Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dream holidays — Tfal Russi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux involut fl-arranġamenti ta' dawk li qed jissejħu dream holidays għat-tfal russi biex jinġabu minn familji Maltin għal xi ġimgħat? Jekk iva, b'liema mod hu involut?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern mhux involut fl-arranġamenti biex jinġiebu Malta tfal Russi għal btajjel. Madanakollu, kull min jiġi Malta jrid isegwi l-liġi Maltija nkluż il-ħruġ ta’ viża, t-termini ta’ żmien li jkun jista’ joqgħod hawn u proċeduri oħrajn simili. Ta’ min ngħid ukoll li l-Ministeru għall-Politika Soċjali ilu jsegwi x’jiġri f’kazijiet bħal dawn għal diversi raġunijiet.

Day centres għall-anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li l-ministeru għall-politika soċjali ffirma ma' kunsilli lokali/entitajiet privati u oħrajn għat-twaqqif u t-tmexxija ta' day centres għall-anzjani li għandna fid-diversi lokalitajiet? B'liema mod il-ministeru jiżgura tmexxija tajba f'dawn id-day centres għall-anzjani? Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk mill-amministrazzjoni ta' kull day centre għall-anzjani jsirx rapport annwali u jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti annwali għas-snin 2000, 2001 u 2002? Jista' jgħid jekk jikkonsidrawx li jawtorizza l-pubblikazzjoni ta' rapport annwali dwar it-tmexxija, attivitajiet u finanzi dwar kull day centre għall-anzjani fil-gżejjer Maltin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-tmexxija tad-Day Centres għall-Anzjani hu monitored regolarment mill-kap ta’ dawn iċ-Ċentri u kull xahar isiru laqgħat mal-persuna responsabbli għal kull Ċentru, li fihom jiġu nvoluti wkoll l-anzjani, fejn jiġi diskuss dak kollu li jirrigwarda ċ-Ċentru rispettiv. Rapporti dwar dawn iċ-Ċentri huma nklużi fir-Rapporti Annwali dwar ix-xogħol tad-Dipartimenti tal-Gvern kif ukoll fir-Rapporti ta’ Ħidma tal-Ministeru għall-Politika Soċjali, li jiġu ppubblikati kull sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-ftehim bejn id-Dipartiment ta’ l-Anzjani u Servizzi fil-Komunita’ u l-Kunsilli Lokali/entitajiet u oħrajn dwar iċ-Ċentri ta’ Birkirkara, Birżebbuġia, Ħamrun, Luqa, Mosta, Qormi, Sliema u Żurrieq.

Mellieħa — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proċess tal-bini tad-dar ta' l-anzjani fil-Mellieħa ladarba l-MEPA u l-kunsill lokali tal-Mellieħa m'għandhom l-ebda problema dwar il-pjanti u s-sit eżistenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 689 f’Seduta Numru 15.

SVPR — Applikazzjonijiet għal staff nurse

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħarġu l-applikazzjonijiet għal staff nurse fl-SVPR rispettivament? Jaf li sabiex nurses jieħdu leave anke ta' nautra importanti bħal honeymoon, mard fil-familja, safar, eċċ jridu jsibu replacement b'nurses oħra huma stess inkella l-istess leave jiġi rrifjutat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant mistennija joħorġu fil-futur qarib. Ninsab infurmat ukoll li l-leave għar-raġunijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant dejjem ingħata minkejja li f’entita’ bħal ma hi r-Residenza San Vinċenz dan mhux dejjem ikun faċili.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Konsulenti/kumpanniji ta' konsulenza

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi kollha li jaqgħu taħtu, għamel jew jagħmel użu minnhom mit-13 ta' April, 2003 sal-lum? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet? Jista' jgħid kemm għad baqa' ħlasijiet li jridu jsiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Peress li mhux ċar xi jrid jifhem l-Onor. Interpellant b’konsultenti/kumpanniji ta’ konsulenza qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li tinkludi wkoll l-għoti ta’ servizzi professjonali.

Għajnuna tal-Mard (SKA)

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jinforma lill-Kamra kemm hemm nies li jieħdu l-għajnuna tal-mard (SKA)? Liema hu t-tip ta' mard li hu nkluż f'din l-iskema? X'inhu in-numru ta' nies li jieħdu din l-għajnuna għal kull marda separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 2373.

