Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu karozzi impressed miegħu? Jista' jgħid kemm hemm mal-Ministeru jew dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'inhi s-sitwazzjoni ta' dawn il-ħaddiema llum, meta l-gvern kien wegħedhom li se jiġu mpjegati diretti mal-gvern qabel l-elezzjoni?
Response (ZAMMIT, NINU)
In-numru ta' karozzi impressed mal-Ministeru ta' l-Agrikoltura w Sajd hu 12. Dawn huma mqassma kif ġej:
Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi 1
Dipartiment ta' l-Agrikoltura 4
Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji 7
Għat-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jikseb l-informazzjoni mingħand il-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 12254 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent u li ġiet riferuta lilek u cioe': tista' tinformani bir-regoli l-ġodda li jridu jaddottaw il-bdiewa għar-rigward tal-methyl bromide matul is-sena 2000 u 'l quddiem?
Response (ZAMMIT, NINU)
B'effett mis-sena 2000, l-importazzjoni tal-methyl bromide tnaqset b'ħamsa w għoxrin fil-mija (25%). Għaldaqstant it-total ta' l-importazzjoni tal-methyl bromide naqset minn 40 tunnellata għal 30 tunnellata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz għall-ewwel tunnellata Alpha skond il-kuntratt li kien ikopri s-snin 1996, 1997 u 1998?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-prezz minimu garantit miftiehem skond il-kuntratt għall-ewwel tunnellata patata Alpha li ġiet imsiefra minn Malta lejn l-Olanda bejn l-1996 u l-1998 kien ta' NLG26.25 kull xkora ta' 25Kgs 'C & F free out European Port - Antwerp/Hamburg range' għal 5,000 tunnellata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jintużax ilma baħar f'xi produzzjoni ta' xi prodotti tal-Malta Dairy Products? Jekk fl-affermattiv, mil-liema inħawi tal-kosta jinġieb dan l-ilma baħar?
Response (ZAMMIT, NINU)
Iva, l-ilma baħar jintuża għall-produzzjoni ta'l-irkotta. Dan l-ilma jinġieb minn fuq il-moll ta` Marsalforn, minn sit approvat mid-Dipartiment tas-Saħħa. Jittieħdu kampjuni mill-ilma li jkun inġabar u jiġu ttestjati fil-laboratorju tal-Malta Dairy Products qabel ma` dan jintuża għall-produzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus biex jittieħdu l-miżuri mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu biex tiġi evitata l-problema tal-Y2K (Millenium Bug)? Jista' l-Ministru jgħid min kien inkarigat li jagħmel dan x-xogħol u fuq liema kriterji ntgħażel?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu tahtu għandhom software support mill-MITTS li għamlu x-xogħol meħtieġ għal din is-sitwazzjoni wkoll.
L-ispiża għal dan is-servizz biex tigi evitata l-problema għalhekk hija nkorporata f'dik li l-ministeru jħallas kull sena biex jingħata s-support kollu li jkun meħtieg.
Jista' l-Ministru jaġġorna l-informazzjoni ta' mistoqsija parlamentari numru 8855 għall-perijodu sa l-aħħar ta' Diċembru 1999? Jista' jinfurmana bil-programm ta' bini ta' ħitan tas-sejjiegħ li se jsir matul din is-sena sabiex bdiewa jiġu mgħejjuna jirranġaw il-ħitan imġarrfa tas-sejjiegħ li għandhom fl-għelieqi tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minn Ġunju sa Diċembru 1999 saru xogħlijiet ta' bini ta' ħitan tas-sejjiegħ għand il-bdiewa. Id-dipartiment jinsab għaddej bil-proċess biex iżid in-numru ta' ħaddiema f'din is-sengħa, u dan bil-għan li jkun hawn sezzjoni mħarġa għal dan it-tip ta' xogħol. Diġa nbdew xi xogħolijiet ta' tiswija f'toroq prinċipali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz ta' l-ewwel 3000 tunnellata Alpha għas-sena 1999 skond il-kuntratt eżistenti? Jista' jgħid ukoll kemm huwa l-prezz ta' l-ewwel 3000 tunnellata Alpha għas-sena 2000 u 2001 li jkopri l-istess kuntratt? Dawn it-tunnellaġġi huma fuq bażi ta' prezz finali jew prezz minimu garantit?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ħlas għall-esportazzjoni tal-patata Alpha minn Malta bejn l-1999 u 2001 huwa rregolat permezz tal-kuntratt eżistenti li l-Onor. Interpellant kien għaġbu jikkonkludi b'tant ħerqa. Fil-fatt il-prezz minimu garantit għall-ewwel 3,000 tunnellata huwa NLG30.60 kull xkora ta 25Kgs, imwassla fl-imħażen tal-kuntrattur.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-pitkalija qegħdin jidħlu ħxejjex qabel il-ħin, b'dannu għal min idaħħal kaxex fil-ħin? Jista' l-Ministru jara li jekk dan hu każ jieħu azzjoni biex dan ma jsirx?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nassigura lill-Onor. Interpellant li ebda' ħaxix ma' jidħol l-Pitkalija qabel il-ħin stipulat. Narfu wkoll li ma tagħmel ebda' differenza x'ħin jidħol il-ħaxix (bejn it-8.30 a.m. u 1.00 p.m.-it-Tnejn u l-Ħamis, u bejn is-6.30 a.m. u 10.30 a.m.-it-Tlieta u l-Ġimgħa), għaliex il-bejgħ kollu jibda' fl-istess ħin, jiġifieri it-Tnejn u l-ħamis fis-1.30 p.m. u t-Tlieta u l-Ġimgħa fil-11.00 a.m.
