B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 33677, jista' l-Ministru jgħid għaliex qal li mhux ċert jekk il-Lira Maltija żżommx il-valur tagħha?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jiena m'għidx li m'inix ċert jekk il-lira maltija żżommx il-valur tagħha. Kont qiegħed nagħmel biss ipoteżi dwar sitwazzjoni li tista' tinħoloq għar-raġuni li l-mistoqsija oriġinali ta' l-Onorevoli Interpellant No 33677 kienet waħda ipotetika. Il-ġejjieni ħadd ma jista' jbassru u jkun irresponsabbli min jittanta jagħmel dan.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 33677, jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-rata idejali li qed jirreferi għaliha fit-tweġiba?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għall-ekonomisti r-rata tal-kambju idejali ta' munita hija r-rata li twassal għal ekwilibriju fil-bilanċ tal-pagamenti ta' pajjiż fuq medda ta' żmien. Jiġifieri rata li la tiskoraġġixxi l-esportazzjoni u fl-istess ħin lanqas ma tinkoraġixxi l-importazzjoni, sew ta' prodotti, servizzi u kapital.
Jista' il-Ministru jgħid huwiex minnu li l-bank ċentrali għandu pjani biex iqabbad konsulent barrani ġdid? Jekk iva, f'liema dipartiment mistenni jsir dan?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa nformat tajjeb. Bi sħab mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u taħt il-programm ta’ assistenza teknika ta’ l-istess FMI, il-Bank Ċentrali se jingaġġa lil Dr Alexander Markowski bħala konsulent ekonomiku għal perjodu ta’ sena minn Ottubru 2002.
Dr Markowski għandu kapaċitajiet akademiċi qawwija fl-ekonomija u l-ekonometrika u ħadem b’mod prattiku għal ħafna snin fuq dan ix-xogħol. Hu għandu wkoll esperjenza vasta tal-ekonomija Maltija peress li f’dawn l-aħħar għaxar snin ġie Malta kemm-il darba sabiex jagħti pariri lil Bank taħt assistenza teknika pprovduta mill-FMI. Fil-fatt il-kontribut tiegħu kien determinanti għall-iżvilupp tal-mudell ekonometriku tal-Bank.
F’dan l-istess kuntest huwa mistenni li Dr Markowski issa jaħdem flimkien ma’ uffiċjali fid-Dipartiment tal-Ekonomija tal-Bank fuq revizjoni u tibdil fil-mudell ekonometriku tal-Bank. Se jagħti wkoll pariri fuq metodi oħra kif jista’ jsir tbassir ekonomiku għal perjodi qosra jew medji. Barra minn hekk ikun mistenni li jagħti pariri fuq aspetti relatati mar-responsabiltajiet li għandu l-Bank fil-qasam tal-politika monetarja.
Peress li l-Bank diġa rċieva ħafna assistenza teknika mingħand il-FMI (kif diġa’ ntqal aktar ‘il fuq, il-FMI kien ħallas l-ispejjeż kollha sabiex dan l-istess espert serva ta’ konsulent għal għaxar snin), din id-darba l-ispejjeż tal-konsulenza bejn wieħed u ieħor se jinqasmu bejn il-Bank Ċentrali u l-FMI.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk li rritornaw il-VAT number u l-kotba tal-VAT lid-dipartiment tal-VAT f'dawn l-aħħar 4 snin sal-lum, sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' persuni reġistrati li talbu biex jinqatgħu mir-reġistru tal-VAT f'dawn l-aħħar erba' snin kien kif jidher hawn taħt:
1999 - 2,719
2000 - 2,541
2001 - 2,746
Jannar/Lulju 2002 - 1,335
Fl-istess snin, in-numru ta' persuni li rreġistraw mad-Dipartiment kien ta':
1999 - 3,480
2000 - 3,432
2001 - 3,200
Jannar/Lulju - 2,009
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 33673, jista' l-Ministru jgħid x'se jkunu l-fatturi li jikkontrollaw kif tiddevja sa 15% il-fuq jew l-isfel biss, ir-rata tal-kambju tal-lira Maltija?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwelnett irid jingħad li mhux bilfors li r-rata tal-kambju ta’ munita tiddevja mir-rata ċentrali tagħha. Fil-fatt il-lira Maltija ilha snin twal ma tiddevja b’dan il-mod. Dan għaliex id-domanda fis-suq għall-lira Maltija qatt ma kienet la qawwija żżejjed u lanqas dgħajfa żżejjed. Dan huwa sinjal ta’ ekonomjia stabbli u ta’ fiduċja fil-lira Maltija minn naħa ta’ investituri Maltin u barranin.
