Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Ċentru sportiv

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi partikolari għal dak li jikkonċerna ċentru sportiv f'San Pawl il-Baħar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12192.

Skejjel tal-Istat — breakfast club –impjegati bil-liċenzja tal-food handling

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk dawk li qed jaħdmu fil-breakfast club hux qed jintalbu li jkollhom il-liċenzja tal-food handling biex ikunu konformi mal-liġijiet tas-saħħa? Jista' jgħid kemm huma l-ħaddiema li għandhom il-liċenzja u kemm minn dawn il-ħaddiema ġew ingaġġati mingħajr din il-liċenzja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fis-sejħa tal-applikazzjoni għal ħaddiema fil-Breakfast Club, l-applikanti li huma edukaturi fl-iskejjel ma ġewx mitluba li jkollhom il-liċenzja tal-food handling. Qed isiru diskussjonijiet sabiex ikun organizzat taħriġ fejn tista’ tinkiseb din il-liċenzja.

Skejjel tal-Istat li m’għandhomx il-breakfast club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel tal-Istat li m'għandhomx is-servizz tal-breakfast club? Jista' jagħti r-raġuni għalfejn dawn l-iskejjel tal-Istat m'għandhomx dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-Breakfast Clubs huwa offrut f’kull skola Primarja tal-Istat ġewwa Malta u Għawdex.

Child Care Centres

Question

Jista’ l-Ministru igħid kemm hemm child care centres li qegħdin parti mill-iskema ta' child care b'xejn? Jista’ jgħid kemm kull ċentru għandu tfal taħt din l-iskema? Jista’ jikkonferma li dawn iċ-ċentri kollha huma reġistrati mad-Dipartiment tal-Istandards għall-Ħarsien Soċjali u jgħid x'inhuwa n-numru tat-tfal li suppost jistgħu jżommu dawn ic-child care centres?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta’ Childcare Centres li huma reġistrati fl-iskema bħalissa huwa ta’ 78. Dawn iċ-ċentri kollha huma reġistrati mad-Dipartiment tal-Istandards għall-Ħarsien Soċjali. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif tidher fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Child care b’xejn – nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali li swiet lill-Gvern l-iskema li introduċa ta' child care b'xejn fl-2014? Jista’ jgħid kemm igwadanjaw familji minn din l-iskema? Jista’ jgħid minn liema xahar fl-2014 bdiet din l-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskema taċ-Childcare bla ħlas daħlet fis-seħħ fl-1 ta’April 2014 u minnha ibbenefikaw 3,857 tifel u tifla sal-aħħar ta’ Diċembru 2014 u 330 mill-1 ta’ Jannar s’issa. In-nefqa fuq l-iskema matul l-2014 kienet ta’ €5.2 miljun. Informazzjoni ta’ kemm ibbenefikaw familji mhux possibbli tingħata f’dan l-istadju, peress li l-proċess li qed jitħaddem huwa wieħed manwali, u kull applikazzjoni tiġi kkunsidrata b’mod individwali. Id-Dipartiment qiegħed fi proċess li jimplimenta sistema diġitali, dik ta’ Childcare Information System, li waħda mill-funzjonijiet tagħha tkun li tista’ tinġabar din it-tip ta’ informazzjoni.

Child care centres tal-Istat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn child care centres tal-Istat f'Malta u Għawdex? F'liema sena ħarġu l-permessi relevanti għal dawn iċ-ċentri? F'liema xahar infetħu dawn iċ-ċentri? Kemm għandhom tfal dawn iċ-ċentri?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lid-dipartiment regolatur fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta` Soċjali. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Literacy programme NWAR

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tfal qed jattendu bħalissa l-literacy programme NWAR tal-FES għat-tfal?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li bħalissa, 253 tifel u tifla flimkien ma’ ġenitur/kustodju wieħed jew waħda tagħhom qegħdin jattendu l-programm ta’ litteriżmu NWAR. Il-programm jopera fi 11-il ċentru madwar Malta u Għawdex.

Xiri ta’ kotba bit-Tedesk

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm inxtraw kotba bit-Tedesk tul dawn l-aħħar sentejn?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' kotba tal-Ġermaniż li nxtraw mid-Dipartiment għall-iskejjel tal-Istat fl-aħħar sentejn skolastiċi.