Jikkonferma l-Ministru li madwar sena ilu kien sar ftehim mal-kunsill lokali ta' Ħaż-Żabbar biex isiru pjanti f'Misraħ is-Sliem, Zabbar, liema spejjeż kellhom jitħallsu mill-istess kunsill? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, għaliex s'issa la waslu l-pjanti imsemmija u wisq inqas il-ħaddiema mwegħda biex iwaħħluhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninforma lill-Onor. sieħbi li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward l-ibħra territorjali, is-sajd u d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kif jaf l-Onor. siehbi bħalissa qed jiġi ppreparat il-pjan Nazzjonali ta' l-addozzjoni ta' l-Acquis Communitaire. Għaldaqstant dettalji dwar is-suġġett tal-mistoqsija jkunu ippublikati meta jiġi ppublikat dan il-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat li matul l-1999 saru mal-koperattivi tal-bdiewa, raħħala, produtturi, sajjieda u l-agro industrija dwar is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u tibdil li se jġibu magħhom il-liġijiet, regoli u direttivi tal-CAP u CFP f'pajjiżna? Meta saru u x'punti tqajmu mill-koperattivi dwar l-iżvantaġġi li se jiffaċċjaw b'dawn ir-regoli l-ġodda?
Response (ZAMMIT, NINU)
Programm strutturat ta' laqgħat jitfassal hekk kif jitlesta l-Bilateral screening mal-Kummissjoni tal-Komunita' Ewropeja.
Fl-1999 saru diversi laqgħat, ad hoc, kif inħasset il-ħtieġa. Il-punti li tqajmu għandhom jiġu diskussi fid-dettal waqt il-programm ta' laqgħat li sejjer jiġi mfassal flimkien mal-MIC.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qabda tal-pixxispad għas-snin 1995, 1996, 1997, 1998 u 1999? X'kien il-valur u kemm ġie esportat kull sena rispettivament?
Response (ZAMMIT, NINU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 8130.
Inzid illi l-esportazzjoni tul dawn il-ħames snin kienet kif isegwi:
Sena Kg Valur
1995 5834 14906
1996 6458 14328
1997 6616 16 810
1998 20840 57286
1999 20010 48627
Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżultaw problemi tal-Y2K fil-computers u apparat ieħor elettroniku tal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Sal-ġurnata ta' llum ma kien hemm l-ebda problema marbuta mal-Y2K fil-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu. Jidher li l-miżuri li ttiehdu bl-għajnuna tal-MITTS kienu effettivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' butchers li matul l-aħħar ħames snin xtraw ċanga friska mill-biċċerija, sena b'sena sa l-aħħar ta' l-1999? Kemm kien it-tunnellaġġ għal kull sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-informazzjoni għada qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jinfurmana xi programm qed iħejji d-Dipartiment tal-Biedja għall-agrikultura fil-gżejjer għal matul din is-sena? Kemm se jiġu organizzati laqgħat għal beekeepers Maltin u Għawdxin? Kemm huwa n-numru ta' beekeepers reġistrati f'Malta u f'Għawdex fil-mument? X'tip ta' mard ġie reġistrat fuq in-naħal matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jalludi għat-Trobbija tan-Naħal, hemm programm imħejji ta' tifqis ta' rġejjen, li wara li jiġu ppruvati f'dak li hu ammont ta' bajd, ħruxija, saħħa etc., jiġu mogħtija lil dawk il-produtturi li kellhom, jew għandhom il-marda ta' l-American foulbrood, jew Regina waħeda jew Ferħ żgħir (nucleus) b'reġina ġdida. Dawk li jkunu jridu jixtru jagħmlu dan permezz tal-proċeduri normali.
Laqgħat jiġu organizzati minn żmien għal żmien. Saret laqgħa għal dawk li xtraw il-friegħ biex isiru jafu kif għandhom jaġixxu ħalli ma jitilfux kollox. Saret laqgħa oħra għal dawk li xtraw l-irġejjen, biex isiru jafu kif jintroduċuhom. Fis-26 ta' Jannar ta' din is-sena, sejra ssir laqgħa oħra f'Malta, u għaddejjin diskussjonijiet biex issir oħra f'Għawdex fl-istess xahar.
In-numru ta' beekeepers reġistrati f'Malta huwa 142, u dawk f'Għawdex huma 80.
