Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk hu jew xi membri fis-Segretarjat tiegħu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi li nħarġu f’ismu jew f’isem xi ħadd fis-Segretarjat tiegħu? Jekk fl-affermattiv min huma dawk awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards għal kull credit card minn Marzu 2013 u jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi 2 persuni fi ħdan il-Ministeru għandhom credit card maħruġa f'isimhom. L-infieq dejjem sar skont il-parametri stabbiliti ta' kif għandhom jintefqu l-fondi pubbliċi.

Adults’ Training Centre ta’ Matul il-Jum — wipes

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li l-Adults’ Training Centre ta’ Matul il-Jum ikun hemm wipes għall-użu tal-klijenti billi dawn mhux qed jiġu debitament provduti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’diżabilità l- policy hi li l-wipes għandhom jiġu provduti mill-ġenituri/guardians tal-klijenti. Fil-każ ta’ persuni li jkollhom bżonn ta’ tibdil ta’nappies, dawn il-persuni jinħaslu fiċ-Ċentru stess bl-ilma u non allergic soap minflok jintużaw il-wipes.

Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta Soċjali — lista ta’ direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17639 u 17363 u jagħti lista ta’ direct orders kollha li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartiment u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta’ Jannar li għadda sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jagħti l-ammont totali ta’ kull direct order u lil min ingħataw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – passi kontra ko-proprjetarji – alterazzjonijiet strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proċedura tintuża mill-Awtorità tad-Djar u x’passi jittieħdu kontra ko-proprjetarji li jagħmlu alterazzjonijiet strutturali fil-proprjetà mixtrija mingħand l-Awtorità tad-Djar meta dawn huma projbiti milli jagħmlu dan mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Awtorità tad-Djar skont kif stipulat fil-kuntratti tal-akkwist tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn il-każijiet, l-Awtorita’ tad-Djar tagħmel ispezzjoni fil-proprjeta’ u jsir rapport. Jekk jirriżulta li saru alterazzjonijiet mhux aċċettabli jittieħdu passi legali. Jekk wara tlett xhur l-alterazzjonijiet ikunu għadhom ma tneħħewx tinfetaħ kawża ċivili.

Foundation for Social Welfare Services – position of trust

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17823, jista’ l-Ministru jgħid min huma dawn il-persuni li ġew appuntati mill-Ministru fil-karigi msemmija u dan peress li naqas milli jirrispondi din il-parti tal-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m'għandix aktar xi nżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17823.

Awtoritá tad-Djar – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ ta’ persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament rigward gallerija li hi perikoluża?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, dwar it-tiswijiet neċessarji fil-gallerija tal-appartament imsemmi, l-Awtorita’ tad-Djar diġa ingaġġat kuntrattur u dan ftiehem mal-inkwilin dwar id-data meta għandu jibda x-xogħlijiet.

Childcare Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il childcare centre hawn illum?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Sal-lum il-ġurnata mad-Dipartiment Standards għall-Ħarsien Soċjali hemm: a) tlieta u sebgħin (73) childcare centre irreġistrati proviżorjament u b) erbatax (14)-il childcare centre irreġistrati temporanjament.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzojni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali – nefqa f’petrol u diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq f'petrol u diesel mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartimenti, awtoritajiet u entitajiet illi jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Ġunju 2015? Jista' jgħid mil-liema pompi tal-petrol inxtara l-fuel u jagħti break down skont il-pompi?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzojni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Gardjola fl-Isla – Adults’ Training Centre – faċilitajiet sanitarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’faċilitajiet hemm għall-Adults’ Training Centre ta’ Matul il-Jum bl-isem Gardjola fl-Isla fejn jidher li hemm faċilità sanitarja waħda biss b’doċċa li tista’ tintuża anke mill-pubbliku inġenerali? Jekk hu l-każ, jista’ jara li jkun hemm rimedji oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ċ-Ċentru Gardjola huwa mgħammar b’żewġ faċilitajiet sanitarji. Waħda tinkorpora doċċa kif ukoll kamra tal-banju aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità u li d-dħul tagħha huwa proprju minn ġewwa ċ-Ċentru tal-Gardjola stess. Għaldaqstant din il-faċilità sanitarja tiġi użata biss mill-klijenti li jattendu ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Gardjola. Il-faċilità sanitarja l-oħra qiegħda fid-daħla ta’ dan iċ-Ċentru u tissakkar u tintuża biss mill-ħaddiema tal-istess Ċentru.