Persuni b'diżabilita' — Fondi għas-sena ewropea

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew ivvutati fondi għas-sena ewropea ddedikata għal persuni b'diżabilita'? Fiex intnefqu? (breakdown) Min kien responsabbli għal programm u l-allokazzjoni tal-flus?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fis-sena kurrenti ġew ivvutati Lm100,000 speċifikament relatati mas-Sena Ewropeja għall-Persuni b’Diżabilita’ liema somma ġiet riveduta għal Lm80,000 bħala parti mill-programm ta’ variable budgeting. Dawn il-fondi ġew allokati għall-proġetti mill-Ministeru għall-Politika Soċjali kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Equality for men and women act

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk Artiklu 8(1) tal-European charter of human rights u directive 2000/78/EC humiex riflessi sew fit-tfassil tal-Equality for men and women act, l-iżjed f'dawk li għandhom x'jaqsmu mar-responsabbiltajiet tal-familja f'dan l-att?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Artikolu 8(1) taċ-Charter ta’ l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali, li jirrigwarda il-protezzjoni ta’ data personali, ir-risposta hi fin-negattiv. Il-provedimenti tad-Direttiva 2000/78/EC ma jirrigwardawx responsabbiltajiet tal-familja.

Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema bord f'pajjiżna għandu r-responsabbilta' li jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll l-ugwaljanza ma' persuni ta' orjentament sesswali differenti? X'azzjoni ħa f'dawn iż-żewġ oqsma mindu twaqqaf?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond l-Att ta’ l-2003 dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa, il-Kummissarju u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa, li ser jinħatru taħt dan l-Att, ser ikollhom ir-responsabbilta’ ndikata mill-Onor. Interpellant.

Koppji ta' l-istess sess

Question

Jirriżulta li biex tneħħi d-diskriminazzjoni d-direttiva 2000/78/EC tobbliga lil min iħaddem jagħti l-istess benefiċċji (inkluż il-pensjoni) lill-koppji ta' l-istess sess dak li jagħti lill-koppji miżżewġa legalment? Jekk iva, x'passi ttieħdu biex jiġi żgurat li min iħaddem qed iwettaq dawn l-obbligi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma jirriżultalix li d-Direttiva 2000/78/EC tinkludi l-obbligu li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.

Djar — Appartament okkupat minn persuna li qed tiskonta sentenza ta' ħabs

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 3340, jistgħu l-awtoritajiet konċernati jaraw x'użu qed isir mill-appartament imsemmi biex jiżguraw li mhux qed jiġi abbużat mill-iskop oriġinali li għalih ġie allokat u jekk hux jintuża għall-affarijiet illegali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saru mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, mhux qed isir l-ebda abbuż minn dan l-appartament.

Mosta — Ċentru ta' l-anzjani - anzjan residenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jinsab fiċ-ċentru ta' l-anzjani fi Triq id-Dawr, Mosta mhux qed jaqbad bħala ħlas dovut lilu b'mod regolari peress li fil-fatt ġieli jaqbad Lm5, ġieli jaqbad Lm9 u xi kultant ma jaqbad xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f’xi Seduta oħra.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Każi ta' serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 3143 u cioe' jgħid kemm ġew rapportati każi ta' serq fid-dipartimenti, entitajiet, eċċ li jaqgħu taħt id-dikasteru tal-ministeru mill-perjodu ta' Jannar sal-lum? X'passi ttieħdu u x'kienu l-oġġetti misruqa u x'valur kellhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Persuni ta' l-istess sesss/persuni tas-sess oppost

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiżguraw li persuni ta' l-istess sess jew ta' sess oppost li jikko-abitaw għandhom l-istess drittijiet tal-familji skond id-direttiva 2000/78/EC u l-Artiklu 141 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea? X'passi oħra mistennija jittieħdu biex jitħarsu l-obbligi msemmija f'dawn id-dokumenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

La d-Direttiva 2000/78/EC u lanqas Artikolu 141 tat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea ma jittrattaw drittijiet tal-familja. Il-provedimenti tad-Direttiva u l-Artikolu msemmija huma riflessi fil-liġi dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali u l-liġi dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa.

Impjiegi — Tkeċċija ta' ħaddiema minn fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet il-kawża tat-tkeċċija tal-ħaddiema mill-kumpannija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda tkeċċija ta’ mpjegati mill-kumpannija ndikata mill-Onor. Interpellant.