Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta’ Qali – Pitkalija — xogħlijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7661, billi fir-risposta qed jingħad li l-konsultazzjonjiet saru ma’ kulmin wera interess fuq din ir-riforma, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta ħarġet is-sejħa għall-espressjoni ta' interess dwar dan is-suġġett? Meta għalqet l-istess espressjoni ta' interess? Minbarra hekk min kienu dawk l-individwi li wrew interess wara tali sejħa? Jekk ma kienx hemm sejħa pubblika għal dan il-għan, kif seta’ bniedem jew għaqda juri interess fis-suġġett?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’din il-leġiżlatura s’issa ma nħarġet l-ebda sejħa ta’ interess iżda bħal f’kull ħaġa oħra, qed isiru diskussjonijiet ma’ kull min juri xi interess fuq kif jistgħu jitjiebu sistemi eżiżtenti.

Ħlas għall-użu ta’ slip ways

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux se jintroduċi xi forma ta' ħlas għas-sajjieda, jew persuni oħra li jiġbdu jew ivaraw l-opri tal-baħar tagħhom mis-slip ways awtorizzati għal dan il-għan? Jista' jgħid li jekk se jiġi introdott tali ħlas - fil-fatt hux se jiġi introdott madwar Malta u Għawdex kollu, jew le? Minbarra hekk, jista' jagħti tagħrif dwar jekk is-sidien ta' dawn l-opri tal-bahar hux se jintalbu li jħallsu wkoll taż-żmien li l-opra tkun fuq l-art, jekk kemm-il darba l-istess opra ddum iktar minn 10 t'ijiem fuq l-art?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li fil-preżent m’hemmx pjanijiet bħal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.

San Pawl il-Baħar – tal-Veccia — ankra

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru kienx responsabbli biex titqiegħed ankra/baga fl-inħawi Tal-Veccia San Pawl il-Baħar? Jekk iva għal-liema raguni se tintuża u minn min?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li t-tqegħid ta’ ankri/bagi fil-baħar ma taqax fir-responsabbilta tal-Ministeru tiegħi.

Tagħlim dwar l-agrikoltura — scholarships

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru fassalx xi programm partikolari, flimkien mal-ministeru responsabbli mill-edukazzjoni biex jiġi assigurat li jingħataw scholarships f'oqsma marbuta mal-agrikoltura, kemm fil-programm Master It, kif ukoll fi programmi oħra?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7714.

Is-Siġġiewi – impjant għat-trattament tad-demel tal-baqar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnu l-proġett ippjanat mill-Gvern preċedenti biex fis-Siġġiewi jsir impjant għat-trattament tad-demel tal-baqar? Għaliex il-Gvern qed jgħid li issa jrid jittratta dan ir-riżors fl-impjant tal-Għallis?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-pjan tal-Gvern għar-rilokazzjoni ta’ rżieżet tal-baqar minn żoni urbani kien ilu jiġi diskuss mill-amministrazzjoni preċedenti sa mill-inqas mill-2006 u sa Marzu 2013 ma kien hemm xejn iffinalizat ħlief studji u kontro studji, proposti u kontro proposti, fosthom dik li jinbena bio digester fil-post fejn jiġu rilokati dawn l-irżieżet. Ninsab infurmat ukoll li fil-bidu ta’ dawn l-istudji u proposti, kienet qed tiġi kkunsidrata r-rilokazzjoni ta’ 17 ir-razzett u li mal-mogħdija taż-żmien dawn l-ewwel niżlu għal 12 imbgħad sallum jidher li n-numru ta’ rżieżet li jridu jiġu rilokati niżel għal 7. Jien infurmat li fid-dawl ta’ dan kollu u sa kemm tittieħed deċiżjoni finali jkun primatur li wieħed jagħti deċiżjoni finali dwar il-ħtieġa jew le tal-bini tal-bio digester. Ninsab infurmat ukoll li kif kien dejjem maħsub mill-amministrazzjoni preċedenti, l-impjant tal-Għallis ser jittratta kemm skart solidu muniċipali kif ukoll madwar 39,000 tunnellata ta’ demel fejn dawn ta’ l-aħħar huma meħtieġa sabiex iservu ta’ lubrifikant għall-istess proċess ta’ trattament.

