Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #30945 Sitting 680 2002-01-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

Inċendju

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għar-rigward inċendju li sar fix-Xagħra, Għawdex u preċisament fl-indirizz 'Bienvienidos', Qasam ta' Dun Anton, Xagħra, Għawdex fis-26 ta' Novembru 2001 fis-2.30am, ma saret l-ebda inkjesta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każ ta` ħruq imsemmi mill-Onorevoli Interpellant qed jiġi investigat mill-Pulizija. Fil-fatt kien il-Maġistrat tal-Għassa li kien ta l-opinjoni li ma kienx hemm bżonn ta` inkjesta.
Leg 9 PQ #30565 Sitting 679 2002-01-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pembroke — Ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet li saru u/jew li għaddew pendenti għall-ftuħ ta' ħwienet f'Pembroke fis-snin 1995 - 2001? F'liema oqsma huma dawn il-ħwienet? Kemm minnhom ġew aċċettati? Kemm ġew rifjutati? Kemm hemm pendenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għat-tip ta` żvilupp li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet erba` (4) applikazzjonijiet. Dawn kienu għall :- 1. butcher shop 2. sale of stationery 3. confectionery 4. retail hardware store for paint Applikazzjoni waħda ġiet aċċettata u t-tlieta l-oħra ġew rifjutati. L-applikazzjonijiet huma kollha determinati, iżda fuq applikazzjoni minnhom ġie sottomess appell li għadu pendenti.
Leg 9 PQ #30567 Sitting 679 2002-01-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Policy

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biddlet il-policy tagħha u mhux se jsir is-shopping centre f'Pembroke, issa se jippermetti li ħwienet individwali jiftħu f'din il-lokalita?

Response (BORG, TONIO)

L-abbozz tal-Pjan Lokali għal Portijiet tat-Tramuntana jiddentifika "neighbourhood centre" għal dan il-lokal. Neighbourhood centre hija żona speċifika intenzjonata li tipprovdi lok għal ħwienet kemm ta` ħtiġijiet kif ukoll ta` servizzi. L-Awtorita` ta` l-Ippjanar tikkonsidra ukoll applikazzjonijet għal ħwienet ta` tip lokali (local shops) fiż-żoni residenzjali ta` Pembroke.
Leg 9 PQ #30502 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Fencing Ġdid

Question

Jirriżultalu l-Ministru li biex ittella fencing ġdid fil-ħabs inqatgħet il-linja tat-telefon ta' l-iskola tal-ħabs? Meta se jissewwa dan it-telefon peress li hu essenzjali għat-tmexxija ta' l-iskola?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-linja tat-telefon ta` l-iskola tal-Ħabs wara li ġiet irrapurtata bil-ħsara, ittieħdu l-passi neċessarji biex tisewwa. Diġa` sar xi bdil ta` wiring u jonqos biss xi xogħol tekniku mill-inġinier biex din il-linja terġa` tibda tiffunzjona.
Leg 9 PQ #30503 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Ħidma Edukattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi hemm maħsuba li jittieħdu biex tissaħħaħ il-ħidma edukattiva fil-ħabs biex il-persuni t'hemm ġew bis-serjeta' jingħataw l-opportunita' jibdew bidu ġdid f'ħajjithom?

Response (BORG, TONIO)