Jista’ jiġri pero’ li jekk għal xi raġuni jkun hemm dħul qawwi ta’ flus barranin u allura domanda kbira ħafna għall-lira Maltija, tinħoloq pressjoni biex ir-rata tal-kambju titqawwa. Jekk jiġri bil-maqlub u jkun hemm ħruġ qawwi ta’ flus mill-pajjiż, tinħoloq pressjoni biex il-valur tal-lira jonqos. L-eżistenza ta’ ‘band’ ta’ 15% ‘l fuq jew ‘l isfel, u li tapplika għall-pajjiżi kandidati kollha, hija ntiża preċiżament sabiex pressjonijiet eventwali ta’ din ix-xorta jkunu jistgħu jiġu akkomodati.
Fil-prattika, l-esperjenza ta’ pajjizi li diġa ssieħbu fl-UE tgħallem li meta pajjiż jissieħeb ma’ l-UE, u jkun allura immodernizza l-ekonomija tiegħu għal dan il-għan, jattira iżjed investiment u jibda jikber b’rata iżjed mgħaġġla w għalhekk x’aktarx ikun hemm tendenza li l-munita tiegħu tapprezza.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 33673, jista' l-Ministru jikkonferma kif se tiġi stabilita r-rata tal-kambju bejn il-lira Maltija u l-Euro?
Response (DALLI, JOHN)
Qabel ma Malta tibda tipparteċipa fl-ERM ir-rata tal-lira kontra l-euro tkun stabbilita skond kif jiddeterminha f’dak il-waqt il-basket ta’ muniti li jagħmel il-lira Maltija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fil-mixed commission li ltaqgħet dan l-aħħar fi Tripli qamet il-kwistjoni tal-visas bejn Malta u l-Libja? Tista' tagħti dettalji dwar l-aħħar żviluppi f'dan ir-rigward?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-kwistjoni tal-visas tqajmet fil-mixed commision u tħalliet għal diskussjoni fid-dettal mill-ministeri tal-Intern taż-żewġ pajjiżi. Matul id-diskussjonijiet li saru jiena xejjint l-argument li qed jagħmlu x'uħud f'Malta li pajjiżna m'għandux jingħaqad mal-Ewropa għax m'hux fl-interess tal-Libja li jsir dan. Jiena spjegajt li d-deċiżjonijiet li nagħmlu nagħmluhom fl-interess ta' Malta u li anzi, b'Malta fl-Ewropa, ir-relazjonijiet bejn Malta u l-Libja jieħdu relevanza akbar. Iż-żewġ pajjiżi huma fuq il-fruntieri bejn żewġ kontinenti u żewġ blokki politiċi u ekonomiċi, l-Unjoni Ewropeja u l-Unjoni Afrikana.
Huwa għajb għal dawk li fil-ferneżija li jissaboteġġjaw lil pajjiżna b'kull mod, jippruvaw jagħmlu bsaten fir-roti anke fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja.
Jista' il-Ministru jgħid billi fil-white paper dwar il-privatizazzjoni kienet issemmiet il-possibilita' tal-privatizazzjoni tal-Libjan Arab Maltese Holding Company tista' tgħid xi progress sar f'dan ir-rigward mill-1999 'l hawn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalissa din il-privatizazzjoni mhux qiegħda tiġi kkunsidrata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bank ċentrali qed iżommx l-istess tbassir dwar ir-rata ta' tkabbir ta' l-ekonomija Maltija li issemmiet fir-rapport annwali tal-bank jew huwiex il-każ li minn dak iż-żmien 'l hawn din ġiet riveduta 'l isfel?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jekk jikkonsulta r-rivista ta’ kull tliet xhur tal-Bank Ċentrali ta’ Ġunju 2002 (paġna 6) għandu jsib li t-tbassir tal-Bank dwar ir-rata ta’ tkabbir ta’ l-ekonomija Maltija ma ġietx riveduta ‘l isfel iżda baqgħet l-istess bħal dik li ngħatat fir-rapport annwali tal-Bank, jiġifieri bejn 2.5% u 3%. Minn meta ħarġet ir-rivista mbagħad, saru magħrufa estimi riveduti għall-infieq kapitali tal-Gvern u dan wassal sabiex issa qed titbassar rata ta’ tkabbir għas-sena 2002 li tista’ tilħaq it-3.3%. Wieħed ma’ jridx jinsa pero’ li fil-klima ta’ inċertezza li fiha tinstab l-ekonomija globali bħalissa, it-tbassir ekonomiku huwa eżerċizzju diffiċli ħafna. Għalhekk, kemm fil-fatt tikber l-ekonomija Maltija sa l-aħħar ta’ din is-sena jiddependi mhux ftit fuq kif u meta jirpiljaw il-pajjiżi li magħhom nagħmlu l-kummerċ.
