Jista' il-Minstru jgħid kemm inħarġu passaporti Maltin xahar b'xahar matul is-sena 2002 sal-lum? Kemm kien l-ammont ta' flus li l-Gvern daħħal minnhom xahar b'xahar? Hemm xi ħsieb li l-passaporti jinbidlu meta Malta tkun membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, TONIO)
Il-Passaporti maħruġa lokalment għandhom format u livell ta` sigurta` li huwa aċċettabbli għall-Unjoni Ewropea.
Għalhekk, jiena nfurmat illi ma tinħassx il-ħtieġa li l-passaporti jinbidlu. Fil-frattemp, mhux se jkun hemm il-ħtieġa li persuni li għandhom passaport validu japplikaw għal passaport ġdid qabel it-tmien ta` skadenza.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub dwar passaporti li nħarġu bejn Jannar 2002 u Ġunju 2003.
Jista' il-Ministru jispjega kif tiġi kumpilata l-informazzjoni dwar ir-reati li jitwettqu fil-gżejjer Maltin? Kemm-il darba tinġabar din l-informazzjoni? Jeżisti xi kumitat ċentrali li jiġbor u janalizza l-istatistika tal-kriminalita' li tinġabar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni dwar reati li jiġu irrapurtati lill-Pulizija, tinġabar permezz tas-sistema kompjuterizzata installata fl-Għases tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex. Din is-sistema, magħrufa bħala Police Incident Reporting System (PIRS) hija ikkomunikata direttament ma` l-uffiċċju tad-Data Processing fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. L-informazzjoni tinġabar b`mod dirett ma` kull rapport li jidħol fis-sistema. Bħala regola, fil-bidu ta` kull xahar issir statistika fir-rigward tax-xahar ta` qabel. Din tiġi analizzata u diskussa matul il-crime conference li l-Kummissarju regolarment ikollu ma` l-uffiċjali għolja tal-Korp. Barra minn hekk fi ħdan il-Korp hemm ukoll is-sezzjoni tal-crime analysis li tmexxih psikologa u li ġie mwaqqaf fi Frar 2001.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-korp tal-pulizija għandux pjanijiet biex jintensifika s-sorveljanza u l-għassa mal-kosta ta' Malta u Għawdex fil-ġlieda kontra l-importazzjoni tad-droga u t-traffikar tal-persuni?
Response (BORG, TONIO)
Kif diġa` kelli l-okkażżjoni nispjega fit-tweġibiet preċedenti dwar dan is-suġġett, ninsab infurmat illi s-sorveljanza ta` l-ibħra territorjali Maltin hija assenjata lill-Forzi Armati ta` Malta, li dejjem taw l-assistenza tagħhom f`dan ir-rigward lill-Pulizija kull meta kien hemm il-ħtieġa.
Jista' il-Ministru jgħid x'għajnuna finanzjarja ngħata l-Gvern għall-bżonnijiet tal-klandestini mingħand entitajiet jew organizazzjonijiet internazzjonali? Saret xi talba mill-Gvern lill-organizazzjonijiet internazzjonali biex tingħata għajnuna materjali għall-klandestini?
Response (BORG, TONIO)
Il-Gvern ma ngħata ebda għajnuna materjali diretta għall-klandestini minn organizzazzjonijiet internazzjonali imma ngħata għajnuna u support mill-Unjoni Ewropea taħt il-kappa ta` Twinning Agreement fejn uffiċjali Maltin ingħataw taħriġ u nxtara makkinarju li ser jiġi inawgurat dalwaqt fil-qasam ta` l-immigrazzjoni.
Apparti dan, qed isiru preparamenti biex Malta tipparteċipa fi programmi ta` l-Unjoni Ewropea, p.e. European Refugee Fund. Imma l-Gvern mhux qed jistrieħ biss fuq l-Unjoni Ewropea u fil-fatt dalwaqt se jippreżenta riżoluzzjoni f`dal-Parlament biex Malta ssir membru sħiħ fl-International Migration Organisation. L-UNHCR tgħin ukoll tramite l-aġenzija lokali, l-Emigrants Commission li biex, fost l-oħrajn, jiġu stabbiliti kuntatti għar-resettlement. Għajnuna oħra tiġi minn kuntatti bilaterali li permezz tagħhom klandestini jiġu ripatriati.
