Wara li tħabbar uffiċjalment min-negozjatur ewlieni ċiprijott li l-proċess ta' armonizzazzjoni għal sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea se jiswa lil Ċipru bejn 2-3% tal-GDP annwali għal erba' snin li ġejjin, jista' l-Ministru jgħid jekk sarx kalkolu simili mill-Gvern Malti u jekk iva, x'inhu?
Response (DALLI, JOHN)
Ma għandix informazzjoni fuq kif Ċipru għamlu l-kalkoli tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju mill-Gvern Malti dwar x'se jkun l-effett fuq il-prezzijiet tal-prodotti essenzjali bit-tneħħija tal-levies? Jekk sar, jista' l-Ministru jgħid x'fih ir-rapport kif ukoll ippoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx rapport f'dan is-sens, x'inhi r-raġuni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf l-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk ir-regolamenti li jikkontrollaw l-importazzjoni l-esportazzjoni u li m'humiex konformi ma' l-acquis communautaire ta' l-Unjoni Ewropea u li ġew diskussi fl-iscreening session li nżammet fis-27 ta' Settembru, 1999 fi Brussels?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista'l-Ministru jgħid liema huma dawk li ġew imsejħa bħala differenzi żgħar bejn il-liġijiet tagħna u dawk ta' l-acquis, waqt il-laqgħa ta' l-iscreening fi Brussels li nżammet it-Tnejn, 27 ta' Settembru 1999, dwar il-qasam tal-public procurement u l-amministrazzjoni ta' dawn ir-regoli?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b`mod ġenerali il-proċeduri tagħna rigward procurement huma `in-line` ma` dawk ta` l-Unjoni għar-raġuni li aħna nipprattikaw sistema ta` `opening tendering` u ma napplikaw l-ebda diskriminazzjoni.
L-aktar żewġ punti li jeħtieġu attenzjoni huma l-proċeduri li qed jużaw dawk li jissejħu `public authorities` u `public undertakings` kif definiti fid-Direttivi fis-sens li għad irid jiġi stabbilit liema minnhom (minbarra dawk li diġa qed jagħmlu hekk) iridu japplikaw il-proċeduri stabbiliti fil-Public Service (Procurement) Regulations 1996 u liema le.
Aspett ieħor ta` mportanza li jrid jiġi studjat huwa l-kwistjoni tar-rimedju li jrid jingħata lit-tenderers li jħossu li tkun qed issir xi inġustizzja magħhom. Aħna diġa għandna proċedura simili li ħadmet u għadha taħdem tajjeb pero` jidher li tinħtieġ xi tibdil biex tiġi kompletament konformi ma` dik li tesiġi l-Unjoni Ewropeja.
Apparti dawn iż-żewġ fatturi prinċipali li jibqa` huma dettalji ta` natura amministrattiva li mad-daqqa t`għajn ma jidhirx li huma ta` xi diffikulta kbira.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod l-acquis communautaire taqsam ir-regolamenti tal-public procurement, kif ġew imfissra waqt is-sessjoni ta' l-iscreening li nżammet fi Brussels nhar it-Tnejn, 27 ta' Settembru, 1999?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tispjega aħjar x`informazzjoni qed titlob u cioe` jekk hux qed tirreferi għall-oqsma partikolari li għalihom japplikaw Direttivi speċifiċi ta` l-Unjoni Ewropeja jew inkella hux għall-mod kif inhuma mqassma id-Direttivi nfushom. L-Onorevoli Interpellant tifhem li l-mistoqsija li qed tagħmel tista` tinvolvi ħafna xogħol biex tingħata tweġiba u għalhekk ikun tajjeb li tiċċaraha aktar.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-threshold limits li jaqgħu taħt ir-regolamenti tal-kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt ir-regolamenti tal-public procurement, kif spjegati waqt is-sessjoni ta' l-screening li saret fi Brussels, nhar it-Tnejn 27 ta' Settembru, 1999?
Response (DALLI, JOHN)
Mingħajr ma nidħol f`dettalji żejda (li pero` nista` nagħti aktar `il quddiem) ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b`mod ġenerali l-valuri tat-thresholds li jiddeċiedu jekk kuntratti jaqgħux jew le taħt id-Direttivi ta` l-Unjoni Ewropeja huma kif ġej:
Settur Pubbliku:
Supplies Servizzi Xogħlijiet
Lm72,000 Lm72,000 Lm2,760,000
Setturi ta` l-Enerġija, Ilma u Trasport:
Supplies Servizzi Xogħlijiet
Lm205,000 Lm205,000 Lm2,556,000
Setturi ta` telekomunikazzjoni
Supplies Servizzi Xogħlijiet
Lm307,000 Lm307,000 Lm2,556,000
Il-figuri qed nagħtihom f`Liri Maltin biex jinftehmu aħjar u huma maħduma skond ir-rati tal-kambju tat-30 ta` Settembru 1999. Irrid ngħid ukoll li d-Direttivi ta` l-Unjoni Ewropeja fihom `thresholds` oħra fejn għandhom x`jaqsmu notifikazzjoni bil-quddiem tal-valur tal-kuntratti ippjanati matul is-sena finanzjarja hekk li entitajiet pubbliċi jridu, fil-bidu tas-sena finanzjarja tagħhom, jinnotifikaw lil kulħadd jekk matul dik is-sena jkunx beħsiebhom joħorġu kuntratti għal prodotti, servizzi jew xogħolijiet partikolari li l-valur totali tagħhom ikun stmat li jaqbeż il-figuri li ser nagħti:
Settur Pubbliku:
Supplies Servizzi Xogħlijiet
Lm383,000 Lm383,000 Lm2,760,000
Setturi ta` l-Enerġija, Ilma, Trasport u Telekomunikazzjoni
Supplies Servizzi Xogħlijiet
Lm383,000 Lm383,000 Lm2,556,000
F`dan l-istadju nħoss li tajt l-informazzjoni bażika li qed titlob l-Onorevoli Interpellant.
