Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #21854 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

MATS – rabtiet mal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma importanti r-rabtiet tajbin tal-MATS mal-Unjoni Ewropea u x’jinvolvi l-ftehim bejniethom dwar l-investiment li se jwassal sas-sena 2019?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bħal kull air navigation service provider ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-Malta Air Traffic Services (MATS) hi regolata minn liġijiet Ewropej u, f’dan il każ, mil-liġijiet u regolamenti relatati mas-Single European Sky (SES). Fost ir-regolamenti hemm dak li jesiġi li kull pajjiż irid jagħmel pjan ta’ ħames snin li jindirizza erba’ setturi, jiġifieri sikurezza, effiċjenza, kapaċita’ (li tlaħħaq mal-volum tat-traffiku mingħajr ma tikkawża dewmien jew ittardjar fit-trasport bl-ajru) u ħarsien tal-ambjent. Il-Kummissjoni Ewropea (KE) tiddeċiedi, wara sensiela ta’ konsultazzjonijiet u taħditiet f’livell Ewropew, x’għandhom ikunu l-istandards u l-miri li għandhom jintleħqu, f’dan il-każ, fil-perjodu ta’ bejn l-2015 u l-2019. Jekk xi pajjiż ma jilħaqx dawn il-miri jkun qiegħed jissogra li jinfetħu proċeduri kontrieh mill-KE. Ir-rabtiet mal-UE huma importanti ħafna ghall-MATS u għal Malta peress li l-UE qiegħda dejjem tisħaq fuq tnaqqis ta’ spejjeż fl-operat tal-air navigation service providers, u dan għaliex skond il-KE s-servizz fl-Ewropa hu ogħla minn dak f’kontinenti oħrajn bħall-Istati Uniti. Dawn ir-rabtiet iservu wkoll biex fil-kontinent Ewropew jinżamm livell għoli ta’ servizz ta’ navigazzjoni bl-ajru. Fost l-investimenti prinċipali li l-MATS dieħla għalihom f’dawn il-ħames snin insibu l-bini ta’ Air Traffic Control Centre, xiri ta’ Radar biex jissostitwixxi ieħor qadim, stallazzjoni ta’ sistema Automatic Dependent Surveillance - Broadcast u stallazjoni ta’ Aeronautical Message Handling System. Hemm ppjanati proġetti oħrajn iżgħar li wkoll huma mmirati biex tiżdied is-sikurezza u l-effiċjenza fl-operat tal-MATS. B’kollox in-nefqa kapitali għal dawn il-ħames snin tammonta għal madwar 28 miljun Ewro, illi ser tkun iffinanzjata mill-kumpanija MATS stess u mhux mill-Gvern ċentrali.
Leg 12 PQ #21855 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għat-Turiżmu

Kumpanija MATS – upgrade tas-sistema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif il-kumpanija MATS se tkun qed tutilizza s-sistemi ta’ upgrade b’immodernizzar fit-teknoloġija tagħha sal-ewwel kwart tal-2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