Nieħu din l-okkażżjoni ngħid ukoll li hemm diversi għaqdiet lokali, uħud minnhom b`konnessjonijiet internazzjonali, li qed jagħtu sehem kbir f`din il-problema nazzjonali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hija l-ispiża tal-Gvern fuq kull klandestin kull ġurnata? Kemm-il darba l-klandestini jingħataw jieklu u jixorbu kuljum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-klandestini jiġu servuti bl-ikel tlett darbiet kuljum, kif ukoll te` jew kafe. Barra l-ilma tal-vit, kull min jitlob jingħata wkoll ilma tal-flixkun. Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid, ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa għal dawn il-klandestini.
Klandestini — Kwartieri ġenerali tal-pulizija - Furjana
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm qegħdin jinżammu klandestini fiċ-ċentru tad-detenzjoni fil-kwartieri ġenerali tal-pulizija, Furjana? Jista' il-Ministru jgħid kemm ilhom f'dan iċ-ċentru l-klandestini?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 133 immigrant illegali fiċ-ċentru ta` detenzjoni fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Floriana. Minn dawn, 75 ilhom minn Settembru 2002, filwaqt li l-oħrajn ilhom minn Ġunju ta` din is-sena.
Trasferiment ta' proprjeta' — Reġistrazzjoni ta' kuntratti
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati kuntratti għat-trasferiment ta' proprjeta' immobbli matul dawn l-aħħar ħames snin, kull sena separatament?
Response (BORG, TONIO)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għar-reġistrazzjoni ta` noti ta` Insinwazzjoni stante li fir-Reġistru Pubbliku ma jiġux reġistrati kuntratti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta` noti ta` Insinwazzjoni li ġew reġistrati fir-Reġistru Pubbliku ta` Malta u ta` Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin.
B'riferenza għall-korrispondenza li qed tintbagħat separatament, jista' il-Ministru jgħid jekk ir-rikjesta magħmula mill-kunsill lokali fuq l-applikant tirriżultax mill-Att dwar liċenzji tal-kummerċ (Kap 363)? Jekk le, jista' il-Ministru jgħid minn fejn tirriżulta din il-fakulta'?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li t-twaqqif ta` kjosk huwa regolat minn Regolament 10 ta` l-Avviż Legali 119/2002. Billi din hija funzjoni tal-Kunsilli Lokali, u billi l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji b`personalita` legali distinta, nitlob lill-Onor. Membru biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Kunsill Lokali konċernat.
ETC — Post ta' skrivan tfil-Kunsill Lokali ta' Marsaskala
Question
Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġew short listed il-kandidati li applikaw permezz ta' l-ETC għal-post ta' skrivan tal-Kunsill Lokali ta' Marsaskala? Jista' il-Ministru ġentilment jgħid xi kwalifiki u esperjenzi għandhom il-kandidati li ġew shortlisted?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali b`personalita` legali distinta u billi l-impjieg ta` persuni mal-Kunsilli jaqa` fil-kompetenza tagħhom, nissuġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba tniżżlu fil-log book jew xi file ieħor inċidenti li kienu jinvolvu assalt fuq pulizija min-naħa ta' l-immigranti illegali mill-1 ta' Jannar 2003 sal-lum? X'kienu d-dati ta' meta nqalghu dawn is-sitwazzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta` Jannar 2003 sas-26 ta` Ġunju 2003, kien hemm sitt inċidenti fejn membri tal-Korp tal-Pulizija ġew assaltati minn immigranti illegali detenuti. Dawn kienu nhar is-26 u d-29 ta` Jannar, nhar it-23 u t-30 ta` April, nhar is-16 ta` Mejju u fis-17 ta` Ġunju.