Housing – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward housing?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-applikant, li d-dettalji tiegħu qed jintbgħatu separtament, applika għall-post bil-kera tal-Gvern fil-5 t’Awissu 2014. L-applikant flimkien mall-familja tiegħu li tikkonsisti f’ħames membri, għal dawn l-aħħar tlett snin kienu jgħixu mal-familjari f’post bil-kera tal-Gvern. L-applikant għandu mpjieg full time u minn eżerċizzju li sar fl-10 ta’ Marzu 2015 tal-profiling, l-applikant xtaq li jingħata dar fil-lokalitajiet ta’ Fgura, Hamrun jew Paola. L-applikazzjoni qegħda fil-proċess li jsirilha social assessment sabiex ikun stabbilit x’inhi l-priorita’ tal-każ.

Naxxar – Bini tal-Gvern – tiswija ta’ lift

Question

B'referenza għall-istorja li dehret il-Ħadd 12 ta' Lulju 2015 fuq il-ġurnal " Illum" b'rabta ma' mara li tgħix f'bini tal-Gvern fin-Naxxar, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-lift baqa’ ma sarulux tiswijiet meħtieġa għal numru ta' xhur? Jista' jgħid meta mistenni jsiru t-tiswijiet meħtieġa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17638.

Tiswijiet ta’ lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni lift fil-bini li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatment ilu aktar minn sena ma' jaħdimx bla ma sarulu t-tiswijiet meħtieġa bil-konsegwenza li hemm persuni fosthom anzjani li qed ibatu minħabba dan in-nuqqas? Jista' jgħid meta mistenni jsiru t-tiswijiet meħtieġa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17638.

Persuni bi problem ta’ saħħa mentali u l-Pensjoni tad-Diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuna bi problemi ta’ saħħa mentali u li għandha diżabilità severa hijiex intitolata għall-Pensjoni tad-Diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Pensjoni tad-Diżabilità hija regolata bl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Id-definizzjoni ta’ persuna gravament diżabbli taqa’ taħt il-parametri tal-Artikolu 2 tal-istess Att. Tajjeb jingħad, illi wara li persuna tapplika u tgħaddi mill-iskrutinju tat-test tal-mezzi, l-istess applikazzjoni tmur għall-evalwazzjoni tal-Bord Mediku maħtur taħt l-istess Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318).

Residenza San Vinċenz de Paul – Procurement Officer — ħatra

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17520, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rwol ta’ procurement officer huwiex se jispiċċa hekk kif se jiġi ngaġġat procurement manager?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Residenza San Vinċenz de Paul – Procurement Officer — ħatra

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 17520, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-procurement officer tar-Residenza San Vinċenz de Paul inħatar f’position of trust mentri l-ingaġġ għall-procurement manager se jiġi ngaġġat permezz ta’ sejħa? Jista’ jgħid jekk hux se tinħareġ sejħa għall-procurement officer ukoll sabiex dawn iż-żewġ posts jimtlew b’sejħa kif suppost?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont kif spjegat f’mistoqsija parlamentari 17520, dak iż-żmien l-ingaġġ ried isir immedjat minħabba r- rapport tal-Awditur Ġenerali għalhekk kien jirrikjedi li jiġi ngaġġat xi ħadd fuq bażi ta’ fiduċja. Għaddej il-proċess sabiex jiġu ngaġġati l-uffiċjali meħtieġa.

Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika – Tackling Domestic Violence

