Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lapsi – stallazzjoni ta’ parati

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li ma ngħatax permess sabiex f'Lapsi jiġu stallati mill-ġdid parati (tal-injam) li jintużaw mis-sajjieda sabiex jittellgħu d-dgħajjes mill-baħar? Jista’ jagħti r-raġuni għalfejn dan il-permess mhux jingħata?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-slipway f’Għar Lapsi ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru.

Pitkalija — riforma

Question

Billi mill-informazzjoni mogħtija qed jirriżulta li qatt ma kien iddikjarat interess fit-tmexxija tar-riforma fil-pitkalija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif saru jafu b'din il-possibilità dawk li magħhom suppost qed isiru diskussjonijiet dwar l-istess riforma? Meta sar l-ewwel kuntatt bejn il-Gvern u dawk li magħhom għaddejjin id-diskussjonijiet bħalissa? Kemm hemm persuni/għaqdiet li qed jieħdu sehem f'dawn l-istess diskussjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-wegħda 131 fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista, illum fil-Gvern. Għall-kumplament tad-domanda, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8174.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu mid-9 ta’ Marzu 2013 sat-28 ta’ Jannar 2014? Jista’ jipprovdi din iċ-ċifra separatament għal kull entità, skont it-tabella li qed tidher separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diskussjonijiet mal-Awtoritajiet Alġerini

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’diskussjonijiet saru mal-awtoritajiet Alġerini fl-aħħar laqgħa li nżammet f’dak il-pajjiż u li għaliha attenda s-Segretarju Parlamentari u x’ftehim ġie ffirmat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li l-awtoritajiet Alġerini ospitaw u kienu l-Preżidenza għall-għaxar laqgħa tal-Ministri tal-agrikoltura fi ħdan ic-CIHEAM (The International Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies), liema laqgħa kompliet telabora fuq it-tema tad-disa' laqgħa li nżammet f'Malta, f'Novembru 2012, dwar is-suġġett tas-sigurta tal-ikel (food security) fil-Mediterran. Qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjonijiet finali li ġew maqbula unanimament mid-delegazzjonijiet preżenti.

San Pawl il-Baħar – breakwaters — xogħlijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7933, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni dwar fiex wasal il-proċess tal-applikazzjoni quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lill-Ministru kkonċernat.

Kumitat dwar is-siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'rakkomandazzjonijiet speċifiċi ngħataw s'issa lill-Ministeru mill-kumitat li kien twaqqaf dwar is-siġar f'pajjiżna, fi ħdan l-istess Ministeru? Kemm-il darba ltaqa' dan l-kumitat minn meta twaqqaf, u x'ġie implimentat s'issa mill-istess rakkomandazzjonijiet li għamel? Meta saret l-aħħar laqgħa dwar dan is-suġġett?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 4398 u 5313, ninsab infurmat li l-aħħar laqgħa saret fid-29 t’Awwissu 2013.

Riforma tal-Pitkalija — rappreżentanti tal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' proposti saru mir-rappreżentanti tal-bdiewa. dwar dak li jikkonċerna dik li tissejjaħ ir-riforma tal-Pitkalija? Billi kull bidwi li tkellimt miegħu mhux infurmat bl-ebda mod dwar dak li suppost għandu jolqot lill-bdiewa b'mod mill-iktar dirett, jista' jassigura lill-bdiewa li l-ebda bidliet ma jidħlu fis-seħħ qabel mal-istess bdiewa jkunu nfurmati, u magħhom diskussa l-bidliet proposti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li saru diversi laqgħat mal-bdiewa permezz tal-Koperattiva Ċentrali u l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa. Ninsab infurmat ukoll li huwa ppjanat illi qabel tiġi implimentata r-riforma, jsiru diskussjonijiet mal-istakeholders kollha.

Konsultazzjonijiet mas-sajjieda rigward l-istorage tanker tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' konsultazzjoni għamel il-Ministeru mas-sajjieda ta' Marsaxlokk, Birżebbuġa u Wied il-Għajn minħabba l-bidliet li jistgħu jseħħu fil-portijiet rispettivi b'riżultat tal-istorage tanker tal-gass li mistenni jitpoġġa f'dawk l-inħawi biex jissuplixxi l-gass lill-power station? X'tip ta' rapprezentazzjonijiet għamel il-Ministeru, mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, minħabba s-sajjieda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li konsultazzjonijiet pubbliċi u settorjali jsiru mill-Ministeru li jkun qed imexxi proġetti simili. Ninsab infurmat ukoll li meta l-MEPA titlob rappreżentazzjonijiet minn naħa ta’ dan il-Ministeru dwar xi proġett li jista’ jkollu xi impatt fuq l-industrija tas-sajd, dawn jiġu riferuti lill-Bord għas-Sajd għall-osservazzjonijiet tal-membri tal-istess Bord.

