Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lands — Fond tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-fond kummerċjali tal-gvern qed jinbiegħ b'dak il-prezz meta ftit ta' żmien ilu fond ħdejn l-istess post inbiegħ bi prezz ferm orħos? Dettalji qed jintbagħtu separatament.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-kumpless indikat ma jirriżultax illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qatt biegħet xi fondi kummerċjali. Għalkemm kien hemm żewġ inkwilini li kienu talbu biex jixtru l-fondi kummerċjali mikri lilhom, dawn iż-żewġ inkwilini ma komplewx bit-talba tagħhom.

Ġustizzja u Intern — Kiri ta' Karozzi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet matul l-2005?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għases tal-Pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn għases tal-pulizija f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid x'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' kull għassa u x'inhu l-complement ta' kull għassa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent, b'kollox il-Korp tal-Pulizija għandu 56 Għassa f'Malta u 20 f'Għawdex. L-Għases prinċipali kollha jinżammu miftuħa l-ħin kollu, filwaqt li l-oħrajn jista' jkun li jingħalqu temporanjament meta l-preżenza tal-pulizija li jkun xogħol f'dik l-Għassa tkun meħtieġa x'imkien ieħor barra mill-Għassa. Hemm ukoll xi għases f'lokalitajiet ta' villeġġatura, bħal l-għases ta' l-Għadira u dak ta' Lapsi, li jinfetħu biss fix-xhur tas-sajf. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi fil-preżent hemm madwar 570 membru tal-Korp li huma assenjati xogħol fuq beat duties fid-Distretti fejn hemm dawn l-Għases.

Private Investigators

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm nies liċenzjati bħala private investigators f'Malta? Jista' jgħid kif ir-rwol ta' investigatur privat ġie quddiem il-liġi bħala riżultat tad-Data Protection Act? Kif qiegħed jiġi regolat bil-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 13 l-aġenzija ta' gwardjani privati li huma liċenzjati sabiex jipprovdu servizzi ta' investigazzjoni privata skond l-Att dwar Gwardjani Privati u Lokali (Cap 389). Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jirreferi lill-Ministru kkonċernat.

Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu rrapportati kollużjonijiet/inċidenti tat-traffiku fi Triq il-President Anton Buttigieg, Żejtun f'dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? X'tip ta' kolliżjonijiet kienu? F'kemm minn dawn l-inċidenti kien hemm persuni li korrew? Kemm kien hemm każi fatali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kolliżjonijiet/inċidenti tat-traffiku fi Triq il-President Anton Buttigieg, Żejtun li ġew irrapurtati lill-Pulizija matul dawn l-aħħar ħames snin kienu kif ġej: Sena Fatali B'korrimenti Bla korrimenti 2001 0 1 19 2002 1 6 17 2003 0 2 22 2004 0 2 6 2005 0 5 3 2006* 0 1 1 *sa l-aħħar ta' Frar. Ta' min ifakkar illi mill-1 ta' Marzu 2004, inċidenti tat-traffiku fejn ma jkunx hemm persuni mweġġa' jew ħsara fi proprjeta' pubblika, bdew jiġu rrapurtati lill-Gwardjani Lokali. Dwar rapporti ta' kolliżjonijiet/inċidenti lil dawn ta' l-aħħar ninsab infurmat illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Liċenzja għal warden

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għamlet kors ta' warden, l-awtoritajiet għadhom ma ffirmawx biex ikollha liċenzja biex taħdem bħala warden?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi permezz ta' ittra mibgħuta mill-Kummissarju tal-Pulizija nhar l-14 ta' Diċembru 2004, il-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kienet ġiet infurmata li t-talba tagħha ma setgħetx tkun milqugħa minħabba li ma kelliex il-kwalifiki meħtieġa skond ir-Regolamenti.

Twaqqiegħ ta' garage privat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu garage li dettalji dwaru wkoll qed jintbagħtu separatament, li hu earmarked għat-twaqqiegħ qalulu mid-dipartiment konċernat li mhuwiex intitolat għal garage alternattiv wara li jitwaqqa' il-garage tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proġett li rrefera għalih l-Onor. Interpellant huwa proġett tal-Awtorita' tad-Djar u għalhekk huwa mitlub li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Għawdex — Diskoteki

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw permessi għal diskoteki ġewwa Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jindika lil min ingħataw u d-data? Jista' jgħid x'kundizzjonijiet ġew imposti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-liċenzji tan-negozju imsemmija, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Espropriazzjoni ta' biċċa art