L-awtoritajiet tal-ħabs dejjem taw l-appoġġ neċessarju lil kull priġunier li wera interess bis-serjeta` li jirriforma ruħu. Dan joħroġ ċar mill-fatt li illum hemm żewġ priġunieri li qed jattendu kors l-Universita` u ieħor qed jagħmel kors bil-korrispondenza. Numru ieħor ta` priġunieri kull sena jagħmlu eżamijiet tal-MATSEC u jottjenu riżultati sodisfaċenti. L-Onor. Interpellant japprezza li biex persuna tirriforma ruħha trid tkun hi stess li tagħmel ħilitha kollha biex tirnexxi.
Leg 9 PQ #30504 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Kompjuters bil-Ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fl-iskola tal-ħabs issa ilhom xi 60 jum b'ħafna mill-kompjuters bil-ħsara u baqgħu ma ssewwewx minkejja li għadda dan iż-żmien aċċettabbli? Meta se jittieħdu l-passi biex jisservew dawn il-kompjuters?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29132, ninsab infurmat li fil-ġejjieni qarib ser jinxtraw computers ġodda. Se jsir dak kollu possibli biex kemm jista` jkun ma ssirx ħsara volontarja lill-apparat.
Leg 9 PQ #30505 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar il-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover li ġara fil-Qawra fl-1.7.2001 u li ommu diversi drabi kitbet lill-pulizija dwaru, inkluż ittra lill-kummissarju fl-10 ta' Diċembru 2001?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi din l-investigazzjoni għad mhix konkluża. Infurmat ukoll illi l-Pulizija qed iżomm kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #30506 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jistennew biex jagħmlu l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex l-oġġetti tal-fuħħar maħduma fil-ħabs jitħallew jinħarġu biex jiġu nfurmati? Meta se toħroġ l-awtorizzazzjoni meħtieġa?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 29132, ninsab infurmat illi l-awtorizzazzjoni biex l-oġġetti jinħarġu mill-Faċilita` u jittieħdu biex jinħmew ingħatat lill-Uffiċjal inkarigat fil-15/11/2001.
Leg 9 PQ #30507 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Programm Edukattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid veru li hemm il-ħsieb li jitnaqqas il-programm edukattiv fil-ħabs? X'inhuma r-raġunijiet għal dan it-tnaqqis?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma hemm l-ebda ħsieb li jitnaqqas il-programm edukattiv fil-ħabs. Riċentament inħatar Bord kompost minn chairman u żewġ membri biex jevalwaw il-programm preżenti, u dan bil-ħsieb li dan jiġi mtejjeb għall-benefiċċju ta` dawk il-priġunieri li verament iridu jitgħallmu.
Leg 9 PQ #30735 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu isir biex dawk li jkunu skontaw is-sentenza tagħhom fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin, u speċjalment iż-żgħażagħ, jkunu jistghu jerġgħu jintegraw fis-soċjeta' u isibu ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Il-priġunieri kollha li hemm fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin qegħdin jingħataw l-opportunitajiet kollha possibli biex meta jiskontaw is-sentenza tagħhom ikunu ippreparati aħjar għal meta joħorġu lura fis-soċjeta`. Enfażi kbira qegħda tingħata fir-rigward tal-edukazzjoni akkademika. Jingħata tagħlim fuq suġġetti varji bħal Ingliż, Malti, Matematika, Reliġjon, Taljan, Typewriting, Computer, Filosofija u Storja. Jingħata ukoll taħriġ fil-qasam ta` l-arti, li jinkludi xogħol tal-fuħħar u tpinġija, kif ukoll taħriġ tekniku fis-sengħa ta` electrician. Jingħataw ukoll lezzjonijiet biex dak li jkun jitgħallem jirrispetta s-soċjeta` u lilu nnifsu u biex itejjeb l-imġieba tiegħu ma` ħaddieħor. Dan jinkludi sessjonijiet ta` Lateral Thinking, Spiritual Meetings u Lifeskills. Fir-rigward taż-żagħżagħ l-attendenza għall-lezzjonijiet hija obbligatorja. Tajjeb wieħed isemmi li f`ċerti suġġetti jingħataw lezzjonijiet fuq gradi diversi u ċioe` dawk għal livell ordinarju kif ukoll ta` livell avanzat. Dawn l-isforzi taw riżultati pożittivi u diġa` għandna żewġ priġunieri li qegħdin jattendu l-universita` biex ikomplu l-istudji tagħhom. Numru sostanzjali ta` dawk li jattendu l-iskola kull sena jġibu riżultati sodisfaċenti fl-eżamijiet tal-MATSEC. Il-priġunieri ukoll jingħataw xogħol f`diversi ħwienet bħal Bookbinding, Aluminium u Metalwork, Woodwork, General Maintenance, Kċina, Canteen, Stores u xogħol ta` tindif fid-diviżjonijiet tal-ħabs. Ninsab infurmat ukoll li l-priġunieri li jkunu waslu fl-aħħar tlett xhur tas-sentenza jingħataw l-opportunita` li joħorġu jaħdmu għal numru ta` sigħat fil-ġimgħa barra l-ħabs.
Leg 9 PQ #30736 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Barijiet/Postijiet ta' Divertiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul Novembru u Diċembru 2001 u fl-ewwel jiem ta' din is-sena kemm il-persuna taħt is-sittax (16) il-sena inqabdet f'barijiet/postijiet ta' divertiment meta dan hu kontra l-liġi? F'liema lokalitajiet? Ittieħdu passi kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Novembru 2001 u s-7 ta` Jannar 2002, kien hemm 35 persuna taħt is-sittax-il sena li nqabdu f`diversi postijiet ta` divertiment ġewwa San Ġiljan. B`riżultat ta` dan, inbdew proċeduri quddiem il-Qorti kontra 8-il sid ta` dawn l-istabbilimenti.
Leg 9 PQ #30737 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Faċilita Korrettiva ta' Kordin

