Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żvilupp Urban u t-Toroq — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux minnu li fid-dekasteru tiegħu nħatar/inħatru segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi jew assistenti diretturi mingħajr ma applikaw għall-kariga li ġew appuntati fiha meta ħarġet il-call for applications għal dik il-pożizzjoni partikolari? F'każ li nħatru uffiċjali b'dan il-mod, jista' jgħid min huma dawn l-uffiċjali, għaliex inħatru b'dan il-mod u min iddeċieda li huma ideali li jokkupaw il-kariga fin-nuqqas li għamlu interview? Jista' jgħid x'karigi qegħdin jokkupaw?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li ma kien hemm l-ebda każ fejn ġie appuntat xi uffiċjal fil-karigi imsemmija mingħajr ma kienu applikaw għal dik il-pożizzjoni paritkolari.

Swatar — Triq B. Guttenberg

Question

Billi r-residenti ta' l-appartamenti f'B. Guttenberg Street, Swatar għandhom it-triq fl-istess kundizzjoni ħażina li ilha fiha mindu ġew allokati dawn l-appartamenti, b'mod partikolari fejn hemm il-garages, jista' il-Ministru jara li din il-problema tiġi indirizzata b'urġenza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li saru spezzjonijiet fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant u rriżultaw li Triq B.Guttenberg hija asfaltata. It-trejqa li tagħti għal ġo Triq B.Guttenberg fejn jinstabu dawn l-appartamenti għadha m'hiex żviluppata skond l-iskema tal-MEPA. Din it-triq hija nkluża fil-program tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji program ta' bini ta' toroq ġodda u dawn ser jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Karozza tal-Ministru

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17335, jista' il-Ministru jgħid kemm hi mikrija kuljum is-second car tiegħu, x'tip hi u x'kienet ir-raġuni li nkriet karozza oħra meta l-karozza uffiċjali kienet għat-tiswija meta l-ministeru għandu karozzi oħra li jista' juża f'każ ta' bżonn urġenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Is-second car tiegħi li hija Volkswagen Golf hija mikrija Lm10.50 kuljum. Sadanittant qegħdin nistennew biex tidħol fis-seħħ tender li ġiet aċċettata għall-kiri ta’ Renault Megane. Din il-kirja se tkun ta’ Lm7 kuljum. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm il-Ministeru għandu karozzi oħra, dawn qed jintużaw għax-xogħol amministrattiv tal-Ministeru u anke biex isiru spezzjonijiet. Għalhekk inkriet karozza oħra meta l-karozza uffiċjali tiegħi kienet bil-ħsara.

Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma t-toroq li ngħataw l-asfalt f'Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Santa Luċia, il-Gudja, il-Marsa u Ħal Għaxaq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żabbar — Triq is-Saqwi

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir bit-tarmac Triq is-Saqwi ġewwa Ħaż-Żabbar minħabba li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żabbar — Triq iċ-Ċimiterju

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir bit-tarmac Triq iċ-Ċimiterju ġewwa Ħaż-Żabbar minħabba li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

San Ġwann — Triq Taż-Żwejt

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jistgħux isiru sleeping policeman fi Triq Taż-Żwejt, San Ġwann minħabba l-ispeed li bih jinżlu ħafna karozzi huwa ta' periklu għar-residenti ta' l-inħawi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Traffic Management Unit irriżulta li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann qatt ma talab għall-traffic calming measures f’din it-triq. Għaldaqstant it-Traffic Management Unit ser jikkuntatja l-Kunsill Lokali biex jiddiskuti x’miżuri jistgħu jittieħdu f’dan l-aspett.

Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg

Question

Jista' il-Ministru jara li l-Awtorita' dwar it-Trasport tinvestiga x'jista' isir fi Triq il-President Anton Buttigieg, Żejtun, minħabba periklu li kontinwament huma esposti għalih ir-residenti ta' din it-triq minħabba l-ammont kbir ta' traffiku li jgħaddi bi speed eċċessiv minnha? Billi b'mod regolari qed jiġru inċidenti f'din it-triq fejn vetturi jibqgħu deħlin anke fil-faċċati tad-djar tan-nies, hemm ħsieb li jittieħdu xi passi min-naħa ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport? Jekk iva, x'inhuma?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurrmat li fis-17 ta’ Frar, 2005 l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta rrakkomandat lil Kunsill Lokali taż-Żejtun li jsiru pinch points fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant sabiex titjieb is-sigurtà ta’ din it-triq, pero' sal-lum ma rċevejna ebda proposta min-naħa tal-Kunsill Lokali. Madankollu l-Awtorità dwar it-Trasport ta’ Malta hejjiet proposta sabiex tiġi ndirizzata din il-problema. Għaldaqstant din il-proposta ser tiġi diskussa mall-Kunsill Lokali taż-Żejtun sabiex jiġi stabilit dak li għandu jsir.

Ħal Kirkop — Triq 29 ta' Mejju 1552

Question

B'riferenza għal Triq 29 ta' Mejju 1552 f'Ħal Kirkop, jista' il-Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li r-rimanenti parti ta' din it-triq tiġi mogħtija wiċċ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħal Farruġ — Triq il-Qasam Sperimentali

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jibni mill-ġdid Triq il-Qasam Sperimentali f'Ħal Farruġ, Luqa minħabba li ġratilha ħafna ħsara sakemm kien hemm devjazzjoni tat-traffiku waqt ix-xogħlijiet li kienu għaddejjin fi Triq Ħal Qormi, Ħal-Luqa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Imrieħel Industrial Estate — Triq il-Palazz l-Aħmar

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata Triq il-Palazz l-Aħmar, fil-parti ta' l-industrial estate ta' l-Imrieħel, minħabba l-ħofor kbar li feġġew f'din it-triq? Jista' jgħid jekk din it-triq hijiex responsabbilta' tal-kunsill lokali jew ta' l-ADT?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li t-triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija nkluża fil-program tat-toroq li jridu jsiru. Id-Direttorat qed ihejji program għall-bini ta' toroq ġodda u dawn se jsiru skond il-prijoritajiet li jirriżultaw. Sadanittant ser tiġi kkunsidrata l-possibilita' li jsir xi manutenzjoni temporanju.

San Pawl tat-Tarġa — Traffic lights fil-bypass

Question

Jistgħu jitwaħħlu traffic lights fil-bypass ta' San Pawl tat-Tarġa fil-parti li tagħti mill-Għargħur għan-Naxxar, billi din qed tkun ta' periklu kbir għar-residenti tal-Għargħur li jkunu jridu jaqsmu l-bypass?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-parti tat-triq bejn it-telgħa t'Alla u Ommu u t-Triq tal-Balal sa llum saru tliet pelican crossings f'postijiet differenti. Fuq talba tal-Kunsill Lokali Naxxar fil-ġimgħat li ġejjin l-Awtorita' dwar it-Trasport se tkun qed tagħmel pelican crossing ieħor fil-post imsemmi, cioe' qrib id-dħul għall-Għargħur.

Żvilupp Urban u t-Toroq — Kuntratturi

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li għamlu xogħol lil xi dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u għadhom ma tħallsux? X'inhu l-ammont f'kull każ?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ma nistax nifhem x'utilitá jista' jkollha l-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onorevoli Ministru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieġ sabiex tinġabar din l-informazjoni jintuża aħjar, ma nħossx li hemm il-ħtieġa li tingħata l-informazzjoni li qed tintalab.

Żvilupp Urban u Toroq — Private staff members

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-membri tal-Private Staff tiegħu (mhux messaġġiera) ingħatawx xi uniformi jew ħlas għall-uniformi matul l-2004 u l-2005? F'każ li fl-affermattiv, kemm kienet l-ispiża u min awtorizza?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li n-nefqa għall-uniformijiet tal-private staff tiegħi matul is-sena 2004 kienet ta' Lm131.50 u għas-sena 2005 kienet ta' Lm 59.60. Dawn kienu mogħtija lid-drivers tiegħi, skond kif inhu ntitolat għalihom.

