Legislature:
Category:
Reset
Active:

Welfare — Budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mis-somma ta' Lm783,000 miżjuda mal-budget tal-Welfare for the Elderly & Community Services ser tmur għall-Adult Training Centres?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li ż-żieda fil-Budget ta' Lm783,000 hi ndirizzata għad-Dipartiment ta' l-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' kollha u dawn il-flus jitqassmu skond il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-klijenti sew anzjani kif ukoll persuni b'diżabilita'.

ETC

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq Part 1 u Part 2 separatament għax-xhur Novembru, Diċembru 2001 u Jannar 2002? Jista' jaqsamhom lokal b'lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li tkun ħadmet xogħol part-time biss tul ħajjitha, hiex intitolata għall-pensjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-fatt li persuna taħdem part-time mhux neċessarjament ifisser li ma tkunx obbligata li tħallas il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. Persuna li tħallas dawn il-kontribuzzjonijiet regolarment normalment ikollha dritt għal pensjoni kontributorja skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Peress li kull talba għall-pensjoni tinħadem fuq bażi personali, fost ħwejjeġ oħra skond in-numru ta' kontribuzzjonijiet imħallsa, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna li għamel referenza għaliha li tavviċina lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex tikkjarifika l-każ tagħha.

Tranġar ta' Residenzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jiġux rifonduti l-Lm 20 inizzjali li jħallsu applikanti għal għotijiet biex jirranġaw ir-residenza tagħhom, wara li ssir l-istess għotja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nittama li l-Onor. Interpellant qed jifhem li l-għotja li tingħata tissupera sostanzjalment l-ammont imħallas ma' l-applikazzjoni u għalhekk m'hemmx lok ta' rifużjoni.

Ħaddiema taċ-Ċivil

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna hawn taħt indikata li spiċċat bil-pensjoni f'Marzu 2001, għadha ma irċeviet ebda żidiet relatati mar-re-organizzazjoni tal-ħaddiema taċ-ċivil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ tal-persuna ndikata minnu ġie investigat u l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.

Dipartiment tas-Servizzi Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali ma laqgħax it-talba għal għajnuna tal-mard lill-familja li d-dettalji jintbagħtu separatament

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx applikazzjoni għal-Għajnuna tal-Mard u għalhekk il-persuna msemmija ġiet infurmata biex tapplika għal din l-Għajnuna.

Pensjoni

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni jekk il-persuni li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar in-nuqqas ta' bolol li ser jaffetwaw il-pensjoni? Jista' dan is-sinjur jiġi infurmat bl-aħħar żviluppi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet mitluba tipproduċi dokument meħtieġ mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex il-każ jiġi nvestigat.

Dar ta' l-Anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-dar tal-anzjani ta' Bormla? Minn liema lokalita ġejjin? Kemm hemm persuni, skond il-lokalita', li inkitbu sabiex jdħlu f'din id-dar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla hemm 106 resident/a filwaqt li hemm 105 applikant/a jistennew biex jidħlu f'din id-Dar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba.

Skola Primarji ta' Bormla

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid peress li l-ground ta' l-iskola Primarja ta' Bormla itteħditlu biċċa minnu u peress li din il-parti tħalliet abbandunata, jista' jikkunsidra li dan il-ground żgħir li kien jitġawda ħafna miż-żagħżagħ ta' Bormla, jerġa jinġieb għall-istat li kien fih qabel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Aġenzija Appoġġ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienu rrapurtati każijiet ta' swat fid-dar lill-Aġenzjia Appoġġ matul is-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul is-sena 2001, is-servizz ta' vjolenza domestika fi ħdan l-aġenzija APPOĠĠ, irċieva 472 rapporti ta' każijiet ta' swat fid-dar. Is-servizz ta' shelter L-Għabex kellu ukoll 85 każijiet irreferuti.

Barranin Miżżewġin Maltin

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn barranin miżżewġin Maltin li qed jirreġistraw għax-xogħol. Ta' liema nazzjonalista huma? Kemm minnhom qegħdin fuq relief illum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' barranin miżżewġin Maltin li qed jirreġistraw għax-xogħol f'Malta u Għawdex hu ta' 105. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-nazzjonalita' tagħhom. Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' persuni ta' nazzjonalita' barranija li qed jirċievu l-assistenza dwar diżimpjieg hu ta' 14.

Housing

Question

Jista' l-Ministru, b'referenza għall-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin under separate cover li hija nieqsa mid-dawl, bla id u mingħajr sieq, u li tabita fir-raba sular ta' blokk flats u li biex tingħata l-kura bi tbatija kbira, titniżżel it-taraġ tlett darbiet f'sena: a) jara li jsir studju dwar jistax jiġi installat lift b) fin-nuqqas, jintervjeni sabiex din il-persuna tiġi allokata fond fi pjan terran?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar ma rċevietx applikazzjoni għall-installar ta' lift fl-indirizz indikat mill-Onor. Interpellant. B'dankollu l-Awtorita' ser tispezzjona l-blokk indikat biex jiġi stabbilit jekk hux possibbli li jkun installat lift. Jekk minn din l-ispezzjoni jirriżulta li dan hu possibbli, l-persuna ndikata tkun mitluba tagħmel applikazzjoni taħt Skema V. Dwar it-talba għall-allokazzjoni ta' post alternattiv fi pjan terran, infurmat li t-talba qed tkun ikkunsidrata iżda hu diffiċli li d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali jkollu disponibbli post ground floor f'Birżebbuġia, kif qed jitlob l-applikant.

Housing

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru, b'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 27441, jindika x'inhi r-raġuni li l-applikant għadu mingħajr akkomodazzjoni għalih u familtu u qed jgħix f'periklu kontinwu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Shutterers

Question

JIsta' l-Ministur jgħid kemm hemm vacancies għall-post ta' shutterers skond it-trainership scheme mfassla mill-ETC riċentament u li għaliha applikaw madwar 400 persuna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li Special Traineeship Scheme for the Construction Industry li tnediet mill-ETC u l-Federation of Building Contractors (FOBC) hu maħsub li tirrekluta 100 parteċipant. L-għażla finali ta' min jidħol fl-iskema hi tal-kuntratturi li ser jimpjegaw magħhom lill-parteċipanti fl-iskema. L-ETC qed tibgħat uffiċċjali tagħha biex tosserva l-proċess tal-għażla ta' dawn l-applikanti.

Persuni li Spiċċaw Bla Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li spiċċaw bla xogħol għax għalqu l-fabbriki li kienu jaħdmu fihom matul is-snin 2000, 2001 u 2002?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li, skond il-lista ta' fabbriki li għalqu matul is-snin 2000, 2001 u din is-sena, provduta mill-M.D.C. u li kienet telenka biss fabbriki tal-manifattura, in-numru ta' persuni li spiċċaw mix-xogħol għax għalqu l-fabbriki li kienu jaħdmu magħhom kien ta' 104.