PA — Environmental Impact Assessment
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għamlitx environmental impact assessment u health impact assessment dwar l-effetti fuq l-ambjent tar-raħal ta' Ħal Kirkop u fuq is-saħħa tal-Komunita' Koppina, fl-eventwalita' li tiftaħ il-fabbrika tal-Multigas li qed tissemma għal din l-area? Jekk saru, x'inhuma l-konklużjonijiet? Jekk ma sarux se jsiru? Meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċess ta` l-Ippjanar jinkludi provvedimenti għal studji ta` l-impatt ambjentali meta jkunu qed jiġu pproċessati applikazzjonijiet għal żviluppi partikolari. Dawn it-tip ta` proġetti huma identifikati fi skeda ppublikata fil-Policy and Design Guidance for EIA in Malta (May 1994).
Dawn l-istudji dwar l-impatt ambjentali ta` proġetti huma r-responsabbilita` ta` l-iżviluppatur u jitħejjew minn konsulenti indipendenti mqabbda apposta. L-istudji isiru abbażi ta` termini ta` riferenza maħruġa mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar u d-Dipartiment għall-Ħarsien ta` l-Ambjent.
Fil-każ tal-proġett tar-rilokazzjoni tal-fabbrika Multigas mill-Ħamrun għal Ħal Kirkop l-istudju dwar l-impatt ambjentali sar fl-1999 u ittratta diversi aspetti bħalma huma:
a) L-impatt fuq il-kwalita` ta` l-arja (kemm fir-rigward ta` tniġġis ta` l-arja u ta`
impatt fuq is-saħħa u s-sigurta`)
b) Trasport
c) "Noise impact assessment"
d) L-ekoloġija u agrikoltura
e) Impatt viżwali
f) Trabijiet
g) L-arkeoloġija
Il-konklużjonijiet ta` l-istudju kienu:
a) Kwalita` ta` l-arja
L-istudju wrew li l-manifattura, l-ibbottiljar, l-importazzjoni u l-ħażna tal-gassijiet m`għandux ikollu impatt negattiv fuq il-kwalita` ta` l-arja peress li kwalunkwe emissjoni ta` gass mill-impjant jinvolvi biss gassijiet li huma komponenti ta` l-atmosfera, bħal ossiġenu u nitroġenu. Anki jekk ikun hemm "leakage" minn ċilindri maħżuna fuq is-sit, l-impatt ambjentali ikun insinifikanti anki għal gassijiet iktar agressivi bħalma huwa l-"ammonia".
L-uniku riskju li ġie identifikat għandu x`jaqsam ma` akkumulazzjoni ta` komponenti ta` żjut fil-fabbrika innifisha. Hija prattika stabbilita li impjanti bħal dawn jiġu ċċekkjati u mnaddfa b`mod regolari. L-iżviluppatur huwa diġa` kopert bl-ISO standards neċessarji għal dan it-tip ta` xogħol.
b) Trasport
It-trasport tan-nitroġenu ma jikkreax perikli partikolari fir-rigward ta` inċidenti jew nirien. Huwa biss f`ċirkostanzi eċċezzjonali, bħalma huma inċidenti li jinvolvu trailers bl-ossiġenu li hemm ċans ta` ħsara estensiva kkawżata minn nirien u/jew periklu għas-saħħa.
Ir-rilokazzjoni ta` l-impjant se jwassal għat-tnaqqis tat-traffiku li jgħaddi minn żoni urbani, speċjalment minħabba li parti kbira tal-gassijiet se jgħaddu mill-fabbrika għall-ikbar klijent tagħha permezz ta` pipeline.
M`għandux ikun hemm impatt ta` traffiku fuq żoni urbani.
c) Storbju
Is-sit huwa diġa` suġġett għal "background noise" li jirriżulta mill-fabbrika ta` l-STMicroelectronics. Sakemm jittieħdu provvedimenti neċessarji, l-iżvilupp propost m`għandux joħloq inkonvenjent ta` storbju lir-residenti ta` Ħal Kirkop.
d) Ekoloġija u Agrikoltura
M`għandux ikun hemm impatt fuq l-ekoloġija mill-impjant.
e) Impatt Viżwali
L-impatt viżwali tal-proġett għandu jkun minimu minħabba l-kuntest industrijali tal-lokal u minħabba li hemm propost skreen viżwali permezz ta` siġar. Madankollu l-iżviluppatur għandu mnejn ikollu jieħu miżuri biex inaqqas l-impatt viżwali tal-"air separation unit" u l-"istorage tanks".
f) Trabijiet
Il-materjali wżati għal ħafna mill-istrutturi m`għandhomx joħolqu impatt ambjentali, ħlief għal xi emissjonijiet ta` trabijiet mill-kostruzzjoni tal-Blokk Amministrattiv.
g) Arkeoloġija
L-unika fdalijiet arkeoloġiċi fl-inħawi huwa menhir fid-daħla ta` Ħal Kirkop. M`għandux ikun hemm impatt fuq l-arkeoloġija u l-wirt storiku mill-impjant.
Ta` min isemmi li l-permess approvat mill-Awtorita` huwa wieħed "outline" u li fih l-Awtorita` għamlet 14-il kundizzjoni f`dak li għandu x`jaqsam ma` fire fighting u safety. Barra minn dan aktar dettalji għandhom jiġu ppreżentati meta ssir il-'full development permit application'.