Jista' il-Ministru jgħid sarux xi studji mill-gvern Malti, il-bank ċentrali jew l-MFSC dwar il-european savings tax directive? Jekk iva, tista' tagħti aktar tagħrif dwar dan?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-european savings tax directive li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għadha biss proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li tista' tinbidel sakemm issir direttiva. Għalhekk f'dan l-istadju l-Gvern Malti qed josserva l-iżviluppi li qed ikun hemm dwar din il-proposta għal direttiva u meta jkun il-waqt jieħu dawk il-passi li jkun hemm bżonn f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies barranin li xtraw residenza Maltija wara li għaddiet l-immigration act (cap 217, sec 7) sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-bidu fis-seħħ ta' l-attdwar l-Akkwist ta' Propjeta' Immobbli minn Persuni Mhux Residenti (Kap 246) ingħataw ħdax -il elf, mija u ħamsa u tmenin (11,185) permess biex barranin ikunu jistgħu jixtru propjeta' mmobbli hawn Malta.
Wieħed irid iqis li ħafna minn dawk li jkun xtraw propjeta' jerġgħu ibiegħha lill-Malta. Jekk barrani jbiegħ propjeta' lill-barrani ieħor, dan ikollu bżonn permess ieħor.
Għalhekk l-ammont ta residenzi li huma f'idejn il-barranin huma anqas min-numru ta' permessi mgħotija.
Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-gvern Malti għall-interess li wrer l-awtoritajiet Libjani li jkollhom bank f'Malta? Wrer xi interess fil-Bank of Valletta?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li hu għaqli li nirrejaġixxi għal spekulazjonijiet bħal dawn.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-prodotti mpurtati li huma sugar free u suitable for diabetics għandhomx dazju fuqhom? Jekk le, meta huwa l-każ li d-dwana tiddeċiedi li prodotti ta' dan it-tip, jitħallas id-dazzju fuqhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-prodotti kollha li huma ta' oriġini mill-UE m'għandhomx dazju fuqhom.
F'kull importazzjoni, ġejja minn fejn ġejja, d-Dwana tikklassifika l-prodotti skond ir-regoli ta' klassifikazzjoni tal-"Harmonised System" u jekk l-oriġini tal-prodotti ma' tkunx minn pajjiżi tal-UE tiġi applikata r-rata ta' dazju skond kif hemm provdut fit-Tariffa tad-Dwana għal dak il-prodott partikolari.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm self-employed u negozji li kienu rreġistraw għall-VAT f'Jannar tas-sena 1995? Kemm minn dawn ħarġu mis-sistema wara Settembru 1998? Mit-total ta' VAT miġbura fis-sena 2001, kemm minnha oriġina minn oġġetti mpurtati, kemm minn oġġetti prodotti lokalment u kemm minn servizzi domestiċi? Jekk Malta tissieħeb fl-UE, kemm minn dak li jinġabar f'VAT jinżamm mill-Gvern Malti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru totali ta' persuni reġistrati għall-VAT f'Jannar 1995 kien ta' 34,096. Minn Settembru 1998 sal-lum ħarġu mis-sistema (deregistrations) 10,330, fil-waqt li fl-istess perjodu 13,223 daħlu ġodda fis-sistema.