Inċineratur tal-Marsa — Tkabbir

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ġiegħel lill-Gvern ibiddel fehmtu dwar l-inċineratur tal-Marsa biex jgħid li jrid isir studju jekk ikabbrux? Jista’ jgħid jekk il-fatt li dan l-inċineratur huwa biswit il-biċċerija għadux meqjus bħala problema?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li m’hemmx pjanijiet mit-tmexxija preżenti tal-WasteServ Malta Ltd biex issir dan l-istudju.

Riċiklaġġ tal-iskart li ġej mill-kostruzzjoni

Question

Peress li l-pjan għall-immaniġġjar tal-iskart ma jgħid xejn dwar x’se jsir biex jintlaħqu l-miri marbuta mar-riċiklaġġ tal-iskart li ġej mill-industrija tal-kostruzzjoni, jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu biex tintlaħaq il-mira stabbilita tal-2018?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi se nkunu qed nonoraw l-wegħda tagħna li nikkonsultaw l-istakeholders group fil-fażijiet ewlenin tal-implimentazzjoni tal-Pjan kollu bħala għarfien tas-sehem li taw fit-tfassil tiegħu.

Wasteserve — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-ħaddiema li bħalissa qed jaħdmu l-Wasteserve u li l-impjieg tagħhom huwa mal-privat? Biħsiebu jimpjegahom hu jew se jerġa’ jagħmel sejħa għall-offerti wara li f’Ottubru li ġej jagħlaq il-kuntratt preżenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi deċiżjoni tittieħed fil-mument opportun.

Abbozz ta’ liġi marbut mat-tniġġiż mill-ħsejjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq abbozz tal-liġi marbut mat-tniġġiż mill-ħsejjes li l-Ministru rrefera għalih f’attivitajiet pubbliċi li saru fl-aħħar xhur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dak li wegħdna fil-Baġit għal din is-sena se nonorawh.

Qtugħ ta’ Ħaxix Ħażin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali jistgħux jingħataw direzzjoni mid-dipartiment konċernat sabiex jintużaw prattiċi li huma aktar favur l-ambjent bħala grass cutters u mhux erbiċidi fil-qtugħ tal-ħaxix ħażin f’żoni kontrollati minnhom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministri kkonċernati.

Mellieħa – disposal ta’ skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tiġi kkunsidrata l-lokalità tal-Mellieħa bħala post alternattiv sabiex fil-konfini ta' din il-lokalità jsir sit għad-disposal tal-iskart?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li f'dan l-istadju ma hemm l-ebda lokalità li qiegħda tiġi kkunsidrata bħala sit alternattiv għad-disposal tal-iskart.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, u xahar b’xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li parti mill-informazzjoni mitluba ingħatat fit-tweġiba għal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7563. Għaldaqstant, skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, b’żieda ma’ dan, tabella b’lista ta’ impjegati ġodda mill-1 ta’ Jannar 2012 sat-8 ta’ Marzu 2013, mil-kumpanija WasteServ Malta Ltd.

Pitkalija – użu ta’ kaxxi

Question

Billi f'risposta għal domanda parlamentrati preċedenti qed jingħad li suppost hemm biżżejjed kaxxi biex jinqdew il-bdiewa, meta fil-prattika hu magħruf li hemm diffikultajiet dwar dan is-suġġett li qed jiġu ffaċċjati bih il-bdiewa, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru totali ta' kaxxi li suppost hemm fis-sistema? Kemm minn dawn il-kaxxi huma kbar u kemm huma żgħar? Kemm hu maħsub li jitkissru kaxxi miż-żewġ tipi kull sena, u kull sena x'qed isir biex fil-fatt jiġu evitati inkonvenjenzi lill-bdiewa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li huwa stmat li hemm biżżejjed kaxxi kemm kbar kif ukoll zgħar fiċ-ċirkulazzjoni. L-ammont ta’ kemm hemm kaxxi attwalment fis-sistema ma jistax jiġi determinat bi preċiżżjoni għar-raġunijiet elenkati fit-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 7336. Huwa wkoll ikalkulat li kull ġimgħa fil-Pitkalija jkun hemm ċirkulazzjoni ta’ madwar 150,000 kaxxa u dan in-numru normalment adekwat għal-ħtiġijiet ta’ kull ġimgħa. Għal rigward ta’ tkissir ta’ kaxxi jien ninsab infurmat li min sena għal sena jitkissru madwar 5,000 kaxxa żgħira u 13,000 kaxxa kbira. Filwaqt li kull sena jiġu mixtrija madwar 20,000 kaxxa kbira u 8,000 kaxxa żgħira li jitqisu biżżejjed biex jagħmlu tajjeb għal dawk il-kaxxi mkissra. Dan jikkonferma li hemm numru sostanzjali ta’ kaxxi li abbużivament huma maħżuna minn bdiewa u xerreja, kif ukoll użati għal ħtiġijiet oħra mhux relatati mal-agrikoltura.

