Jista' il-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu s'issa biex jiġu mplimentati l-obbligi tal-protokol ta' Kyoto apparti? X'infuzar sar s'issa fuq dawn l-obbligi internazzjonali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Għalkemm Malta hi firmatarja tal-Protokoll ta’ Kjoto, taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bdil fil-Klima Malta ma hiex imniżżla f’Anness Numru 1, u għalhekk ma għandha l-ebda obbligazzjonijiet biex tillimita jew tnaqqas il-livelli ta’ emmissjonijiet ta’ gassijiet serra taħt il-Protokoll ta’ Kjoto.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess li ħareġ mill-MEPA sabiex jibdew ix-xogħlijiet fuq l-inċineratur il-ġdid tal-biċċerija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li wara li sar Environment Impact Assessment (EIA), issa qegħdin fil fażi tal-Public Consultation qabel ma joħroġ il-permess għax-xogħlijiet, waqt li permess skond id-Direttiva ta' l-Integrated Pollution Prevention and Control (IPPC) ikun irid joħroġ iktar tard, qabel ma jibda jintuża l-inċineratur.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mistennija jogħlew it-tariffi l-ġodda tal-qatla tal-majjal u taċ-ċanga? Meta fil-fatt huma maħsuba li jiġu fis-seħħ dawn it-tariffi l-ġodda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddej exercise biex wieħed jara kif ser jiġu applikati it-tariffi l-ġodda biex il-konsumatur ikun garantit prodott li jkun ġie spezzjonat u ttestjat taħt il-liġijiet il-ġodda tal-Food Safety, liema liġijiet jinkludu l-onus ta' tariffi biex jiġi assigurat li jsiru dawk il-kontrolli kollha neċessarji.
Jista' il-Ministru jinformani jekk il-kumpannija - ir-referenza dwarha qed tintbagħat separatament - ingħatatx financial aid bħal kumpaniji oħra? U jekk fin-negattiv, għaliex? Nifhem sew li jekk dan l-applikant iżżarma, il-gvern irid iħallas iżjed milli dan il-financial aid?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega aħjar x'tip ta' informazzjoni għandu bżonn
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandu biex jgħin lil dawk li jrabbu l-majjali li għaddejjin minn diffikultajiet serji u jpoġġi fuq il-mejda kopja tal-pjan ta' azzjoni li għandu għas-settur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern innegozja pakkett ta' għajnuna finanzjarja (sussidji) biex il-prezz tal-majjal joqrob lejn dak tal-pajjiżi produtturi fl-Unjoni Ewropea. Is-sussidju preżenti huwa ta' 16-il ċenteżmu kull kilo għall-produtturi u 2 ċenteżmi kull kilo direttament għall-Koperattiva ta' min Irabbi l-Majjal Ltd (K.I.M.). Fis-sena 2004 tħallsu Lm 1,527,531 f'sussidji. Sadanittant, il-Ministeru huwa dejjem lest li jikkonsidra miżuri oħra li jista' jkun hemm bżonn skond il-ħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid xi pjani għandu biex jgħin lil dawk li jrabbu t-tiġieġ li għaddejjin minn diffikultajiet serji u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjan ta' azzjoni li għandu għas-settur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-Gvern innegozja pakkett ta' għajnuna finanzjarja (sussidji) biex il-prezz tat-tiġieġ joqrob lejn dak tal-pajjiżi produtturi fl-Unjoni Ewropea. Matul is-sena 2004, is-sussidju kien ta' 6 ċenteżmi kull kilo għall-produtturi u ċenteżmu kull kilo lill-proċessuri biex jgħin fir-ristrutturar tal-impjant taghħom. Ninsab informat illi għas-sena 2004 tħallsu madwar Lm345,000 f'sussidji f’dan is-settur. Sadanittant il-Ministeru huwa dejjem lest li jikkonsidra miżuri oħra li jista' jkun hemm bżonn skond il-ħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħareġ flus il-ministeru biex jinxtraw basktijiet tad-drapp biex jintużaw flok dawk tal-plastik? Mnejn inxtraw dawn il-basktijiet u xi sforzi saru biex jinxtraw wara li jkunu nħadmu lokalment? Bdiet tiffunzjona?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inizjattiva biex jinxtraw il-basktijiet tad-drapp ħaditha il-kumpanija Wasteserv Malta Co. Ltd sabiex isservi ta' katalist u tħeġġeġ lill-kumpaniji oħrajn jagħmlu l-istess u joffru basktijiet tad-drapp flok dawk tal-plastic.
Din l-inizjattiva seħħet bil-parteċipazzjoni ta' sponsors li koprew parti sostanzjali ta' l-ispejjeż. Il-kunsinna ta' 15,000 baskett li ġiet direttament mill-Indja swiet lill-kumpanija Wasteserv Malta Ltd 35 ċenteżmu kull baskett, wara li kienu evalwati numru ta' offerti kemm lokali kif ukoll barranin. Kull basket qed jinbiegħ għall-prezz ta' 25 ċenteżmu.