L-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-Air Traffic Management (ATM) System li wasal fl-aħħar fażi tiegħu. Permezz tal-ATM System, il-kontrolluri tal-ajru jkollhom quddiemhom, fuq screen elettroniku, stampa sħiħa tat-traffiku tal-ajru li jkun qiegħed juża l-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabilta’ ta’ Malta. L-informazzjoni kollha li tinġabar mis-sistemi ta’ sorveljanza, e.g. radars diversi kif ukoll minn strumenti ta’ navigazzjoni kemm fuq l-art u fl-istess ajruplani, tidħol b’mod koordinat fl-ATM System u, permezz ta’ processors elettroniċi tagħti stampa preċiża tas-sitwazzjoni. Permezz ta’ dan il-proċess, il-kontrollur tal-traffiku tal-ajru jkun jista’ jikkoordina u jikkontrolla t-traffiku b’mod sikur u effiċjenti. Is-sistema l-ġdida, meta tkun kummissjonata, se tipprovdi lill-kontrolluri b’għodod moderni biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom b-iktar effiċjenza. Fost oħrajn, l-ATM System il-ġdida għandha fiha għodda (Medium Term Conflict Detection) li permezz tagħha l-kontrolluri ikollhom indikazzjoni ċara li fl-għoxrin minuta li jmiss jista’ jinħoloq konflitt bejn żewġ ajruplani. Għalhekk il-kontrolluri jkollhom ħin biżżejjed biex jikkoreġu l-għoli u d-direzzjoni tal-ajruplani sabiex ir-riskju li dawn javviċinaw jew jaħbtu f’xulxin jitbiegħed. Għalhekk din l-għodda se tgħin ukoll biex tiżdied is-sikurezza fit-traffiku tal-ajru u fix-xogħol li twettaq il-Malta Air Traffic Services Ltd.
Leg 12 PQ #22322 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – Financial Statement

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Financial Statement tal-Air Malta għas-sena li għalqet Marzu 2015?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, il-Financial Statements tal-Air Malta għas-sena finanzjarja li għalqet Marzu 2015 qed jitpoggew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dawn il-Financial Statements ilhom disponibbli b’mod pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-kumpanija sa minn Ottubru 2015.
Leg 12 PQ #22323 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS – Financial Statements

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ Financial Statements tal-ITS?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħal ma diga’ spjegajt f’Mistoqsija Parlamentari bin-numru 13633, datata 17 ta’ Frar 2015, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi ma jużax is-sistema ta’ accrued based accounting. Għaldaqstant, ma jistgħux ikunu forniti audited financial statements hekk kif mitlub.
Leg 12 PQ #22324 Sitting 346 2016-01-19 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

MCC – Financial Statements

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar sett ta’ Financial Statements tal-MCC?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura kummerċjali u sensittiva u għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata. Nserraħ moħħ l-Interpellant illi l-Bord u t-tim ta’ ġestjoni ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi qed jaħdem b’għaqal sabiex tittieħed kull opportunita’ ta’ nfluss kif ukoll jiġu kkontrollati l-ispejjeż sabiex l-entita’ tkun sostenibbli u kompetittiva fl-ambjent tas-settur tal-konferenzi illi kull ma jmur qed jikber.
Leg 12 PQ #21782 Sitting 345 2016-01-18 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – għoti ta’ kuntratti lil individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħata lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew lill-uffiċċju legali tiegħu, mill -entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn Marzu 2013 u Novembru 2015, il-Ministeru għat-Turiżmu uża s-servizzi tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għal darba fl-2014 u l-valur ta’ dan ix-xogħol jammonta għal €283.20. Il-kuntratt ma ngħatax b’direct order.
Leg 12 PQ #21098 Sitting 344 2016-01-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

MTA – policy dwar liċenzjar ta’ stabilimenti B&B

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-MTA għandhiex xi policy partikulari għal dak li jikkonċerna l-liċenzjar ta’ stabbilimenti B&B, f’Malta u Għawdex? Jista’ jagħti tagħrif dwar x’inhi l-proċedura applikata f’dawn il-każi, mill-istess MTA? Kemm u fejn jinsabu l-istabilimenti li huma liċenzjati b’dan il-mod, lokalità b’lokalità?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu tipprovdi għal kateġoriji ta’ lukandi Bed and Breakfast, minn wieħed sa erba’ stilel kif ukoll guesthouses li jridu jipprovdu kolazzjon. Dawn iż-żewg kategoriji jirrappreżentaw stabbilimenti t’akkomodazzjoni fuq livell Bed and Breakfast. L-Awtorita’ preżentement għaddejja bi proċess ta’ tibdil fil-leġislazzjoni illi ser tinkludi speċifikament kategorija bit-terminu BB Residence – license, għal dawk li jixtiequ jipprovdu akkomodazzjoni lit-turisti fid-dar tagħhom. Il-lista ta’ lukandi u guesthouses li joperaw fuq bażi ta’ Bed and Breakfast, lokalita’ b’lokalita, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #21099 Sitting 344 2016-01-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Familji liċenzjati bħala Host families