Jista' il-Ministru jgħid jekk iż-Żebbuġ football ground ingħatax b'ċens temporanju liż-Żebbuġ rangers football club? Jekk fin-negattiv, għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Meta fis-sena 2000 il-Gvern kien qiegħed jikkunsidra l-allokazzjoni ta` numru ta` proprjetajiet lil diversi għaqdiet sportivi, il-ground tal-football ta` Ħaż Żebbuġ ma setax jiġi offrut b`ċens għaliex parti mill-art li fuqha huwa mibni l-ground kienet għadha fil-proċess ta` esproprju taħt l-Ordinanza dwar Akkwist ta` Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi. Kien għalhekk li l-ground kien offrut b`kera liż-Żebbuġ Rangers Football Club, iżda dawn irrifjutaw għaliex kellhom preferenza għal titolu ta` ċens, li legalment pero`, ma setax jingħata.
Ninsab infurmat ukoll li l-proċess ta` akkwist fuq l-art in kwistjoni fil-fatt tlesta aktar kmieni din is-sena u illum l-art li fuqha hemm il-football ground hija kollha kemm hi tal-Gvern. Dan ifisser li ż-Żebbuġ Rangers Football Club issa jista` jibda t-trattivi mal-Ministeru għaż-Żgħażagħ u l-Arti sabiex b`kollaborazzjoni mat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern ikun jista` jiġi ikkunsidrat li jingħatalhom ċens fuq il-football ground imsemmi.
Jista' il-Ministru jikkonferma li ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet maħruġa mill-pulizija f'dawk il-lokalitajiet li m'hemmx delega biex titħaddem is-sistema ta' l-infurzar tal-liġi permezz tal-gwardjani lokali ma jidħlux fid-database tal-local enforcement system (LES) u b'hekk m'hemmx restrizzjonijiet fuq it-tiġdid tal-liċenzji tal-vetturi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fejn m`hemmx delega tal-infurzar tal-liġi permezz tal-gwardjani lokali, iċ-ċitazzjonijiet għal kontravenzjonijiet maħruġa mill-Pulizija ma jidħlux fid-database tal-Local Enforcement System. Qed isiru diskussjonijiet sabiex dawn jidħlu.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Direct orders
Question
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ direct orders li ħarġu mill-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru fix-xhur ta’ Jannar, Frar, Marzu u April ta’ din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra totali ta’ flus ta’ dawn id-direct orders? Jista’ il-Ministru jinformani bl-istess informazzjoni għall-perjodu tas-snin 2001 u 2002?
Response (BORG, TONIO)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern twaqqaf fl-14 ta` April 2003, u għal din ir-raġuni l-Ministeru l-ġdid ma setax jagħmel Direct Orders matul il-perijodu Jannar/April 2003.
Dwar it-tagħrif rigward id-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru fil-perijodi mitluba (Jannar sa April 2001, 2002, 2003), nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm inqabdu nies jisirqu mill-bidu tas-sena 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn Jannar u Mejju 2003 il-Pulizija irnexxielha issolvi 394 każ ta` serq li fihom 226 persuna inqabdu jisirqu. Uħud minnhom inqabdu iżjed minn darba.
Jista' il-Ministru jara li persuni li jkollhom il fuq minn 75 sena jingħataw il-faċilita' li jġeddu l-passaport tagħhom kull sena jew sentejn flok għall-perjodu sħiħ ta' 10 snin?
Response (BORG, TONIO)
Is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant ser ikun ikkunsidrat mid-Dipartiment ikkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm mietu persuni b'overdose mis-sena 2003 sal-lum u kemm kellhom żmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija żewġ każijiet ta` overdose li l-eżitu tagħhom kien fatali. Wieħed mill-vittmi kellu 21 sena filwaqt li l-ieħor kellu 24 sena.
Jista' il-Minstru jgħid kemm saru suwiċidji mil-bidu tas-sena 2002?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2002 ġew irrapurtati lill-Pulizija 15-il każ ta` persuni li ikkommettew suwiċidju. Rigward il-każi li seħħew din is-sena, bejn Jannar u Mejju, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 140 f`Seduta Nru. 8.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu passi biex jiżdied in-numru ta' pulizija speċjalment f'Paceville issa li dalwaqt jaslu eluf ta' żgħażagħ barranin, ħafna minnhom ta' anqas minn sittax-il sena, biex jistudjaw l-Ingliż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi qed tittieħed azzjoni skond kif meħtieġ.