Il-mard reġistrat f'Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar għaxar snin hu kif ġej:
1990 - American Foulbrood, Nosima u Bee paralysis;
1991 - American Foulbrood;
1992 - American Foulbrood, Nosima u Varroa Jacobsnii;
1993 u 1994 - American Foulbrood, Varroa Jacobsnii u Chalk brood;
1995 sa 1999 - American Foulbrood, Varroa Jacobsnii, Chalk brood u Nosima.
B'riferenza għall-ftehim li sar bejn il-Gvern Laburista preċedenti u l-FAO sabiex jiġi attwat programm nazzjonali għall-iżvilupp tal-biedja fil-gżejjer tagħna, irrispettivament minn jekk Malta tkunx membru jew le ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid min kienu l-esperti li ġew Malta mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn, x'rakkmandazzjonijiet għamlu u jekk bdewx jiġu attwati? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti li ssottomettew? Jista' jgħid ukoll x'esperti mistennija jżuru Malta din is-sena, abbażi ta' dan il-ftehim?
Response (ZAMMIT, NINU)
Għall-korrettezza, il-ftehim li sar bejn il-Gvern Laburista preċedenti u l-FAO ma kellux 'l-iskop li jiġi attwat programm nazzjonali għall-iżvilupp tal-biedja fil-gżejjer tagħna, irrispettivament minn jekk Malta tkunx membru jew le ta' l-Unjoni Ewropeja', iżda kien proġett intitolat 'Advice on Selected Agricultural Policy Issues'.
L-esperti li ġew Malta mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienu dawn:
Mr Gerard Gagnon
Mr Dick Quik
Mr Richard Roberts
Mr Paul Munro-Faure
Mr Tomasz Lone
Dawn l-esperti kellhom diversi laqgħat ma' uffiċjali tal-Gvern u ma' diversi rappreżentanti ta' għaqdiet tal-bdiewa, koperattivi u industriji privati.
Dawn l-esperti ma ssottomettew l-ebda rapport individwali iżda huwa mistenni li 'l quddiem jiġi sottomess rapport finali wieħed li jkun jikkomprendi l-pariri tad-diversi esperti.
Għad ma hemm l-ebda pjan ta' viżiti ta' dawn l-esperti għal din is-sena.
Jista'l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' żgħażagħ fid-Dipartiment tal-Biedja, Sajd u Akwakultura li se jmorru għal taħriġ barra minn Malta matul din is-sena sabiex jaġġornaw u jitħarġu aktar fl-aħħar żviluppi li saru fis-setturi rispettivi? Kemm huwa l-vot tal-Ministeru għal dan il-għan?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Ministeru jieħu ħsieb li jibgħat żgħażagħ mid-Dipartimenti li jaqgħu taħtu kull darba li tinħoloq xi opportunita' biex dawn imorru jitħarrġu barra minn Malta.
Fil-preżent 'Scientific Officer' mid-Dipartiment tas-Sajd u Akwakultura qiegħda tagħmel kors qasir dwar l-Impatt Ambjentali fuq 'Fish Farms' fil-Mediterran. Il-Quddiem se jintbagħtu uffiċjali żgħażagħ oħra mill-istess dipartiment biex jagħmlu korsijiet qosra dwar it-Tonn.
Il-vot tal-Ministeru għal taħriġ f'Malta u barra huwa ta' Lm5000 iżda xi drabi jinħolqu wkoll opportunitajiet ta' boroż ta' studju.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12172, jista' l-Ministru jinfurmana kemm saru laqgħat mal-koperattivi tas-sajjieda u mas-sajjieda sabiex jiġi spjegat lilhom il-progress li sar rigward l-industrija tas-sajd fil-GFCM? Meta saru u x'punti ġew proposti mis-sajjieda u/jew mill-koperattivi tagħhom?
Response (ZAMMIT, NINU)
Minħabba li d-diskussjoni prinċipali fil-GFCM hija fuq il-budget awtonomu ma hemmx x'jiġi diskuss mas-sajjieda. Peres li fl' 24 Laqgħa anwali li saret f'Ġunju 1999 ma kienx hemm quorum, ma ħadux deċiżjonijiet u d-diskussjoni prinċipali kienet fuq kif ser jinasam il-budget awtonomu.
Din id-diskussjoni ser titkompla f'Malta fil-25 Laqgħa anwali f'Ġunju li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'rigali fl-okkażjoni tal-Milied 1999 u l-bidu tas-sena 2000 mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu separatament? Jista' l-Ministru jgħid f'kull każ lil min ingħataw dawn ir-rigali? Jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex ingħataw dawn ir-rigali lil dawn l-individwi?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ma ngħataw ebda rigali minni lil xi individwi fl-okkażjoni tal-Milied 1999 minħabba l-kariga tiegħi. Barra minhekk, ninsab infurmat li l'anqas jirriżulta li ngħata xi rigal għall-istess okkażjoni mill-Uffiċċju tiegħi.