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm familji li huma liċenzjati / awtorizzati biex jagħmluha ta’ host families? Kif inhuma mqassma lokalità b’lokalità?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi sat-18 ta’ Novembru 2015 b’kollox kien hemm elf mija tnejn u sebgħin (1,172) liċenzja ta’ familji ospitanti. Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kif dawn huma mqassma lokalita’ b’lokalita’.
Leg 12 PQ #21100 Sitting 344 2016-01-13 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Postijiet liċenzjati bħala host families

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm postijiet li huma liċenzjati biex joperaw bħala host families? Kif inhuma mifruxa, lokalità b’lokalità?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza ghat-tweġiba li għadha kemm ingħatat illum għall-Mistoqsija Parlamentari 21099.
Leg 12 PQ #21942 Sitting 344 2016-01-13 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — użu tat-tieni karozza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tieni karozza li kien juża l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid liema mudell kienet din il-karozza? F’każ li l-karozza kienet mikrija, x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu? Kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok it-tieni karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għat-tieni karozza li għamel użu minnha l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013, il-Ministru għat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien kien jieħu allowance ta’ €7000 fis-sena flok jagħmel użu mit-tieni karozza.
Leg 12 PQ #22127 Sitting 344 2016-01-13 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — bordijiet tal-appell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Bordijiet tal-Appell, taħt kwalsiasi isem jew titolu, li jinsabu fid-dekasteru tiegħu u b’liema liġi hu mwaqqaf kull Bord jew Tribunal?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika għal xhiex qed jirreferi ezatt meta jgħid ‘bordijiet tal-Appell, taħt kwalsiasi isem jew titolu li jinsabu fid-dekasteru’ tal-Ministeru għat-Turizmu.
Leg 12 PQ #22138 Sitting 343 2016-01-12 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Turist – Iljieli f’Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni wara t-tneħħija tal-obbligu li t-turist irid joqgħod Malta għal tal-anqas lejl?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara għal xhiex qed jirreferi eżatt meta qed jgħid “ir-raġuni wara t-tneħħija tal-obbligu li t-turist irid joqgħod Malta għal ta’ l-anqas lejl”.
Leg 12 PQ #21699 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: GODFREY FARRUGIA To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – karozza uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozza uffiċjali li kien juża l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid ta’ liema mudell kienet il-karozza? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu f’każ li kienet mikrija? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswija li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflokk il-karozza uffiċjali matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għall-karozza/i li għamel użu minnhom il-Ministru?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Iterpellant illi fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta' Jannar 2008 u t-8 ta' Marzu 2013, kien hemm bidla ta’ tlett karozzi li jirrifletti t-tibdil ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari risponsabbli għat-turizmu. · Il-karozza uffiċjali tal-Ministru/Segretarju Parlamentari bejn l-1 ta' Jannar 2008 u 24 ta’ Frar 2009 kienet BMW 528, inxtrat fi 29 t’Awissu 2000 u swiet Lm13,370 (€31,143.72). L-ispiza totali fuq tiswijiet ta’ din il-karozza bejn l-1 ta' Jannar 2008 u 24 ta’ Frar 2009 u f'kirjiet ta' karozzi minflokha, kienet tammonta għal €10,493.10. L-ispiza fuq it-tiswijiet biss kienet ta' €5,971.43. L-ispiza f'kirjiet ta' karozzi minflokha biss ammontat għal €4,521.67. L-ispiza fuq il-fuel għall-karozza uffiċjali tal-Ministru bejn l-1 ta' Jannar 2008 u 24 ta’ Frar 2009 u fuq il-fuel għall-karozzi li inkrew minflok il-karozza uffiċjali tal-Ministru