Fl-evalwazzjoni tagħha, il-kumpanija Wasteserv Malta Ltd ħadet in konsiderazzjoni, barra l-prezz l-aktar vantaġġjuż, il-kwalità tal-materjal li huwa reżistenti, jiflaħ xirja mdaqqsa, jista' jintmesaħ minn ġewwa, u jista' jieqaf sabiex jagħmilha faċli li titpoġġa x-xirja ġo fih.
Nittama li l-Onor. Interpellant ma jsibx problema li pajjiż mit-Tielet Dinja ssodisfa l-kriterji kollha mixtieqa għax-xiri ta' dawn il-basktijiet.
Ta' min isemmi wkoll inizjattiva oħra li se ssir biex jingħataw basktijiet tad-drapp li nħadmu Malta bħala parti mill-kampanja ta' promozzjoni "Naturalment Malti".
Peress li fl-applikazzjoni għall-għajnuna lir-raħħala mill-Unjoni Ewropea qed ikun hemm rekwiżit tal-permess mill-awtorita' ta' Malta dwar l-ambjent u l-ippjanar u peress li l-ipproċessar ta' tali permess jieħu ċertu tul u jilħaq jiskadi t-terminu għall-applikazzjoni għall-għajnuna, jista' il-Ministru jgħid x'rimedju għandhom dawn ir-raħħala biex ma jiġux imċaħħda milli japplikaw għall-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-applikazzjoni għal permess mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) huwa proċess skond il-liġi, u jikkonstitwixxi proċedura li ilha tiġi applikata f'Malta għal bosta snin, irrispettivament jekk ser tintalab għajnuna jew le.
Ninsab infurmat li biex jintlaħqu r-rekwiżiti ta’ l-Unjoni Ewropea qed isir kull sforz biex iż-żmien ta’ l-ipproċessar jonqos u jkun hemm servizz iffukat aktar fuq l-applikazjonijiet minn bdiewa u raħħala. Tant hu hekk, li ġie ffurmat kumitat speċifiku bejn l-Agrikoltura u l-Awtorità sabiex jissorvelja l-ipproċessar ta' dawn l-applikazzjonijiet, . Ġiet ukoll imfassla policy aġġornata dwar żvilupp agrikolu li bħalissa qiegħda għall-Konsultazzjoni Pubblika.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm trainee gardeners fl-Argotti herbarium and university botanic gardens? Kemm ilu trainee kull wieħed minn dawn? Veru li l-kuntratt ta' dawn it-trainee gardeners qed jiġġedded xahar b'xahar? Hemm ħsieb li dawn isiru tal-post? Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Peress li l-Argotti Herbarium u l-University Botanic Gardens jaqgħu taħt Ministeru ieħor, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli.
Jista' il-Ministru jgħid x'tama hemm li s-sit li tinsab ix-Xgħajra kif indikat fil-pjanta - kopja tagħha qed tintbagħat separatament - jinħariġlu permess għal żvilupp?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sit immarkata fuq il-pjanta annessa mal-mistoqsija jinstab barra l-limitu ta’ l-iżvilupp, f' post fejn l-uniku żvilupp permessibbli huwa dak relatat ma’ l-agrikultura.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali f'ċifra ta' flus tal-ministeru, inkluż ta' l-entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru, għall-mobile phone calls u l-kirjiet u/jew xiri tagħhom, matul is-sena 2004?
Kemm hi ċ-ċifra ta' flus li diġa' tħallset minn din l-ispiża?
Kemm hu n-numru ta' mobile phones li fil-preżent il-ministeru jew l-entitajiet li jaqgħu taħtu huwa responsabbli għall-pagamenti tagħhom u kemm kien fis-sena 2004?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li hemm 22 mobile phone fil-pussess ta' Uffiċjali Pubbliċi awtorizzati kif ukoll ta' membri tas-Segretarjat tal-Ministeru li l-Ministeru huwa responsabbli għall-pagament tagħhom. Fl-2004 l-ammont kien l-istess. L-ispiża totali għall-mobile phone calls u l-kirjiet u/jew xiri tagħhom matul is-sena 2004 hija ta’ Lm24,416.48. Mill-ispiża totali, tħallset is-somma ta’ Lm 20, 417.27.
L-ispiża totali f'ċifra ta' flus li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) nefqet fuq telefonati magħmula minn mobile phones u l-kirjiet u / jew xiri tagħhom matul is-sena finanzjarja li ntemmet fit-30 ta' Settembru 2004 tammonta għal Lm16,772.02. Din iċ-ċifra ta' flus tħallset kollha. In-numru ta' mobile phones li fil-preżent l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hija responsabbli għall-pagamenti tagħhom huwa ta' 38. Fl-1 ta' Ottubru 2003 dan kien ta' 37.
