Legislature:
Category:
Reset
Active:

Boarder inspection point — Uffiċjali/spetturi tal-UE

Question

Jista' il-Ministru jinformani bl-aħħar żviluppi taż-żjara li għamlu l-uffiċjali/spetturi tal-UE fil-boarder inspection point? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' l-ispezzjoni li saret?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li sa llum il-ġurnata għadu ma sarx rapport f’dan ir-rigward.

Industrija lokali tat-tjur

Question

Jista' il-Minsitru jinformani jekk il-prezzijiet ta' l-industrija lokali tat-tjur humiex fil-preżent kompetittivi ma' industriji tat-tjur oħra fl-UE? Jekk le, kemm huma l-marġini tad-differenza li teżisti u x'qed jagħmel il-gvern sabiex jassigura li jgħin lil din l-industrija lokali tegħleb id-differenza in kwestjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kompetizzjoni ma' prodotti tat-tjur minn pajjiżi oħrajn ta' l-Unjoni Ewropea tiddependi minn diversi fatturi u mhux neċessarjament dawk relatati ma' l-istruttura ta' l-ispejjeż. Li hu ċert hu li l-prodott lokali għandu vantaġġ meta jinbiegħ bħala frisk u għandu jiġi apprezzat aktar mill-konsumatur lokali.

Bajd tal-flieles

Question

Jirriżultalu l-Ministru li fis-sena 2004 bejn importazzjoni ta' bajd tal-flieles u perent stock lokali pajjiżna rabba 5.7 miljun fellus? Jekk fin-negattiv, jista' jinformani bid-dettal preċiż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-figura ta' 5.7 miljun hija ta' bajd tat-tifqis tas-simna u mhux ta' flieles. In-numru ta' flieles imfaqqsa fis-sena 2004 minn dan il-bajd huwa skond it-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari Numru 10343.

Bajd tal-flieles

Question

Jirriżultalu l-Ministru li fis-sena 2003 bejn importazzjoni ta' bajd tal-fellus u perent stock lokali, pajjiżna rabba 7.5 jew 7.8 miljun fellus? Jekk le, jista' jinformani bid-dettal preċiż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Li timporta numru ta' bajd għat-tifqis ma jfissirx li ser ikollok l-istess numru ta' flieles. Dan jiddependi minn ħafna fatturi. In-numru ta' flieles li ġie rreġistrat li tfaqqsu kien ta' 5,791985 (5.8 miljun).

Affarijiet Rurali u Ambjent — Ħaddiema

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ma' kumpanniji/entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li għandhom iktar minn 61 sena? Min huma? Kemm hemm minnhom li qegħdin b'xi forma ta' kuntratt jew huma konsulenti? X'remunerazzjoni u/jew allowance għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tħaddem magħha żewġ impjegati li għandhom iktar minn 61 sena. Dawn huma Jean de Conti Manduca u Evelyn Pisani. It-tnejn qegħdin fuq kuntratti definiti ta' sena u għandhom kundizzjonijiet skond il-ftehim kollettiv. Is-salarji u allowances annwali huma hekk kif ġej: Isem Kunjom Grad Rimunerazzjoni / Allowances Jean De Conti Manduca Sanitary Engineering Officer Lm 9,250 fis-sena, u car allowance ta’ Lm 1,240 fis-sena. Evelyn Pisani Impjegata f’pożizzjoni ta’ Segretarja Lm 6,212 fis-sena u kondizzjonijiet oħrajn skond il-ftehim kollettiv Il-kumpanija Wasteserv Malta Limited m’għandha l-ebda impjegati li għandhom iktar minn 61 sena.

MEPA — Spezzjonijiet fuq siti ta' korruzzjoni

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq siti ta' kostruzzjoni s-sena li għaddiet? Kemm-il darba twaqqaf xogħol li kien qed isir? F'liema nħawi u x'kienu r-raġunijiet prinċipali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena li għaddiet l-uffiċċjali ta' l-infurzar ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għamlu 10,650 spezzjoni (monitoring) fuq deċiżjonijiet li ttieħdu dwar applikazzjonijiet għal żvilupp. Matul l-istess sena, inħarġu total ta' 1,021 Avviż ta' Twettieq.

Sajjieda — Għajnuna

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni - dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament - sal-lum għadhom ma ġewx informati meta se jieħdu l-għajnuna konċessa lis-sajjieda u lanqas jekk effettivament humiex se jirċievu din l-għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kuntratti kollha li s-sajjieda ffirmaw għall-għajnuna qegħdin jiġu pproċessati, u l-ħlasijiet joħorġu meta dan il-process ikun iffinalizzat.

Xgħajra — Triq Wied Glavan - bini ta' ċint

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6929, jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu sal-lum mill-awtoritajiet konċernati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għada l-istess. Ir-Reġistru ta' l-Art u d-Dipartiment ta' l-Artijiet infurma lill-Awtorità li l-art imsemmija mhijiex irreġistrata, għalhekk is-sid m'huwiex magħruf.