kienet ta’ €3,177.63 · Il-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari bejn il-25 ta’ Frar 2009 u s-27 t’Ottubru 2009 kienet Peugeot 607, inkriet fil-25 ta’ Frar 2009 u swiet €18,375.20. L-ispiza fuq il-fuel għall-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari bejn il-25 ta’ Frar 2009 u s-27 t’Ottubru 2009 kienet ta’ €1,165.00. · Il-karozza uffiċjali tal-Ministru bejn it-3 ta’ Novembru 2009 u t-8 ta’ Marzu 2013 kienet Mercedes Benz E200, inxtrat fit-3 ta’ Novembru 2009 u swiet €32,305. L-ispiza totali fuq tiswijiet ta’ din il-karozza bejn it-3 ta’ Novembru 2009 u t-8 ta’ Marzu 2013 u f'kirjiet ta' karozzi minflokha, kienet tammonta ghal €5,750.96. L-ispiza fuq it-tiswijiet biss kienet ta' €4,533.90. L-ispiza f'kirjiet ta' karozzi minflokha biss ammontat għal €1,217.06. L-ispiza fuq il-fuel għall-karozza uffiċjali tal-Ministru bejn it-3 ta’ Novembru 2009 u t-8 ta’ Marzu 2013 u fuq il-fuel għall-karozzi li inkrew minflok il-karozza uffiċjali tal-Ministru kienet ta’ €16,411.40.
Leg 12 PQ #22142 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – għoti ta’ kuntratt lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru, bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Ministeru għat-Turiżmu uża s-servizzi ta’ din il-kumpanija għal diversi drabi u l-valur ta’ dan ix-xogħol, b’mod komplessiv, jammonta għal €900.
Leg 12 PQ #21416 Sitting 341 2015-12-16 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas s’issa f’reklamar (li jinkludu reklami fuq television, radio, gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-Ministeru kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u entità oħra li taqa’ taħtu mill-1 ta’ April 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur tar-reklami li għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont li tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #21530 Sitting 341 2015-12-16 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Nefqa fuq reklamar u informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21332 u jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #21555 Sitting 341 2015-12-16 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11542 u jgħid kemm ingħataw direct orders mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu mit-30 ta’ Settembru 2013 sal-1 ta’ Ottubru 2014? Jista’ jgħid f’kull każ għaliex ġie deċiż li tinħareġ direct order?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, bejn it-30 ta’ Settembru 2013 u l-1 ta’ Ottubru 2014, ingħataw 18-il direct order mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħi. F’kull kaz, dawn ngħataw għaliex kienu fil-parametri tar-regolamenti tal-procurement tal-Gvern.
Leg 12 PQ #21551 Sitting 340 2015-12-15 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Kuntratti ta' konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11557 u jagħti lista ta’ kuntratti ta’ konsulenza li ngħataw mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u jgħid f’kull każ xi proċedura ntużat biex jinħatru dawn il-konsulenti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, billi jiena ilni nokkupa l-kariġa ta’ Ministru għat-Turizmu minn April 2014, nitlob lill-Interpellant sabiex jagħti dati speċifiċi li fihom irid tali nformazzjoni mill-Ministeru li llum jaqa’ taħt ir-risponsabbilita’ politika tiegħi.
Leg 12 PQ #21640 Sitting 340 2015-12-15 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – petrol u diesel — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża l-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża l-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #21521 Sitting 339 2015-12-14 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – lista ta’ direct orders u contracts for services

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20056 u jagħti lista tad-direct orders inkluż ukoll għall-contracts for service, li ngħataw mill-Ministeru u mill-Awtorità tat-Turiżmu bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u 30 ta’ Settembru 2015? Fil-każ ta’ contracts for service, jista’ l-Ministru jgħid x’servizz qed jinxtara permezz tad-direct order?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.