Billi f'rapport dwar selected transition and mediterranean countries ta' l-IMF jingħad li Malta hija pajjiż fost tlieta li għandhom l-aktar bżonn tibdil sostanzjali fil-liġi tal-Bank Ċentrali biex jaddattawha mal-ħteġijiet ta' Maastricht, jista' l-Ministru jelenka dawn it-tibdiliet prospettivi u jgħid x'inhu l-programm tal-gvern dwarhom?
Response (DALLI, JOHN)
Billi l-IMF toħroġ ħafna rapporti, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddilna kopja tar-rapport li qiegħed jirreferi għalih.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa d-dħul tal-gvern mill-income tax fix-xhur ta' Awissu u Settembru kien kif ippjanat mill-Gvern Nazzjonalista? Kif jipparaguna mal-projections ta' l-istess gvern?
Response (DALLI, JOHN)
Id-dħul mill-income tax matul Awissu u Settembru 1999 kien dan:
Awissu: Lm16,420,772
Settembru: Lm19,875,209
Id-dħul ta` Lm8,938,875 li kien hemm fit-30 ta` Settembru ikun rifless fir-rendikont għax-xahar ta` Ottubru.
Fil-bidu ta` kull sena d-Dipartiment tat-Taxxi Interni jagħmel il-projections tiegħu għal kull xahar tas-sena ibbażati fuq id-dħul attwali tas-sena ta` qabel. Skond dawn il-projections id-dħul għal Awissu u Settembru kien stmat Lm12m u Lm10.1m rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux regoli u bżonn ta' permessi biex fil-lukandi tal-pajjiż isir tibdil ta' flus barranin ma' flus Maltin? Jekk jeżistu, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lukandi li għandhom il-permess li jagħmlu dawn it-trażmissjonijiet? Jista' jgħid ukoll x'inhuma r-regoli u l-kondizzjonijiet f'dan ir-rigward? Jekk ma jeżistux regoli u permessi, jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet f'lukandi u x'irriżulta minnhom matul is-snin 1994, 1995, 1996, 1997 u 1998?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Istqarrija għall-Istampa maħruġa mid-Dipartiment ta` Informazzjoni fit-30 ta` Awissu 1990 fuq is-suġġett. F`din l-istqarrija kienet inġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku li l-lukandi u l-ħwienet jistgħu jaċċettaw flus barranin bħala ħlas għall-bejgħ jew servizzi li jipprovdu. Biss, dawn l-istabilimenti jibqagħalhom l-obbligu li jgħaddu l-flus barranin lill-Negozjant Awtorizzat taħt il-liġi dwar il-Kontroll tal-Kambju ta` l-1972. Dan għadu jgħodd sal-llum.
Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li, wara li ġew fis-seħħ il-liġijiet finanzjarji fl-1994, dawn in-Negozjanti Awtorizzati huma wkoll istituzzjonijiet liċenzjati jew taħt l-Att Dwar is-Servizz Bankarju jew l-Att Dwar l-Istituzzjonijiet Finanzjarji li jagħmlu parti minn dak il-pakkett ta` liġijiet.
Għaldaqstant, billi l-attivita` ta` tisrif ta` flus barranin fi flus Maltin jew vice-versa hija wkoll regolata taħt dawn iż-żewġ liġijiet, ħadd ma jista` jagħmel din l-attivita` jekk ma jkollux liċenzja taħt wieħed minn daż-żewġ Atti u jkun ukoll Negozjant Awtorizzat taħt l-Att Dwar il-Kontroll tal-Kambju ta` l-1972.
Ngħarraf wkoll lill-Onorevoli Interpellant li ma sarux spezzjonijiet f`lukandi fis-snin imsemmija. Biss nassigurah li ttieħdu passi mill-pulizija meta sarulha rapporti sostanzjati li lukandi jew ħwienet ma kienux qegħdin joqgħodu għar-regoli msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena, mill-1 ta' Jannar sal-25 ta' Settembru, xahar b'xahar, kemm intlagħbu flus: (1) fil-Lottu tas-Sibt; (2) fis-Super Five; (3) fl-iScratch and Win; u (4) fil-Lotterija Nazzjonali? Kemm kienu l-premjijiet mirbuħa f'kull każ? Kemm-il premju li ntrebaħ ma nġabarx?