Rigward it-tieni parti tad-domanda, billi l-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT (denunzja) ma titlobx li jiġi irrappurtat separatament il-bejgħ ta' prodotti importati u manifatturati lokalment, l-informazzjoni mitluba mhux possibli li tingħata. Iżda, nista' ngħid li mid-dħul nett mill-VAT ta' Lm114,667,697 fis-sena 2001, is-somma ta' Lm57,536,765 inġabret mill-ħlas tal-VAT fuq bejgħ ta' prodotti (lokali u mportati) servizzi kif ukoll akkommodazzjoni turistika. Is-somma ta' Lm57,130,932 inġabret direttament fid-Dwana fuq prodotti importati.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda, it-tagħrif mitlub mhux possibli li jingħata minħabba li dan jiddependi mid-diskussjonijiet li għadhom qegħdin isiru dwar dan is-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq f'overtime fl-ewwel sitt xhur ta' din sena fil-Ministeri/dipartimenti kollha tal-gvern? Jista' jelenka kull ministeru/dipartimenti kemm nefaq f'dan iż-żmien?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-Ministeru/dipartiment huwa awtorizzat mill-Ministeru tal-Finanzi biex jaħdem s-sahra meta jkunu bin-nofs ta' nhari? Liema huma?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-awtorizzazzjoni għal xogħol bis-sahra hija f'idejn is-Segretarji Permanenti dejjem sakemm ikun hemm fondi pprovduti għal dan il-għan fl-estimi tal-Ministeri/Dipartimenti rispettivi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' djar li nxtraw minn persuni barranin fl-1999 sal-lum sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numri ta' permessi li ngħataw liċ-ċittadini barranin biex jixtru propjeta' mmobbli mill-1999 sal-lum sena b'sena hu kif jidher hawn taħt -
Sena Numru ta' Permessi
1999 219
2000 295
2001 344
2002 (sa l-aħħar t'Awissu) 279
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi forma ta' impact assessment jew xi analiżi, rigward il-livell tal-finanzi tas-soċjeta' Maltija f'dawn l-aħħar sentejn? Jekk iva, x'kien ir-riżultat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'huwiex ċar biżżejjed xi jrid ifisser l-Onorevoli Interpellant bil-livell tal-finanzi tas-Soċjeta Maltija. Wieħed qed jifhem il-likwidita' u l-aċċess għaliha tal-maltin biex ikunu f'qagħda li jitejbu l-livell tal-għixien tagħhom.
F'dan ir-rigward naħseb li l-figuri li se ngħati hawn taħt jitkellmu waħidhom -
1. Il-Prodott Groos Nazzjonali (Nominali) ras imb'ras i.e. il-valur ta' dak kollu li nipproduċu u naqilgħu aħna l-maltin, ras għal ras, inkluż dħul ta' pensjonijiet u mgħaxijiet fuq investimenti barra minn Malta
1990 - Lm2,193
1995 - Lm3,064
2000 - Lm3,867
2. Depożiti Bankarji -
1987 - Lm483.4 miljuni
1990 - Lm768.2 miljuni
1995 - Lm1,589.3 miljuni
2000 - Lm3,281.4 miljuni
3. Paga medja ta' ġimgħa -
F'Settembru 2001 din telgħet għal Lm83.04 i.e. Lm2.86 ogħla minn kif kienet f'Settembru 2000 u ogħla mill-Lm1.50 żieda fil-ġimgħa li tingħata għall-ogħli tal-ħajja.
4. Ħlasijiet totali mgħotija f'benefiċċji soċjali, inkluż il-pensjoni tal-irtirar, taħt l-Att tas-Sigurta' Soċjali 1987.
2000 1995 1990 1987
Pensjoni tal-Irtirar 71,892,924 48,262,536 29,302,468 22,264,427
Pensjoni tar-Romol 16,865,108 13,654,015 10,686,787 7,591,523
Allowance tal-Orfni 9,885 12,101 1,639 3,102
Pensjoni tal-Invalidita' 9,913,445 6,225,423 4,275,696 3,814,417
Survivor's Pensions 8,590,002 4,969,040 880,637 408,674
Total 107,271,364 73,123,115 45,147,227 34,082,143
Ċertament minn dan kollu joħroġ ċar l-affluwenza tas-soċjeta' Maltija u l-mod kif din kienet matul dan l-aħħar snin.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament għandhiex il-permessi meħtieġa ta' l-MFSC biex taħdem fil-kumpannija ta' l-insurance li d-dettalji tagħha wkoll qed jidhru separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mir-records tal-MFSC, ma jirriżultax li d-ditta ndikata għandha xi liċenzja taħt l-Att ta' l-1998 dwar il-Kummerċ ta l-Assigurazzjoni jew taħt l-Att ta' l-1998 dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra.
Iżda, fl-indirizz ta din id-ditta kif indikat mad-domanda, jirriżulta' li fil-fatt hemm individwu, li huwa liċenzjat sabiex jaġixxi bħala sott-aġent (sub-agent) fl-assigurazzjoni għal kumpannija (oħra) li tinsab debitament awtorizzata'.
Jirriżulta wkoll li fit-tieni ndirizz indikat hemm individwu ieħor - b'isem differenti, li huwa liċenzjat sabiex jaġixxi bħala sotto-aġent fl-assigurazzjoni għall-kumpannija debitament awtorizzata'.