Riformi fil-Pitkalija — laqgħat mal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta saru xi laqgħat mal-bdiewa dwar ir-riformi li suppost se jsiru fil-Pitkalija? Fejn saru dawn il-laqgħat u minn min kienu indirizzati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li r-riforma tal-Pitkalija tinsab fi stadju ta’ ‘open consultation’ fejn kull min hu interessat f’din il-materja jista jressaq il-proposti tiegħu. Ninsab infurmat ukoll li laqgħat mal-bdiewa dwar ir-riforma tal-Pitkalija jsiru b’mod regolari u kull meta jkun hemm bżonn. Jekk hemm xi bdiewa li jixtiequ jesprimu l-opinjoni tagħhom, nistedinhom jagħmlu laqgħat mal-uffiċjali kkonċernati jew mas-Segretarjat Parlamentari. Il-proposti kollha li jsiru jiġu kkunsidrati qabel ma toħroġ xi sejħa għall-espressjoni ta’ interess meta jkun il-waqt.

Analiżi fuq it-trab iswed

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa tal-inizjattivi meħuda mill-Gvern mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum sabiex janalizza l-problema tat-trab iswed fl-arja, l-aktar fin-naħa t'isfel ta' Malta u jieħu miżuri biex jipprevjeni dan it-trab iswed? Jista' jindika s-sors ta' dan it-trab?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru kkonċernat li taħtu taqa’ l-funzjoni regolatorja dwar dan is-suġġett.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — contract for service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ingaġġati xi persuni fid-dekasteru tiegħu fuq bażi ta’ contract for service? Jekk saru dawn il-kuntratti, kemm-il persuna ġiet ingaġġata minn Marzu 2013 sal-lum? X’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ kull persuna? X’perijodu jkopri kull kuntratt? X’inhu l-ħlas marbut ma’ kull kuntratt?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — bordijiet - membri nisa

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'kull bord li nħatar mill-Ministeru tiegħu mill-elezzjoni sal-lum kemm hu n-numru ta' membri u kemm minn dawn huma nisa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, t-tagħrif mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Laħam mill-Biċċerija tal-Gvern

Question

Fid-dawl tal-informazzjoni li qed tiġi pubblikata dwar biċċiera li marru l-isptar minħabba l-ħżież, jista' l-Ministru jserraħ moħħ il-konsumaturi li l-laħam li joħroġ mill-biċċerija tal-Gvern bl-ebda mod mhu ta' dannu għall-istess konsumaturi u dan minħabba l-fatt li jekk ma titwaqqafx din il-biża', jista' jkun hemm konsegwenzi fuq il-produtturi tal-istess laħam? X'sar s'issa mill-Ministeru biex dan il-biża' ma jitħalliex jinfirex?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8019.

Ħaddiema tal-Biċċerija tal-Marsa — mard

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi mard fost il-ħaddiema li jaħdmu fuq il-linja (fil-Biċċerija) tal-Marsa, li rriżulta minħabba xogħol li qed jagħmlu l-istess ħaddiema? Jista’ jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta’ persuni nvoluti? X’miżuri ttieħdu biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm problemi la għall-ħaddiema u lanqas għall-konsumaturi? Billi hu normali li meta jiġru ċirkostanzi simili jkun hemm diffikultajiet li jiġu ffaċċjati mill-produtturi, x’passi qed jieħu l-Ministeru biex jassigura li ma jkunx hemm danni għall-istess produtturi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li għalkemm kien hemm xi ħaddiema li jaħdmu fuq il-linja fil-Biċċerija li kellhom infezzjoni ta’ hżież f’idejhom, minn imkien ma jirriżulta b’xi ċertezza li din l-infezzjoni ttieħdet minn ġol-Biċċerija. Ta’ min jgħid li din it-tip ta’ infezzjoni, għalkemm faċilment tittieħed f’każ ta’ kuntatt dirett ma’ xi annimal infettat, mhux waħda meqjusa bħala perikoluża u fil-fatt tista’ tkun ikkurata u mfejqa fi ftit jiem. Jien infurmat ukoll li din it-tip ta’ infezzjoni mhux rari fuq l-annimali – kemm domestiċi kif ukoll dawk mrobbija għall-laħam - u ma taffetwax il-kwalita’ tal-prodott. Huwa diffiċli li din tittieħed mill-ħaddiema li jaħdmu fuq il-linja fil-Biċċerija kemm il-darba dawn jimxu mal-prattiċi stabbiliti u jilbsu l-ilbies protettiv li huwa pprovdut. Ta’ min wieħed jgħid li ma kien hemm l-ebda rapport mill-produtturi li huma iffaċċjaw xi diffikultajiet b’riżultat ta’ dan il-każ. Ta’ min wieħed jafferma li l-aħjar metodu biex ma ssirx ħsara hi li ma jkunx hemm min joħloq alarm fuq kwistjoni bħal din li ma tikkostitwixxi l-ebda periklu għal ħadd. Nispera li ma jkunx hemm minn jipprova jieħu vantaġġ mis-sitwazzjoni sabiex jagħmel ħsara.

