Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7723 Sitting 121 1999-06-15 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Palazz ta' San Anton — Fanali

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir x-xogħol ta' manutenzjoni fuq il-fanali li ntużaw fl-embellishment work li sar fl-area tal-Palazz ta' San Anton, Ħ'Attard?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsill Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali interessat.
Leg 9 PQ #6759 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru ta' l-Ambjent — Xiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inxtrawx karozzi ġodda mill-Ministeru tiegħu jew min wieħed mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5, ta' Settembru 1998 'l hawn? Jekk inxtraw, jista' l-Ministru jgħid: (1) kemm laħqet l-ispiża; (2) inħarġitx tender; (3) mingħand min inxtraw; (4) x'marka huma? (5) għal-liema skop inxtraw; (6) minn min qed jintużaw; (7) kemm huma fl-ammont?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma nxtraw l-ebda karozzi ġodda mill-5 ta' Settembru 1998 'il hawn.
Leg 9 PQ #7647 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi — Korsijiet fil-Middle Management

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 7463, jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibdew dawn il-korsijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li diskussjonijiet dwar meta se jibdew dawn il-korsijiet għadhom għaddejjin.
Leg 9 PQ #7710 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment ta' l-Ambjent — Ħlas ta' sahra

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 6971 u ċioe' jista' jara għaliex il-persuna anzjana, li l-partikolaritajiet qed jintbagħtu separatament, għadha ma ħaditx overtime li kienet għamlet mill-1 sat-30 ta' Settembru, 1987 fil-Ġnien ix-Xlejli, l-Gudja bħala watchman tal-PWD?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li ma seta' jinstab l-ebda record li l-persuna li l-partikolaritajiet tagħha ingħataw separatament ħadmet xi overtime tnax-il sena ilu, ċioe bejn l-1 u t-30 ta' Settembru 1987 u ma tħallsitx tiegħu.
Leg 9 PQ #7721 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Fgura — Twessigħ ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex it-talba għat-twessigħ ta' Carmel Street, Fgura (WD 2328/90) ma ġietx implimentata meta l-bini li jrid jitwaqqa' jinstab fi stat strutturali perikoluż u ta' periklu kbir għal min bħalissa jokkupah?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #7499 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Irziezet tal-ħut tal-baħar — Monitoring

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'monitoring qed isir fuq l-effett ta' l-irziezet tal-ħut fil-baħar li għandna diversi nħawi ta' l-ibħra Maltin? Jeżistu rapporti dwar l-effett fuq l-ekosistima ta' l-inħawi fejn hemm dawn l-irziezet? Jista' jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #7420 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Widien — Tindif

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 7057?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Wieħed mill-funzjonijiet ewelenin tal-widien hu li jservu ta' passaġġ għall-ilma li jgħaddi minnhom fl-istaġun tax-xitwa u allura jallevjaw il-problema tal-'flooding' ta' l-inħawi. Barra minn hekk, il-widien iservu ta' "pulmun aħdar" għar-residenti tal-viċin u joffru refuġju għal għadd ta' ħlejjaq indiġeni, ħafna minnhom endemiċi, u għalhekk ta' valur mondjali. L-eżistenza tal-widien, kif nafuhom illum, tiddependi fuq kemm jirnexxilna ngħelbu sfidi bħal per eżempju, ir-rimi ta' skart illegali u żvilupp mhux meqjus. Sfidi oħra jiġu minn interventi mingħajr ħsieb mill-bniedem. Dan jinkludi "tindif" fl-istaġun ħażin u b'makkinarju goff, u tħawwil ta' siġar aljeni li jixterdu u jieħdu post siġar indiġeni. Inħoss għalhekk li jkun kemxejn simplistiku li wieħed jirreferi għal dak li għandu jsir bħala "tindif" tal-widien. Jeħtieġ li qabel ma jsir xi intervent isir studju dettaljat tal-wied partikulari (għax kull wied għandu l-eko-sistema tiegħu) u jitħejja 'management plan' li jiżgura li l-wied jiġi restawrat biex ikompli jservi l-funzjonijiet ambjentali li semmejt aktar qabel. Wara li jkun sar dan kollu jingħata bidu għat-tħaddim tal-pjan, fl-isfond ta' prioritajiet oħra u possibilment bil-kollaborazzjoni tal-Kunsilli Lokali, ta' l-għaqdiet ambjentali u entitajiet oħra. Dan biss jista' jassigura li l-intervent ma jkunx aktar ta' ħsara milli ta' ġid. Is-sezzjoni tal-Ħarsien tal-Habitats fi ħdan id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent hi responsabbli għat-tfassil ta' pjanijiet bħal dawn u xogħol f'dan ir-rigward inbeda f'Wied Għollieqa u f'widien oħra.
Leg 9 PQ #6626 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifikazzjonijiet għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom jagħmel użu ta' mobile phone? 8) kemm hi l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu mill-mobile phones minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Qed nehmeż lista tal-membri kollha tas-Segretarjat tiegħi li turi: (i) il-karigi tagħhom (ii) liema minnhom qegħdin b'kuntratti (iii) it-total tan-nefqa ndividwali bejn Settembru 1998 u Marzu 1999 fuq mobile phones ta' dawk il-persuni li huma ntitolati għall-użu tal-mobile. Nixtieq inżid li kien hemm għad-dispożizzjoni tas-Segretarjat Privat tiegħi mobile phones li l-ispiża tagħhom tlaħħaq is-somma ta' Lm1111.70 (iv) id-data effettiva tal-ftehim li ffirma/t kull wieħed/waħda mill-membri ta' l-istaff skond il-Memorandum 'Engagement of Staff in Private Secretariats' li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Novembru li għadda - liema Memorandum sarulu xi emendi li wkoll ser jitqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġranet li ġejjin. Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant huma kollha konformi ma' dak imniżżel fil-Memorandum, inkluż il-fatt li m'hemm l-ebda persuna ssekondata minn xi organizazzjoni parastatali. Qed inqiegħed fuq il-Mejda, statement li juri xi spejjeż li kienu saru mill-Amministrazzjoni preċedenti fuq mobile phones għall-perjodu Novembru 1996 - April 1997.
Leg 9 PQ #7541 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għall-Ambjent