Min-naħa tal-kumpanija Wasteserv Malta Limited nefqet l-ammont ta’ Lm 5,154 fuq telefonati magħmula minn mobile phones. Il-kirjiet u / jew xiri tagħhom matul is-sena 2004 kienu ta’ Lm 435. Iċ-ċifra ta' flus li diġa' tħallset minn din l-ispi¿a tammonta għal Lm 3,514. In-numru ta' mobile phones li fil-preżent il-kumpanija Wasteserv Malta Limited hija responsabbli għall-pagamenti tagħhom huwa ta' disgħa (9). Fis-sena 2004 dan l-ammont kien ta’ għaxra (10).
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-regolamenti u proċedura dwar bhejjem li jiddaħħlu l-biċċerija b'emerġenza? Jista' jgħid in oltre jekk riċentement kienx hemm xi tibdil f'dawn ir-regolamenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kull annimal li jiddaħħal fl-emerġenza tal-biċċerija għandu jkun ħaj u mhux mejjet, imma jista’ jiddaħħal ukoll mejjet jekk dan ikun ġie maqtul fuq ir-razzett taħt ordni ta’ veterinarju, liema veterinarju jrid jibgħat ċertifikat ta’ spezzjoni qabel il-qatla ta’ l-annimal mejjet. Huwa obbligu tas-sid ta’ l-annimal li jagħti dettalji dwar xi kura li jkun ġie mogħti l-annimal, u jekk dan kien taħt il-kura ta’ veterinarju irid jingħata ċertifikat minn dan il-veterinarju dwar ir-raġuni ta’ kura. Dawk l-annimali li jmutu fuq l-irziezet iridu jittieħdu wkoll il-biċċerija biex jiġu distrutti fl-inċineratur skond ir-regolamenti eżistenti. Ma sar l-ebda tibdil riċentament dwar dawn il kundizzjonijiet / obbligi.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 10244, jista' il-Ministru jikkonsidra li ssir laqgħa mal-kunsilli lokali dwar titjib tal-kalendarju agri-turistiku? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Għaqdiet Non-Governattivi (NGO’s) ġew mitluba jagħtuna informazzjoni dwar il-funzjonijiet u l-attivitajiet tagħhom. Din l-informazzjoni ser tkun il-bażi tal-ko-ordinament tal-kalendarju agri-turistiku.
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 10234 u 10237, peress li minkejja dak li l-gvern ilu jgħid mis-sena 2000 xorta waħda l-mużew tħalla abbandunat u f'qagħda degradanti, jista' il-Ministru jikkonsidra li jkun hemm xi xorta ta' żvilupp ħalli jitwettqu l-wegħdiet li għamel il-gvern?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Diġa għamilt riferenza għall-pjanijiet tal-Ministeru għal Enoteka u għalhekk m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari nru 10234 tas-Seduta numru 229 tal-31 ta’ Jannar 2005.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 10245, jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference li qed jiġi sostnut bħala bażi għal koordinament tal-kalendarju agri turistiku?
Min huma l-uffiċjal/i nkarigati minn dan il-koordinament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 10506.
Jista' il-Ministru jgħid meta kien l-aħħar pagament tal-kummissjoni fuq il-produzzjoni taċ-ċanga u tal-ħalib li tħallset lill-koperattivi tar-raħħala? Kemm kien l-ammont f'kull każ u liema perjodu kien ikopri dan il-ħlas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku dwar x'tip ta’ pagamenti, u għal liema kummissjoni qiegħed jirreferi.
Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul l-2004? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tal-Fiddien — Kamra ta' l-ilma - attivita' kulturali
Question
Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-attivita' kulturali/edukattiva li kien hemm fil-Kamra ta' l-ilma fil-Fiddien, limiti tar-Rabat matul l-1997 u l-1998 waqfet tant li fil-preżent din il-Kamra hija żdingata?
Għaliex din il-kamra u dawn l-inħawi tħallew jiddeterjoraw?
Jista' jikkonsidra li jerġa' jibda jorganizza mill-ġdid din l-attivita' in kwestjoni?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li peress li l-esibizzjoni ta’ ritratti konnessi mar-riabilitazzjoni taż-żona għaddiet il-fażi tagħha, din l-attività ġiet fi tmiemha.
Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li qed isiru taħditiet mal-Ministeru tar-Riżorsi u Infrastruttura sabiex it-tindif ta’ Wied il-Qlejgħa jidħol fil-programm ta’ tindif ta’ widien.
Jista' il-Ministru jinformani bl-aħħar żviluppi taż-żjara li għamlu l-uffiċjali/spetturi tal-UE fil-biċċerija? Jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' rapporti li dawn ikkomunikaw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li iż-żjara li għamlu l ispetturi ta' l-Unjoni Ewropea kienet bħala audit tad-Dipartiment ta' l-Ikel, Alimentari u Djanjostika, u kull żjara li saret kienet bħala audit u mhux bħala spezzjoni ta' approval. Sa llum il-ġurnata għad m'hemm l-ebda rapport.