Animal Welfare — Proċess VIVI

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li l-Animal Welfare approvat il-proċess VIVI fejn l-annimali jiġu operati mingħajr loppju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li m’huwiex minnu li l-Animal Welfare approvat il-proċess VIVI fejn l-annimali jiġu operati mingħajr loppju.

San Pawl il-Baħar – breakwaters — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-breakwaters li hemm il-Veccia, San Pawl il-Baħar u li hemm fil-bajja ta' Buġibba? Jekk iva meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol u minn min se jsir? Meta hu mistenni li jinħarġu t-tenders għal dan l-istess xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6828. Ninsab infurmat li għada ma ttieħdietx deċiżjoni finali mill-MEPA dwar dan l-iżvilupp. Kemm-il darba jinħarġu l-permessi meħtieġa, ninsab infurmat ukoll li l-pjan tal-Ministeru huwa li x-xogħlijiet jibdew din is-sena. Naħseb li l-Onor. Interpellant jaf tajjeb li l-isem ta' min se jagħmel ix-xogħolijiet ma jistax ikun magħruf ġaladarba l-anqas biss għada ħarget is-sejħa għall-offerti.

Raħħala – għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm raħħala, li għandhom l-approvazzjoni ta' għajnuna finanzjarja mill-iskemi tal-Unjoni Ewropea għal titjieb fl-irziezet tagħhom, u li għadhom ma ħadux l-istess għajnuna li huma dovuti li jieħdu? Kemm ilhom jistennew biex jieħdu din l-għajnuna, u meta hu mistenni li fil-fatt jingħataw din l-istess għajnuna? Kemm hu l-ammont approvat li għad irid jitħallas?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm ħdax-il raħħal li għalkemm fis-17 ta’ Ottubru 2013 kienu approvati li jingħataw għajnuna taħt il-Miżura 121 dwar Modernizazzjoni ta’ Strutturi Agrikoli, għadhom ma jistgħux jirċievu l-għajnuna. Dan huwa dovut għall-fatt li l-istess ħdax-il raħħal għadhom ma bagħtux id-dokumenti mitluba minnhom mid-Dipartiment sabiex ikun jista jiġi iffirmat l-kuntratt relattiv. Ninsab infurmat ukoll li l-ammont approvat globali ġaladarba jsiru dawn il-kuntratti huwa ta’ €1,439,736.00. Dan l-ammont mistenni li jitħallas kollu meta r-raħħala jkunu ġew ikkuntrattati u jlestu l-proġett ta’ mmodernizzar tal-irziezet tagħhom skont il-kuntratt. Dan tal-aħħar għandu perjodu massimu ta’ 18-il xahar.

Bdiewa – għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm bdiewa li għandhom l-għajnuna finanzjarja mill-iskemi tal-Unjoni Ewropea approvata iżda għadhom ma ngħatawx l-istess għajnuna? Kemm hu l-ammont dovut lil dawn il-bdiewa, u meta hu mistenni li jitħallas?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li hemm erba’ bdiewa li għalkemm fis-17 ta’ Ottubru 2013 kienu approvati li jingħataw għajnuna taħt il-Miżura 121 dwar Modernizazzjoni ta’ Strutturi Agrikoli għadhom ma jistgħux jirċievu l-għajnuna. Dan huwa dovut għall-fatt li l-istess erba’ bdiewa għadhom ma bagħtux id-dokumenti mitluba minnhom mid-Dipartiment sabiex ikun jista jiġi iffirmat l-kuntratt relattiv. Ninsab infurmat ukoll li l-ammont approvat globali ġaladarba jsiru dawn il-kuntratti huwa ta’ €385,686.47. Dan l-ammont mistenni li jitħallas kollu meta l-bdiewa jkunu ġew ikkuntrattati u jlestu l-proġett ta’ mmodernizzar tal-istrutturi agrikoli tagħhom skont il-kuntratt. Dan ta’ l-aħħar għandu perjodu massimu ta’ 18-il xahar.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — xogħlijiet lill-kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ingħataw il-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2008 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid ix-xogħol fiex kien jikkonsisti u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Impjant ta’ Sant’Antnin – trattament ta’ skart organiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiġi trattat skart organiku fl-impjant ta’ Sant’Antnin u kemm hi l-ġenerazzjoni ta’ elettriku minn dan l-impjant? Jista’ jippreżenta din l-informazzjoni xahar b’xahar għal dawn l-aħħar tnax-il xahar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.