MEPA

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qed tieħu l-MEPA biex tħares l-ambjent naturali u l-wirt storiku li hemm fl-inħawi ta' l-Imġarr u żgur jinqered jekk taċċetta l-applikazzjoni - dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament - u li dwarha qed joġġezzjonaw il-ġirien u l-kunsill lokali ta' l-Imġarr?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tiġi deċiża a bażi tal-policies kollha relattivi.

Żwejra l/o Naxxar — valur tal-minerali

Question

Jista' il-Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari 10530 u cioe' jgħid kemm ikkwantifika l-valur tal-minerali li qed jitneħħa miż-Żwejra, limiti tan-Naxxar? Jista' jgħid fejn qed jintefa' dan il-materjal?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-valur tal-minerali li qed jitneħħa minn ta’ Żwejra ma kienx għadu ġie stabbilit meta nħareġ it-tender għat-tqattigħ. F’dan it-tender­ kien speċifikat li kull min hu nteressat biex jitfa’ offerta kellu jinvestiga l-kwalità ta’ dan il-materjal hu stess, għax ir-responsabbilta’ għall-materjal kienet se tibqa’ tiegħu rrispettivament jekk il-materjal kienx tajjeb jew le. B’hekk, f’dak l-istadju r-riskju li l-kwalita’ tal-blat setgħet kienet inferjuri kien ugwali għal kulħadd. Għaldaqstant, il-valur tal-minerali seta’ biss jiġi stabbilit wara s-sejħa għall-offerti u li għalih hemm referenza fil-Mistoqsija Parlamentari nru. 10529.

MEPA — Mineral resources assessment report

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10531 u cioe' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra r-riżultati jew l-istatements kollha li kienu saru fil-mineral resources assessment report li ġie kkummissjonat mill-MEPA dwar il-blat li hemm fl-Għallis?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-‘Mineral Resources Assessment’ ikkummissjonat mill-Awtorità ta’ l-Ippjanar ġie ffinalizzat f’April 1996. Dan l-Assessment stabbilixxa li l-kwalità tal-blat fiż-żona ta’ l-Għallis jirrikjedi aktar investigazzjoni minħabba l-potenzjal tal-kwalità tiegħu. Ir-riżultati ta’ dan ir-rapport qegħdin jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Għal dan il-għan, parti mit-terms of reference ta’ l-Environment Impact Assessment (EIA) li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) talbet li jsiru fuq il-proġett tal-Għallis kienet tirrikjedi li l-ġeoloġija f’din iż-żona tiġi studjata b’mod aktar dettaljat. Fil-fatt saru 12-il borehole fl-Għallis sabiex tiġi ddeterminata l-kwalita’ tal-materjal li hemm. Ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ jifforma parti mid-Draft Environment Impact Assessment (EIA) li għadu kif ħareġ għall-konsultazzjoni. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal dan l-Environment Impact Assessment (EIA), li huwa dokument diġa pubbliku.

Żwejra l/o Naxxar — Tħaffir

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10529 u cioe' jgħid min tefa' l-offerti għat-tender għat-tħaffir li qed isir fiż-Żwejra, limiti tan-Naxxar? Jista' jgħid kemm kienu jammontaw dawn l-offerti? Jista' jgħid jekk it-tehid tal-materjal li jiġi mħaffer ġiex ikkwantifikat fl-offerti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Biċċerija — Linja tal-majjal

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat li jikkonferma li linja tal-majjal fil-biċċerija hija konformi mar-regoli kollha tal-UE? Meta ngħata dan iċ-ċertifikat u minn liema dipartiment tal-UE?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-linja tal-majjal tal-biċċerija hija approvata mid-Dipartiment ta' l-Ikel u Diagnostika fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Ikel u Attività Veterinarja. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Food and Veterinary Office ta' l-Unjoni Ewropea jagħmel audit tad-dipartimenti lokali, liema audit ikun qiegħed japprova u jagħti awtorità lill-Uffiċjali lokali li huma stess japprovaw stabbilimenti lokali ta' l-ikel.

Biċċerija — Laħam taċ-ċanga

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikat li jikkonferma li l-biċċerija taċ-ċanga hija konformi mar-regoli kollha tal-UE? Meta ngħatat dan iċ-ċertifikat u minn liema dipartiment tal-UE?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10362.

Proċessuri tat-tjur

Question

Din is-sena, kemm mill-proċessuri lokali tat-tjur huma ċertifikati li huma konformi mar-regoli tal-UE mill-UE stess? Meta ngħataw dawn iċ-ċertifikati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li d-Diviżjoni ta' l-Ikel u Attività Veterinarja tagħti l-approval lil stabbilimenti ta' l-ipproċessar lokali, u mhux l-Unjoni Ewropea stess.