Żvilupp Urban u Toroq — Xogħol ta' tindif fl-uffiċċju tal-ministru

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali lill-kumpanniji privati għal xogħol ta' tindif fl-uffiċċju tal-ministru u d-dekasteru tiegħu matul is-snin 2004 u 2005? Jista' jgħid min kienu l-kuntratturi, kemm ħadu kull wieħed, min approva kull nefqa separatament u jekk inħarġitx xi forma ta' tender?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li n-nefqa globali għas-sena 2004 u 2005 hija kif tidher hawn taħt :- 2004 2005 - Ministeru/Dipartiment Lm 4,189.70 Lm 3,712.64 - L-Awtorita’ dwar it-Trasport Lm 5,020.00 Lm 8,120.00 Il-kuntratturi kienu :- Sena 2004 Kuntrattur Ammont Ministeru/Dipartiment Bad Boy Cleaners Lm 3,091.33 Clentec Cleaning Services Lm 1,098.37 L-Awtorita’ dwar it-Trasport Cleanwell Services Lm 2,650.00 Mr Clean Lm 75.00 Bad Boy Cleaners Lm 2,295.00 Sena 2005 Kuntrattur Ammont Ministeru/Dipartiment Bad Boy Cleaners Lm 2,465.62 Salamander Janitor Services Lm 1,165.46 Clentec Cleaning Services Lm 81.56 L-Awtorita’ dwar it-Trasport Bad Boy Cleaners Lm 8,120.00 Għal kull kuntratt issir sejħa fil-gazzetti tal-Gvern u l-għażla issir b’forma ta’ tenders.

Kalkara — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hu mistenni li jsiru t-toroq ta' ħdejn, quddiem u madwar il-kunvent tal-patrijiet tal-Kapuċċini (iż-żona ta' Triq Santa Liberata) il-Kalkara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' dwar it-Trasport qed tipprepara program ta’ xogħlijiet ta’ toroq li jridu jsiru.. Dawn it-toroq jinbnew skond il-prijoritajiet li joħorġu minn dan il-program.

Ħaż-Żebbuġ — Triq Imdina

Question

Jista' il-Ministru jara li jitqiegħdu traffic calmers fis-service road li hemm fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ, minn fejn il-Bieb ta' De Rohan safejn l-istabiliment ta' SMW Cortis, billi l-vetturi qed isuqu mill-imsemmija triq b'veloċita' qawwija u minn din l-istess service road jaqsmu pedestrians li jgħixu fid-djar ta' Imdina Road?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport, ser tikkunsidra l-proposta mressqa mill-Onorevoli Interpellant fid-dawl tax-xogħlijiet ta' kostruzzjoni li saru dan l-aħħar fit-triq imsemmija.

Żvilupp Urban u t-Toroq — Kiri ta' Karozzi

Question

No question text.

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' karozzi mikrija matul is-sena 2005 kienu :- Numru ta' karozzi Spiża L-Awtorita' dwar it-Trasport 26 Lm 60,386 Ministeru/Dipartiment 4 Lm 10,672.09 Fl-ispiża globali tal-kirjiet għal karozzi li ntużaw mill-Ministeru/Dipartiment hemm nklużi l-ispejjeż ta' xi karozzi li nkrew fuq bażi temporanja meta xi karozza oħra kellha xi ħsara.

Naxxar — Triq Sir Harry Luke

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom qatt ma tlestiet b'mod diċenti t-Triq Sir Harry Luke f'San Pawl tat-Tarġa, fin-Naxxar, b'detriment għas-saħħa u l-inkonvenjent tar-residenti? Meta se titlesta t-triq kollha minkejja l-ħafna wegħdi li saru li se ssir?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħaż-Żabbar — Bus shelter

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15099, jista' il-Ministru jgħid jekk għadux ta' l-istess opinjoni li l-Awtorita' dwar it-Trasport ma neħħiet l-ebda bus shelter jew bus stop minn Triq l-Għakrux ġewwa Ħaż-Żabbar? Allura f'dan il-każ jista' jgħid min kien responsabbli li tneħħa dan il-bus stop/bus shelter? F'każ li dan tneħħa minn min ma kienx awtorizzat, x'passi ttieħdu fir-rigward ta' din il-persuna/i?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari li qed jirreferi għaliha hu stess.