Kottonera — Investiment

Question

Jista' l-Ministru jindika x'inhu l-ammont ta' investiment f'termini reali li sar fil-Kottonera bejn l-1971 u l-1987? B'mod reali u prattiku, x'kien ir-riżultat ta' dan l-investiment?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #7407 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Rivista "Outlook"

Question

Jista' l-Ministru jinformani kemm swew flus l-artikli fil-ħarġiet diversi tar-rivista "Outlook" li għamel il-Ministeru u/jew dipartimenti, awtoritajiet u kumpanniji parastatali li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-Ministeru tiegħu? Kemm saru artikli fil-fatt u kemm hu mistenni li jsiru aktar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fi ħdan il-Ministeru għall-Ħarsien ta' l-Ambjent se jipproduċi disa' artikli fir-rivista "Outlook". Sitta minn dawn se jiswew Lm400. kull waħda, filwaqt li tlieta se jkunu bla ħlas. Żewġ artikli ġew diġa' ppublikati.
Leg 9 PQ #7448 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Pjazza Sta. Margerita

Question

Jista' l-Ministru jagħti xi time frames dwar kif għandhom ikunu lesti fażijiet differenti tal-proġett ta' Pjazza Sta. Margerita, Bormla?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ewwel fażi tal-proġett ta' Pjazza Santa Margerita tinkludi z-zona ta' quddiem id-dar ta' l-anzjani u l-parkeġġ, u x-xogħol huwa maħsub li jintemm f'Ottubru. Ix-xogħol imbagħad ikompli fix-Xgħajra, fil-parti ta' quddiem il-Kunsill Lokali, u fuq in-naħa ta' Santa Tereża. Ix-xogħol kollu fuq dan il-proġett mistenni jitlesta sa tard is-sena d-dieħla.
Leg 9 PQ #7463 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Diviżjoni tax-Xogħlijiet Pubbliċi — Korsijiet fil-Middle Management

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk din is-sena d-diviżjoni tax-xogħlijiet pubbliċi huwiex beħsiebu jorganizza korsijiet fil-Middle Management bħalma kien sar fi żmien preċedenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet bi ħsiebha torganizza kemm kors ieħor fil-Middle Management bħalma kien sar fi żminijiet preċedenti kif ukoll torganizza kors ta' grad għola għal dawk l-impjegati li temmew b'suċċess l-ewwel kors.
Leg 9 PQ #7473 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għall-Ambjent

Ċirkewwa — Port - Arloġġ

Question

Jaf il-Ministru li l-arloġġ fil-Port taċ-Ċirkewwa ilu ma jaħdem għal żmien twil? Jaf li barra li dan l-arloġġ mhux jaħdem jinsab imgeżwer bi plastic iswed u qiegħed jagħti dehra kerha, speċjalment mal-barranin? Jista' l-Ministru jara li dan l-arloġġ jissewwa jekk inhu possibbli, u jekk le jinbidel ma ieħor addattat aktar għal dak l-ambjent?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #7546 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Ħamrun — Regional Road - Ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux rapport ta' ħsarat li jidher li hemm fil-ħajt tal-mina ta' Regional Road, Ħamrun? Jaf il-Ministru li min jgħaddi mill-istess tunnel jinduna anke bi qtar ta' ilma li jinżel fuq il-karozzi li jkunu għaddejjin? Il-ħajt qiegħed jitmermer bl-ilma li qed jixrob? Qiegħed isir studju fuq il-ħsarat? Jekk iva, x'inhuma u min fejn ġejjin? X'beħsiebu jagħmel il-gvern biex isewwi l-ħsarat?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #7547 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Wied il-Għajn — Public convenience