Proċessuri tat-tjur

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-proċessuri lokai tat-tjur li sal-lum għadhom ma kkwalifikawx sabiex ikunu konformi ma' l-istandards stabiliti sabiex jingħataw iċ-ċertifikat tal-UE għar-rigward ta' l-attivita' industrijali tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proċessuri lokali tat-tjur għamlu investiment qawwifix-xhur li gġħaddew bl-għajnuna wkoll tal-Gvern biex jilħqu l-istandards li titlob l-Unjoni Ewropea skond program maqbul mad-Diviżjoni ta' l-Ikel u Affarijiet Veterinarji. Dan il-programm jikkonforma ma' l-esiġenzi ta' l-Unjoni Ewropea u għal dawk il-proċessuri inklużi f'dan il-programm qed jiġi mwettaq skond il-kriterji mitluba mill-istess Unjoni Ewropea.

Proċessuri tal-majjal

Question

Din is-sena, kemm mill-proċessuri lokali tal-majjal huma ċertifikati li huma konformi mar-regoli tal-UE mill-UE stess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi għat-tweġiba li nagħtat għal Mistoqsija Parlamentari numru 10365.

Proċessuri tal-majjal

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-proċessuri lokali tal-majjal li sal-lum għadhom ma kkwalifikawx sabiex ikunu konformi ma' l-istandards stabbiliti sabiex jingħataw iċ-ċertifikat tal-UE għar-rigward ta' l-attivita' industrijali tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proċessuri lokali tal-laħam tal-majjal għamlu investiment qawwi fix-xhur li għaddew bl-għajnuna wkoll tal-Gvern biex jilħqu l-istandards li titlob l-Unjoni Ewropea skond programm maqbul mad-Diviżjoni ta' l-Ikel u Affarijiet Veterinarji. Dan il-programm jikkonforma mal-eżigenzi ta' l-Unjoni Ewropea u għal dawk il-proċessuri inklużi f'dan il-programm qed jiġi mwettaq skond il-kriterji mitluba mill-istess Unjoni Ewropea.

Ta' Qali — Park

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10143, jista' il-Ministru jgħid x'kien ix-xogħol li sar kull sena mill-2000 fil-park nazzjonali ta' Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fis-sena 2000, sar progress fis-sistema tat-tindif, speċjalment ta’ nhar ta’ Tnejn wara li l-post ikun ġie wżat fi żmiem il-ġimgħa, bħal ‘Carboot Sales’, is-suq tal-monti, kif ukoll ‘fieri’. Kienu ntrodotti diversi ‘picnic tables’ f’siti li jkunu ffrekwentati biex isiru ‘l-picnics’. Fis-sena 2001, sar xogħol f’sit li kien abbandunat u li kif tlestiet l-ewwel fażi tiegħu, ġie organizzat, proprju għall-ewwel darba f’Lulju, il-‘Farsons Beer Festival’.fejn tħawwlu aktar minn 100 siġra tal-Ballut u Prinjol. Fis-sena 2002, ġie rregolarizzat u ri-allokat is-suq tal-monti. Fejn jidħol ippjanar, saru dettalji tal-‘Crafts Village’ il-ġdid, kif ukoll pjanti għall-iżvilupp ta’ diversi partijiet oħra ta’ Ta’ Qali. Fis-sena 2003, tkompla t-tħawwil ta’ siġar fis-sit imsejjaħ ‘Roots Circle’ jew ‘Iċ-Ċirku tan-Nisel’, kif ukoll fil-‘Picnic Area’. Beda xogħol estensiv ukoll bl-inġenji, għall-estensjoni taċ-‘Ċirku tal-Ballut’. Beda wkoll xogħol ta' tisbiħ tan-‘North-West Boundary Road’. Fis-sena 2004, tlesta l-kumplament tal-proġett 'Iċ-Ċirku tal-Ballut’, fejn b’kollox tħawwlu 200 siġra tal-Ballut u 500 siġra oħra fosthom tal-‘Prinjol’, ‘Ta’ Ġuda’ u ‘Ċipress’. Dan ġie uffiċjalment inawgurat mill-Onorevoli Prim Ministru proprju fl-14 ta' Jannar 2005, f''Jum is-Siġar'. F'din l-okkażjoni ġew esebiti l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-kumplament ta' Ta' Qali, skond il-proposti mfassla mid-dipartiment tal-Parks, Afforestazzjoni u Restawr tal-Kampanja (P.A.R.K.s). Matul l-2004, l-entratura tal-‘Formal Garden’, ġiet ukoll imsebbħa bi tħawwil ta’ aktar minn 200 siġra taċ-‘Ċipress’ u 6,000 pjanti żgħar li jagħmlu l-fjuri. F’żoni oħra bħan-‘North-West Boundary Road’ u l-‘Picnic Area’, ġew imħawlin 150 siġra oħra w 500 arbuxelli. Barra minn hekk, fis-sena 2004, tkompla x-xogħol ta’ manutenzjoni li għal din is-sena kien ikopri mhedda ta’ 103,000 metru kwadru, waqt li nbnew ħitan tas-sejjiegħ li jammontaw għall-1,788 metru.