Studenti li qed jitgħallmu t-Tedesk

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hawn tul is-sena skolastika 2013/2014 u kemm hawn tul is-sena skolastika 2014/2015 studenti fl-iskejjel sekondarji li qegħdin jew kienu qegħdin jiġu mgħallma t-Tedesk ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti li kienu, jew qegħdin, jitgħallmu l-Ġermaniż fl-iskejjel sekondarji fis-snin skolastiċi 2013/2014 u 2014/2015, hu kif se nsemmi: Settur Sekondarju Sena Skolastika 2013/2014 Sena Skolastika 2014/2015 Skejjel Sekondarji tal-Istat 977 1068 Skejjel Sekondarji tal-Knisja 931 1181 Skejjel Sekondarji Indipendenti 232 196

Għalliema li jgħallmu t-Tedesk

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hawn għalliema fl-iskejjel sekondarji li preżentament qed jgħallmu t-Tedesk ?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-iskejjel Sekondarji tal-Istat hemm 41 għalliem tal-Ġermaniż u li tnejn minnhom qegħdin fuq xi forma ta’ leave. Infurmat ukoll li preżentement hemm 18-il għalliem li jgħallmu l-lingwa Ġermaniża fl-Iskejjel Sekondarji tal-Knisja u żewġ għalliema li jgħallmu l-Ġermaniż fl-Iskejjel Sekondarji Indipendenti.

Diviżjoni tal-Edukazzjoni — tnaqqis mill-parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-area li tagħti mill-parkeġġ ta’ taħt is-Sur tal-Furjana, mhux se tibqa’ tintuża bħala parkeġġ u minħabba f’hekk ħaddiema fid-Diviżjoni tal-Edukazzjoni li kienu jipparkjaw bil-permessi meħtieġa, mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jipparkjaw b’konsegwenza li tnaqqsu madwar 30 post ta’ parkeġġ? Jista’ jieħu azzjoni minnufih biex din tiġi rimedjata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qatt ma kellu l-pjan li jagħlaq jew inaqqas spazji għall-parkeġġ u għalhekk ma kellux l-intenzjoni li ma jibqax juża l-imsemmija area. Fil-fatt din għadha tintuża għall-istess skopijiet u aċċessibbli għall-istess impjegati.

Bini ta' skejjel

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema skejjel mistennija li jibdew jinbnew matul l-2015? Fejn jinsabu dawn l-istess skejjel?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-iskejjel li hu mistenni li jibdew jinbnew matul l-2015 huma l-iskola sekondarja f'Ħal Kirkop (Karwija) u l-iskola sekondarja fir-Rabat.

Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi – Chief Executive Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa sabiex jiġi ingaġġat ic-Chief Executive Officer tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi? Jista’ jgħid jekk il-persuna li ġiet ingaġġata kenetx membru tas-Segretarjat tal-Ministru? Jekk iva, x'kienet il-pożizzjoni tagħha fis-Segretarjat? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li kellha mas-Segretarjat tiegħu u kopja tal-kuntratt li issa għandha fil-pożizzjoni tagħha fil-Fondazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sejħa sabiex jigi ngaġġat Chief Executive Officer tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi ssir wara li l-Ministeru jkun sodisfatt illi l-Fondazzjoni tkun tista’ tipprovdi programmi ta’ kwalità fil-Programmi Edukattivi li toffri u l-Fondazzjoni terġa’ tiġi fuq saqajha. Il-persuna ingaġġata kienet membru fis-Segretarjat tiegħi bħala Policy Co-ordinator.

Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi – Kap Eżekuttiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet għalfejn inbidel il-Kap Eżekuttiv li kien hemm f'Novembru fil-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi? Jista’ jgħid għalfejn din il-persuna ta' fiduċja tiegħu kellha titlaq mill-pożizzjoni li kellha fi ħdan il-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-bidla fil-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi saret minħabba l-aċċenn li l-Ministeru jrid jagħti fuq il-kwalità tal-Programmi Edukattivi offruti mill-istess Fondazzjoni. Il-Kap Eżekuttiv preċedenti ngħata xogħol differenti fi ħdan l-istess Ministeru.

Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi – ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irreżenjaw ħaddiema mill-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi matul 2014? Jista' jgħid x'kienu l-pożizzjonijiet tagħhom fi ħdan il-Fondazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-għadd ta’ ħaddiema li rriżenjaw minn mal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi matul is-sena 2014, flimkien mal-pożizzjonijiet tagħhom, hu kif se nsemmi: Childcare Assistants - 31 (impjieg part-time) Childcare Centre Coordinators - 1 Playworkers – 154 (impjieg part-time) HW Tutors - 1 Senior Executive – HR, Administration and Corporate Affairs – 1 CEO – 1 Programme Coordinator - 2 Nies li l-kuntratt tagħhom ġie fi tmiemu fuq bażi ta’ kuntratt definit ma kinux inklużi għaliex ir-raġuni tat-tmiem tal-impjieg ma kienetx riżenja.

Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi – trasferimenti ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ħaddiema mill-Fondazzjoni tas-Servizzi Edukattivi li ġew trasferiti matul is-sena 2014? Jista' jagħti r-raġunijiet għalfejn dawn ġew trasferiti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2014 total ta' 60 ħaddiema ġew trasferiti mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES). Minn dan it-total, 10 ġew trasferiti ma' Aġenzija Żgħażagħ wara li s-servizz Youth.inc ġie ttrasferit mill-FES għal Aġenzija Żgħażagħ f'Novembru 2014, filwaqt li 46 kienu trasferiti għan-National Literacy Agency wara li s-servizz NWAR ġie trasferit mill-FES għal din l-Aġenzija f'Diċembru 2014. L-erba' trasferimenti l-oħra fl-2014 kienu ta' ħaddiema li jagħmlu parti mill-Head Office tal-FES, tlieta minnhom fuq talba personali.

Skejjel tal-Istat – breakfast club

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-iskejjel tal-Istat li għandhom is-servizz tal-breakfast club? Jista' jagħti l-għadd tat-tfal li qegħdin jużaw dan is-servizz?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-servizz tal-Breakfast Club jingħata f’sebgħin (70) skola Primarja f’Malta u Għawdex kif muri fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Skont statistika tal-attendenza miġbura kull xahar mill-iskejjel, l-għadd ta’ tfal li jattendu l-Breakfast Club huwa ta’ madwar 1,083 kuljum.

Skejjel tal-Istat — Breakfast club - impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li huma ingaġġati sabiex jagħtu s-servizz tal-breakfast club? Jista' jgħid x'inhuma l-kundizzjonjiet tax-xogħol u x'inhi r-rata tal-ħlas tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li, wara sejħa għal applikazzjonijiet, in-numru ta’ persuni li jagħtu s-servizz fil-Breakfast Club huwa ta’ 638 persuna. Il-kundizzjonijiet mitluba kienu li dawn ikunu ħaddiema tal-Gvern li jaħdmu fl-iskejjel Primarji tal-Istat f’Malta u Għawdex, kif ukoll li jkunu disponibbli jaħdmu mis-7.00 sat-8.30 ta’ filgħodu mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Ir-rata tal-ħlas sal-aħħar tal-2014 kienet ta’ €10.10 is-siegħa. Minn Jannar 2015 din ir-rata inbidlet għal €10.39 is-siegħa biex tirrifletti ż-żieda tal-għoli tal-ħajja 2015.

Employment and Industrial Relations Act — Emendi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk humiex ser jiġu mressqa mill-Ministeru tiegħu xi emendi għall-Kapitolu 452 tal-Liġijiet ta’ Malta Employment and Industrial Relations Act u jekk iva, jista’ jindika f’liema direzzjoni ser ikunu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili li fi ħdanu jaqa' id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjieg (DIER).

Università — korsijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li fis-sena skolastika li jmiss, fl-Università hux mistenni li jkun hemm korsijiet ġodda? Jekk iva, liema hu mistenni li jkunu dawn il-korsijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għas-sena akkademika li jmiss 2015/16, l-Università bi ħsieba toffri għadd ta’ korsijiet ġodda. Fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra jidhru seba’ korsijiet ġodda li diġà ġew approvati u li l-applikazzjonijiet għalihom huma miftuħa, kif ukoll għadd ta’ korsijiet oħra li qed jiġu żviluppati u kkunsidrati mill-Università bil-ħsieb li jkunu offruti wkoll f’Ottubru li ġej.