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif il-public convenience ta' Wied il-Għajn li ilha lesta mill-amministrazzjoni l-oħra għadha ma nfetħitx? X'qed iżomm li din tinfetaħ għal pubbliku meta tant hemm bżonnha f'dik l-area ta' wara l-lukanda Jerma?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-'public convenience' ta' Wied il-Għajn ma nfetħitx minħabba diffikultajiet relatati mal-provvista ta' l-ilma u l-elettriku. Din il-faċilita' pubblika mistennija tinfetaħ fi żmien qasir.
Leg 9 PQ #7548 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Ambjent

Wied il-Għajn/B'Buġia — Xatt

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir ftit maintenance ta' żebgħa fuq il-ħadid li twaħħal fl-amministrazzjoni Laburista max-xatt kollu ta' Wied il-Għajn u max-xatt ta' Birżebbugia għax dan qed issirlu ħsara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tar-railings max-xatt ta' Marsascala u Birżebbuġia ser isir mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet. Mis-sena d-dieħla l-manutenzjoni se tkun responsabbilta' tal-Kunsilli Lokali ta' Marsascala u Birżebbuġia.
Leg 9 PQ #6521 Sitting 115 1999-06-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Garaxxijiet tal-gvern — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 lill-ħaddiema tal-garaxxijiet tal-gvern? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bejn l-1 ta' Jannar 1999 u s-26 ta' April 1999, fil-garaxxijiet tal-gvern saru dawn it-transfers: 1 Senior Tradesman ġie trasferit għad-Dipartiment ta' l-Anzjani. (26/03/99) 1 Technical Officer ġie trasferit għal B.I.C.C. (04/01/99) 1 Senior Technical Officer ġie trasferit għad-Dipartiment tal-Bini u Inġinerija. (24/03/99) Dawn it-trasferimenti saru kollha fuq talba personali ta' l-individwi konċernati.
Leg 9 PQ #6522 Sitting 115 1999-06-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment ta' l-Infrastruttura — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers mill-1 ta' Jannar 1999 sas-26 ta' April 1999 lill-ħaddiema tad-distretti fid-Dipartiment ta' l-Infrastruttura? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-transfers? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb li jsiru aktar transfers fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Bejn l-1 ta' Jannar 1999 u s-26 ta' April 1999 saru dawn it-trasferimenti: 1 General Hand ġie trasferit għad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura. (18/02/99) 1 General Hand ġie trasferit għad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent. (14/04/99) 1 Senior Operative trasferit għad-Dipartiment tal-Manutenzjoni u Kostruzzjoni. (08/02/99) 1 Operative ġie trasferit għas-Sezzjoni tal-Watchmen. (30/03/99) 1 Operative trasferit għad-Dipartiment tad-Drenaġġ. (30/03/99) 1 Messenger ġie trasferit minn Distrett 10 għal Distrett 4. (11/02/99) Dawn it-trasferimenti saru kollha fuq talba personali ta' l-individwi konċernati.
Leg 9 PQ #6572 Sitting 115 1999-06-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru ta' l-Ambjent — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4460, jista' l-Ministru jirrikonsidra r-risposta tiegħu peress li l-pubblikazzjoni ta' l-irċevuti konnessi huma fl-interess pubbliku peress li jikkonċernaw infiq pubbliku?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4460.
Leg 9 PQ #7269 Sitting 113 1999-06-01 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Baħrija — Drenaġġ

Question

B'riferenza għal xogħlijiet li kellhom isiru sabiex jiġi estiż id-drenaġġ tal-Baħrija limiti tar-Rabat, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi? Meta fil-fatt se jibdew ix-xogħlijiet, kemm se jieħdu żmien dawn ix-xogħlijiet u kemm hija kkalkolata n-nefqa?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ fil-preżent qiegħed jikkonsidra tlett (3) possibiltajiet għall-iskema tad-drenaġġ fil-Baħrija. L-ewwel proposta hi li jinbena impjant tad-drenaġġ żgħir għall-Baħrija biss. It-tieni proposta hi li s-sistema tad-drenaġġ tal-Baħrija tiġi mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ ta' l-Imġarr. It-tielet proposta hi li s-sistema tad-drenaġġ tal-Baħrija tiġi mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ tar-Rabat. It-tieni u t-tielet proposti jinkludu l-bini ta' 'pumping stations' kif ukoll 'pressure' u 'gravity' mains.