Response (DALLI, JOHN)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Dipartiment tal-Lottu Pubbliku — Logħob klandestin
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li l-gvern jitlef flus minħabba l-lottu klandestin f'sena waħda? Minbarra x-xogħol tal-pulizija biex jaqbdu lil min qed jabbuża, jista' jgħid jekk id-Dipartiment tal-Lottu hux qed jaħdem fuq pjan biex ikompli jrażżan dan l-abbuż?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Gvern ma għandu ebda makkinarju li bih jista jistma t-telf ta flus minħabba l-lottu klandestin.
Għat-tieni parti tal-mistoqsija ngħarraf lill-Onor. Membru li d-Dipartiment tal-Lottu jgħaddi lill-Pulizija għall-investigazzjoni kull rapport u lment li jkollu dwar logħob illegali.
Jista' l-Ministru jagħti tweġiba komparattiva tal-pakkett sħiħ ta' remunerazzjoni li kellu l-gvernatur tal-Bank Ċentrali F. Vassallo, il-gvernatur li għadu kif spiċċa kif ukoll il-gvernatur il-ġdid tal-Bank Ċentrali?
Response (DALLI, JOHN)
Il-pakkett sħiħ ta` remunerazzjoni annwali ta` l`aħħar tlett Gvernaturi tal-Bank Ċentrali huma:
Mr F Vassallo Lm56,000 bla taxxa (ekwivalenti ta` 150,000 dollaru Amerikani); Mr E Ellul Lm25,000; Mr M C Bonello Lm20,000 u 111,000 frank Svizzeru bla taxxa.
Jista'l-Ministru jagħti informazzjoni tal-proċedura li tittieħed biex persuna tinqala' mir-reġistrazzjoni ma' l-Uffiċċju tal-VAT? Partikolarment kemm iddum din il-proċedura bħala medja?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sabiex ir-reġistrazzjoni ta` persuna tiġi mħassra, dik il-persuna għandha tapplika formalment fuq formola apposta.
Wara li jirċievi applikazzjoni bħal din, id-Dipartiment jagħmel il-verifiki meħtieġa tal-kontijiet tat-taxxa tal-persuna ikkonċernata biex jara jkunx hemm xi ammont ta` taxxa dovuta jew xi pendenzi oħra skond il-liġi.
Fejn jinstab li taxxa dovuta jew pendenzi oħra, l-applikazzjoni tiġi proċessata fl-inqas żmien possibli. Fejn jinstab li jkun hemm taxxa dovuta jew pendenzi oħra, d-Dipartiment ma jkunx jista` jipproċessa l-applikazzjoni sa` l-aħħar qabel dik it-taxxa titħallas jew il-pendenzi jitneħħew. F`dan il-każ ikun hemm bżonn il-koperazzjoni sħiħa tal-persuna reġistrata sabiex l-applikazzjoni tiġi proċessata sa` l-aħħar mingħajr dewmien.
Għaldaqstant it-tul ta` żmien li tieħu l-proċedura sabiex ir-reġistrazzjoni ta` persuna tiġi mħassra jiddependi ħafna fuq kemm il-persuna kkonċernata tikkonferma ruħha malajr mal-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew depożitati flus fil-banek Maltin bejn April 1999 u l-aħħar ta' Awissu 1999?
Response (DALLI, JOHN)
Skond informazzjoni li jiġbor il-Bank Ċentrali, fil-perjodu bejn April 1999 u l-aħħar ta Awissu 1999 il-flus fil-banek Maltin żdiedu bl-ammont ta Lm124 miljun maqsuma f`Lm108 miljun fi flus Maltin u Lm16 miljun fi flus barranin.
Flus Maltin Flus Barranin Total
April Lm 35.036m (Lm 1.645m) Lm 33.391m
Mejju Lm 12.826m Lm 8.317m Lm 21.142m
Ġunju Lm 40.301m (Lm 2.831m) Lm 37.470m
Lulju Lm 15.854m Lm 6.160m Lm 22.014m
Awissu Lm 3.659m Lm 6.487m Lm 10.146m
__________ ___________ _______ ____
Lm107.675m Lm16.488m Lm 124.163m
__________ ___________ ________ ___
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport komparattiv dwar servizzi finanzjarji f'pajjiżna ta' l-MFSC li siltiet minnu dehru fil-business pages ta' The Times?
Response (DALLI, JOHN)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport sħiħ kif ukoll estratt esekuttiv tiegħu.
Fil-waqt li l-estratt esekuttiv tar-rapport ġie ċirkulat u partijiet minnu dehru fl-istampa, il-kontenut tar-rapport initier la qatt ġie pubblikat u anqas ikkomunikat b`xi mod ieħor lill-publiku.
Jista' l-Ministru jgħid mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn, x'kien ix-xogħol nutarili li sar mill-ministeru u mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll f'kull okkażjoni min kien in-nutar li għamel ix-xogħol u xi ħlas sar għalih lill-istess nutar?
Response (DALLI, JOHN)
Ix-xogħol kollu nutarili li sar fid-dikasteru tiegħi sar min-nutar tal-Gvern.