Pitkalija – konsultazzjoni dwar riforma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'konsultazzjoni saret sa issa ma' għaqdiet jew koperattivi tal-bdiewa, għal dak li jikkonċerna r-riforma li qed jingħad li se sseħħ fil-Pitkalija? X'kienu sa issa r-reazzjonijiet li kien hemm minn dawk l-għaqdiet li ġew ikkonsultati, jekk saret konsultazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 7661. Aktar dettalji jingħataw meta jkun il-waqt.

Biċċerija — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi spezzjonijiet saru fil-biċċerija tal-Gvern fil-Marsa, matul l-2013 u l-2014 sal-lum? Minn min saru dawn l-ispezzjonijiet u x'miżuri ntalbu biex ikun jista' jsir titjib fl-istess biċċerija tal-Gvern?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 7332.

Prodotti agrikoli — esperimenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema esperimenti qed isiru preżentement f'kull dipartiment li jaqa’ taħt il-ministeru, għal dak li jirrigwarda l-agrikoltura, għal dak li jikkonċerna prodotti agrikoli ġodda li possibilment jistgħu jibdew jitkabbru f'Malta,?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li x-xogħol ta’ esperimentar dwar tkabbir ta’ prodotti, varjetajiet, metodi ta’ kontrol fuq mard u insetti, metodi ta’ irrigazzjoni, tilqim u introduzzjoni ta’ varjetajiet ġodda huma part and parcel mix-xogħol ta’ kuljum tad-Dipartiment tal-Agrikoltura. Jekk l-Onor. Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi suġġett partikolari, nitolbu jindika fuq xiex jixtieq l-informazzjoni.

Tagħlim dwar l-agrikoltura

Question

Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' kollaborazzjoni qed ikun hemm bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Ministeru li tiegħu hu responsabbli għal dak li jirrigwarda tagħlim ta' suġġetti marbutin ma' agrikoltura? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux maħsub li jkun hemm xi korsijiet ġodda dwar dan is-suġġett, b'riżultat ta' din il-kollaborazzjoni?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għaddejjin diskussjonijiet preliminari bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u s-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tiegħi, sabiex is-sistema tat-tagħlim ta' suġġetti marbutin ma' agrikoltura tiġi mtejba u tkun waħda li verament tirrifletti s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet preżenti u futuri tal-agrikoltura f’pajjiżna.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — top management position

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7496, jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li kienu jokkupaw kariga marbuta mal-ogħla skali fis-servizz pubbliku (skali wieħed sa ħamsa) u fl-entitajiet pubbliċi (skali ekwivalenti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u li l-kuntratt tagħhom jew twaqqaf jew ma ġiex imġedded wara li skada mid-9 ta’ Marzu s’issa? Jista’ jipprovdi l-ismijiet ta’ nies li ġew appuntati għal top management position mid-9 ta’ Marzu s’issa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ta’ Qali – Pitkalija — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7335, filwaqt li nikkonferma li t-talba kellha tkun dwar l-2014 mhux għall-2013, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'taħdidiet saru sa issa dwar ir-riforma tal-Pitkalija u wkoll ma' min saru? Meta hu mistenni li jiġu konklużi t-taħdidiet dwar ir-riforma fil-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li konsultazzjonijiet saru ma’ kull min wera’ interess fuq din ir-riforma. F’dan l-istadju, fejn it-taħdidiet għadhom għaddejjin, mhux fl-interess kummerċjali li jingħataw aktar dettalji.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' ideat u proġetti ġodda li se jitressqu mill-aġenziji, l-awtoritajiet, l-azjendi u l-kumpaniji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex jitwettqu minn fondi Ewropej?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant jekk jogħġoba tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.