Question

Wara l-Performance Audit maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) nhar it-8 ta’ Lulju 2015 dwar ‘Tackling Domestic Violence’ u b’referenza għall-klawsola 3.2.4 ta’ dan ir-rapport, jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun qed jagħmel sabiex l-Aġenzija Appoġġ tkun f’pożizzjoni li tara l-klijenti tagħha wara l-ewwel kuntatt magħhom f’inqas minn 31 ġurnata u dan sabiex ma jkunx hemm dewmien li jista’ jkun ta’ detriment għall-persuni li jeħtieġu s-servizz tal-Appoġġ li potenzjalment jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet fejn il-ħajja tal-persuna tkun fil-perikolu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull persuna li tagħmel kuntatt mal-Aġenzija Appoġġ fuq każ ta’ vjolenza domestika, tingħata attenzjoni immedjata permezz ta’ ħaddiema soċjali li tevalwa l-ka¿ u jsir risk assessment. F’kull każ ikun hemm kuntatt mal-vittma. Dan isir sabiex jiġi assigurat l-protezzjoni u l-ħarsien tal-vittma. F’ka¿ijiet fejn ir-riskju għal persuna jirriżulta li jkun serju, tittieħed azzjoni immedjata u jiġi offrut kull għajnuna possibli, mill-ewwel. L-Aġenzija tħaddan is-sistema ta’ family friendly measures u għaldaqstant ikun hemm perjodi fejn ammont ta’ ħaddiema soċjali jkunu fuq paternity/maternity leave jew jidħlu lura x-xogħol b’inqas siegħat. Biex ma jkunx hemm nuqqas fil-ħin tal-operat tas-servizz, risorsi finanzjarji ġew allokati sabiex l-operat tas-servizz ikun jistgħa jibqa’ għaddej. Ġew approvati ukoll finanzjament għal sigħat ta’ sahra sabiex is-servizz illaħqu mad-domanda.

Aġenzija Appoġġ – Case management software

Question

B’referenza għall-Performance Audit maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) nhar it-8 ta’ Lulju 2015 dwar ‘Tackling Domestic Violence’, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett sabiex l-Aġenzija Appoġġ ikollha case management software li huwa tant meħtieġ u dan peress li jirriżulta mill-istess rapport li l-Appoġġ għandha nuqqas ta’ consolidated electronic databases? Jista’ jgħid meta dan is-software se jkun lest u stallat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess sabiex tiġi ddisinjata u installata din is-sistema, kien wieħed twil u kumpless, u sar bl-għajnuna u n-nies esperti tal-MITA. Il-MITA ilha taħdem fuq dan il-proġett għal aktar minn 4 snin sabiex jiġi kuntrattat ix-xogħol meħtieġ. Il- Case management software qiegħed issa fi stadju avvanzat fl-implimentazzjon tiegħu. L-ewwel servizz li qed jiġi introdott f’din is-sistema huwa l- Family Support Service bħala l-akbar servizz ġeneriku tal-Aġenzija, peress li dan is-servizz ikollu l-ikbar ammont ta’ każijiet u sitwazzjonijiet diversi. Dan iż-żmien inizjali qiegħed iservi wkoll bħala ‘testing’ tas-sistema u huwa ta’ importanza kbira sabiex jiġu identifikati diffikultajiet fis-sistema u jiġu rranġati b’mod immedjat. Il-ħsieb huwa li fi żmien qasir, ikunu servizzi oħrajn li wkoll jiġu introdotti f’din is-sistema sakemm finalment is-servizzi kollha tal-Aġenzija Appoġġ ikunu qed jagħmlu użu min din is-sistema.

Aġenzija Appoġġ — personnel

Question

B’referenza għall-Performance Audit maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) nhar it-8 ta’ Lulju 2015 dwar ‘Tackling Domestic Violence’ u għall-konklużjonijiet magħmula mill-Awditur Ġenerali li l-Aġenzija Appoġġ m’għandiex biżżejjed personnel li għandhom it-taħriġ adegwat, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex se jkun qed jingaġġa aktar persuni li għandhom dan it-taħriġ? Jista’ jgħid jekk huwiex se joffri t-taħriġ adegwat lill-ħaddiema tal-Appoġġ u jekk iva, meta se jkun qed jingħata bidu għal dan it-taħriġ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2014, l-Aġenzija Appoġġ provdiet 33 kors ta’ taħriġ differenti lil ħaddiema tas-Servizz għall-Vjolenza Domestika. Kull settur jevolvi u għalhekk it-taħriġ irid ikun wieħed kontinwu għall-aħjar tas-servizz u l-klijenti. Ta’ min jgħid ukoll illi kull meta jiġu nkaġġati ħaddiema soċjali ġodda, dawn jgħaddu min perjodu ta’ taħriġ, mentoring u taħriġ speċjalizat.

Dar tal-Anzjani — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward assessment biex jidħol f'home?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħal każi kollha li japplikaw għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani, dan il-każ segwa l-proċess ta’ assessment multidixxiplinarju. Id-deċiżjoni dwar prijorita u urġenza tkun ibbażata fuq kriterji mediċi u soċjali u tittieħed mit-tim multidixxiplinarju skond il-mertu tal-każ.