Question

Issir riferenza għar-risposta li ta l-Ministru fis-17 ta' Settembru 2002, għall-mistoqsija parlamentari 35465 magħmula mill-Onor. Anthony Abela. B'riferenza għal dik id-domanda l-Ministru assigura lill-Kamra li s-sezzjoni ta' l-infurzar ta' l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet avviż biex tieqaf u ta' twettiq b'riferenza ECF 11720/01. Int għarraft lill-Kamra li l-azzjoni ttieħdet għaliex sar ksur ta' kundizzjoni tal-permess relatat PA1514/01, u dan talli ma ġietx miftuħa t-triq qabel ma nbeda x-xogħol permessibbli. Għarraft ukoll lill-Kamra li f'dan il-każ id-dipartiment ta' l-artijiet ma jesproprjax proprjeta' li tiġi f'dik il-parti tat-triq li qiegħda quddiem art li ġiet żviluppata, dan anke biex ma jippremjax finanzjarjament lil min ikun kiser il-kundizzjonijiet tal-permessi tal-bini. Jaf il-Viċi Prim Ministru illi kuntrarjament għal dak li huwa stqarr fil-Parlament ħarġet esproprjazzjoni ta' l-art in kwestjoni fit-18 ta' Ġunju 2003, gazzetta tal-gvern 19 Ġunju 2003, Nru 516, Akkwist ta' l-Art? Jidhirlux illi għaldaqstant mela li ġie ppremjat dak il-persuna li kisret il-kundizzjonijiet tal-permess tal-bini? Jafx in effetti li din il-persuna tħallset Lm15,000 u tħallset ukoll is-somma ta' Lm8,664.50 lill-kuntrattur li ġie inkarigat mill-ADT, ammont ta' flus li suppost ħallashom il-persuna indikata? B'hekk il-persuna indikata, kontra dak li wegħidt inti stess, ġiet ippremjata globalment is-somma ta' Lm23,664.50. X'passi beħsiebu jieħu l-Viċi Prim Ministru dwar dan il-każ ċar ta' neputiżmu jew korruzzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi huwa vera li ttieħdet azzjoni għaliex sar ksur ta' kundizzjoni tal-permess relatat PA1514/01 talli ma ġietx miftuħa t-triq qabel ma nbeda x-xogħol permessibbli u illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet ma jesproprjax proprjeta' li tiġi f'dik il-parti tat-triq li qegħda quddiem art li ġiet żviluppata. Pero' minħabba talba minn għadd ta' residenti fl-istess triq li ma setgħux jgħaddu s-servizzi tad-drenaġġ u tal-mains ta' l-ilma billi kien hemm struttura fl-istess triq, li kienet residenza ta' persuna, id-Direttorat tat-Toroq għamel talba lid-Dipartiment ta' l-Artijiet biex issir esproprjazzjoni ta' l-art in kwistjoni u sussegwentament jitħallas il-kumpens. Dan l-esproprju ħareġ permezz ta' Avviż Nru. 516 fil-Gazzetta tal-Gvern tat-18 ta' Ġunju 2003.

Vintage cars — Safety belts

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega għaliex karozzi vintage jew karozzi li nħarġu ferm qabel li ma kienux joħorġu bis-safety belts, qegħdin jiġu kostretti mill-pulizija tat-traffiku fejn dawn qegħdin jesiġu li jkunu bis-safety belt jew jiġu stallati safety belts li minħabba f'hekk qegħda ssir ħsara lill-istess vetturi u agħar minn hekk dawk li qegħdin jiġu stallati mhumiex ta' kwalita' li huma aċċettabbli mill-istess pulizija tat-traffiku? Jidhirlu l-Viċi Prim Ministru li dawn it-tip ta' vetturi għandhom jitħallew mingħajr is-safety belts kif ħarġu mill-fabbrika oriġinarjament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi l-Pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku għandhom xi struzzjonijiet jew qed jieħdu xi azzjoni kif imsemmi.

Dfin ta' feti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17542, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema ċirkostanzi joħroġ il-permess ta' dfin ta' feti mill-pulizija msemmi fil-mistoqsija msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-permess tad-dfin, ai termini ta' l-artikolu 141 tal-Kapitolu 10, jinħareġ mill-Pulizija wara li jkun ippreżentat iċ-ċertifikat tal-mewt maħruġ minn tabib. F'każ li l-mewt tkun suġġett ta' Inkjesta Maġisterjali, ikun ukoll meħtieġ li jkun hemm l-awtorizazzjoni tal-Maġistrat Inkwirenti.

Għawdex — Villa Rundle

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17522 u r-risposta relattiva, peress li skond dik ir-risposta l-kuntratt imsemmi ġie ffirmat fis-7 ta' Frar 2006 u peress li l-kmamar/garaxxijiet imsemmija twaqqgħu ħafna qabel dik id-data, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern tax l-approvazzjoni tiegħu minn qabel u jekk il-parti ta' l-iżvilupp li tolqot dawn il-garaxxijiet kenux koperti bil-permess tal-MEPA?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma tat l-ebda permess sabiex il-garaxxijiet jitwaqqaw qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt. Infurmat ukoll li l-parti ta' l-iżvilupp li tolqot dawn il-garaxxijiet kif ukoll il-garaxxijiet li jridu jinbnew fix-Xewkija bħala alternattiva, huma koperti bil-permessi tal-MEPA (PA5117/04 u PA5626/04).

Rabat, Għawdex — Villa Rundle

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17522, peress li parti mid-domanda kienet tikkonċerna dwar il-ground tal-football u li ma ġietx risposta jew imsemmija fir-risposta, jista' allura il-Viċi Prim Ministru jirrispondiha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sa issa t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma tat l-ebda permess sabiex isiru xogħlijiet fil-ground tal-football, pero' hemm talba lill-MEPA ħalli issir shifting tal-football ground u l-gvern ma oġġezzjonax għaliha.

Reġistru tal-Qorti

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb għalfejn għadhom ma sarux il-proċeduri neċessarji minn naħa tar-Reġistru tal-Qorti ħalli tiġi sbankata s-somma ta' eluf u erbgħa u disgħin lira Maltin u erbgħa u sittin ċenteżmu (Lm1,094.64c) bħala drittijiet ta' l-avukati u l-prokuratur legali tal-parti li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għalkemm il-konsulenti legali tal-partijiet konċernati taw il-kunsens tagħhom bil-miktub ħalli jsir dan u kif għadu sa llum ma ġiex affettwat il-ħlas relattiv?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-iżbank in kwistjoni ma setax isir billi kien hemm oġġezzjoni minn terz kreditur.