuntrattur fis-16 ta' Diċembru 2002. Il-ħlasijiet li saru sal-24 ta' Novembru 2005 kienu ta' Lm7,393.69. Ix-xogħol ġie ċċertifikat permezz ta' final inspection certificate fis-17 ta' Ottubru 2005.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Diretturi/Chairpersons
Question
Jista' il-Ministru jgħid min huma d-diretturi u ċ-chairpersons tal-kumpanniji, enti u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandhom kull wieħed minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li nirreferi l-Onor. Membru għat-Tweġiba tal-Mistoqija numru 13088, tagħrif ieħor għadu qed jinġabar.
Jista' il-Ministru jgħid fil-preżent kemm huwa n-numru ta' żgħażagħ, nisa u rġiel separatament, minn 35 sena 'l isfel li jinsabu jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel skema u fuq it-tieni skema? Kemm minnhom huma minn Malta u kemm huma minn Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' private staff li hemm mal-ministeru? Kemm minnhom huma uffiċjali pubbliċi u kemm minnhom huma b'xi forma ta' kuntratt? X'inhu s-salarju, allowance u benefiċċji oħra (fringe benefits) li qegħdin jieħdu? Jista' jgħid kemm minn dawn huma mid-distrett elettorali tiegħu u jagħti lista ta' l-ismijiet, indirizzi u identity cards tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Hemm 22 persuna fis-Segretarjat tal-Ministeru li lkoll ġejjin mis-Settur Pubbliku ħlief tlieta li huma b'kuntratt. Il-ħlas tagħhom huwa kif stabbilit fid-dokument tal-Gvern dwar din il-kategorija ta' ħaddiema liema dokument kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru bejn l-2004 u l-2005 il-membri tal-private staff tiegħu? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni, kemm ħadu/ingħataw flus għal kull safra u jikkonfermax jekk kienx hemm xi ħadd minnhom li siefer first jew business class?
Response (GALEA, LOUIS)
Tajjeb jiġi ċċarat li l-Ministeru m'għandu l-ebda 'private staff' tiegħu imma impjegati pubbliċi fis-segretarjat tal-Ministeru.
Informat li l-Kap tas-Segretarjat fil-Ministeru kien l-uniku uffiċjal li siefer darba fl-2004 u darbtejn fl-2005.
It-tliet darbiet li siefer kien fuq xogħol tal-Gvern:-
1) Fl-2004 akkumpanja lill-Ministru għat-92 sessjoni tal-Konferenza ta' l-ILO f'Ginevra, l-Isvizzera. Huwa rċieva s-somma ta' Lm115.46 kif hu stabbilit fir-regoli dwar subsistance allowance.
2) Fl-2005 akkumpanja lill-Ministru għal Seminar Dinji għall-Ministri ta' l-Edukazzjoni bit-titlu "ICT in Education" li sar f'Londra, l-Ingilterra. Huwa rċieva s-somma ta' Lm281.58 bħala subsistence allowance.
3) Fl-2005 attenda għas-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasbourg, Franza. Huwa rċieva s-somma ta' Lm158.66 bħala subsistence allowance, li minnhom irrifonda Lm127.86 li rċieva bħala subsistence allowance mill-Parlament Ewropew.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Servizz tal-Melita Cable
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi impjegati fid-dekasteru tiegħu li jagħmlu użu mis-servizz tal-Melita Cable? F'każ li fl-affermattiv, min huma u kemm kienet l-ispiża bejn l-2004 u l-2005?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk :-
Dipartiment Ammont mħallas bejn l-2004 u l-2005 Fejn jinsab
Direttur Servizzi Korporattivi Lm355.97(l-ispiża tinkludi l-arretrati) Ministeru
Kunsill Malti Għall-iSport Lm176.47 Fitness Centre Tal-Qroqq
Relazzjonijiet Industrijali u Mpjiegi Lm 79.74 Dipartiment
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Servizz ta' l-internet
Question
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx uffiċjali fid-dekasteru tiegħu li għandhom is-servizz ta' l-internet fir-residenza tagħhom "minbarra dak ipprovdut mill-MITTS" imħallas minn fondi pubbliċi? F'każ li fl-affermattiv, min approva s-servizz, għal min qiegħed jiġi pprovdut is-servizz u min hu l-ISP?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16586 u jgħid min huma l-kuntratturi li ħadu x-xogħlijiet tal-pixxina nazzjonali, li skond il-Ministru swew Lm400,000, fl-aħħar sentejn? Jista’ jgħid ukoll jekk ħarġux sejħiet għall-offerti għax-xogħol konċernat? Jekk iva, jista’ ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kull offerta, min applika, min ħadha u jekk ix-xogħol sarx fi żmien stipulat?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15647, jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi oħra, speċjalment dwar punti (b), (c) u (d)?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk :
Xogħol fuq il-ħajt ta' taħt il-Parking area :-
It-tender ġie ippublikat fil-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa, 6 ta' Jannar, 2006. Id-data tal-għeluq hija l-Ġimgħa, 3 ta' Frar, 2006.
Xogħol fuq il-Fitness Centre :-
Il-ħlas għall-applikazzjoni mill-Perit għand il-MEPA sar it-Tlieta, 10 ta' Jannar, 2006. Din il-ġimgħa ser jiġu sommessi il-pjanti.
Xogħol fuq l-apparat tal-Plant Room :-
Ir-rapport tal-għażla fuq il-Heat Exchangers tlesta mill-Engineer assenjat. Tpoġġiet l-ordni għax-xiri. Fir-rigward tar-ramel għall-filters inħarġet l-ordni għax-xiri. Żmien massimu ta' xahar.
Jista' il-Ministru jgħid kemm nies qed jirreġistraw għax-xogħol f'Wied il-Għajn? Kemm għandu eta' l-iżgħar wieħed u kemm għandu l-ikbar wieħed? Kemm ilu żmien jirreġistra l-aktar wieħed?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar ta’ Diċembru 2005 kien hemm 162 persuni minn Wied il-Għajn li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru. L-eta’ ta’ l-iżgħar klijent kienet ta’ 16-il sena u ta’ l-akbar klijent kienet ta’ 60 sena. L-aktar klijent ilu jirreġistra 12-il sena.
Jista' il-Ministru jara għalfejn il-kap ta' l-iskola fl-infants fil-primarja ta' Birkirkara mhux qed tħalli lit-tfal jidħlu l-iskola qabel il-ħin meta tkun ix-xita?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux il-każ kif qed jilmenta l-Onor. Kollega. Tajjeb infakkar li l-ġenituri jafu liema huma il-ħinijiet ta' l-iskola u f'liema ħin it-tfal għandhom iġibuhom.