Question

Matul is-sena li għaddiet kemm kien hemm talbiet minn priġunieri barranin, miżmuma fil-Faċilita Korrettiva ta' Kordin, li talbu li jmorru jkomplu jiskontaw is-sentenza tagħhom f'pajjiżhom? Ta' liema nazzjonalita' kienu u għal liema raġuni kienu qed iservu sentenza? Kemm intlaqaw? Jekk kien hemm li ġew rifjutati, għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 in-numru ta` priġunieri barranin li talbu li jiskuntaw il-piena li fadal mis-sentenzi tagħhom f`ħabsijiet ġewwa pajjiżhom hu ta` 15. Minn dawn 13 huma Libjani filwaqt li 2 huma Olandiżi. Ir-reati li dwarhom dawn il-persuni ġew ikkundannati huma: pussess u importazzjoni ta` droga (14), u sensiela ta` serq (1). Sal-lum 3 talbiet ġew milqugħa.
Leg 9 PQ #30738 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Estradizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jelenka liema huma dawk il-pajjiżi li Malta għanda ftehim ta' estradizzjoni magħhom? Meta ġie iffirmat kull wieħed?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #30739 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ksur ta' Liġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Settembru sa Diċembru 2001 - xahar b'xahar, kemm tressqu nies talli kisru l-liġi f'dawn l-isadia: 1 Stadium Nazzjonali 2 Centenary Stadium 3 Victor Tedesco fil-Ħamrun 4 Hibs Ground f'Kordin 5 Gozo Stadium X'kienu l-akkużi prinċipali f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat mill-Onorevoli Interpellant kien hemm tlett persuni li ttieħdu proċeduri kriminali kontra tagħhom minħabba ksur ta` bon ordni fi ground tal-football. Dawn kienu jinvolvu persuna fl-Istadium Nazzjonali f`Novembru, filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu f`Diċembru, wieħed fis-Centenary Stadium u l-ieħor fil-Victor Tedesco Stadium. L-akkużi prinċipali kienu dwar imġieba abbużiva, kliem u ġesti oxxeni u dagħa.
Leg 9 PQ #30740 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

MFA

Question

Bħala Ministru responsabbli mill-artijiet, jista' jgħid sarx xi progress f'kuntatti mal-MFA dwar il-levellar u trranġar tal-Car Park li hemm wara l-VIP stand fl-Istadium f'Ta Qali? Japprezza il-periklu għan-nies u anke għaż-żwiemel tal-Pulizija li jkunu għassa wara xi logħba football f'dan il-post? Jappreżża li jkun hemm dlam ċappa u ż-żwiemel tal-Kavallerija faċilment jistgħu jintlaqtu minn xi vettura?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm xi kuntatti mat-Taqsima Proprjeta` tal-Gvern rigward dak li rrefera għalih l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu. Flimkien ma` l-Istadium Nazzjonali, il-car park ġie mogħti b`ċens għal disgħa u erbgħin (49) sena b`effett mit-23 ta` Diċembru 1997 lil Malta Football Association. Skond il-kundizzjoni numru 5 tal-kuntratt, il-manutenzjoni kollha tal-proprjeta` hija a karigu ta` l-assoċjazzjoni mingħajr l-ebda dritt ta` kumpens, u skond il-kundizzjoni numru 6, l-assoċjazzjoni għandha l-obbligu li żżomm il-proprjeta` fi stat tajjeb ta` manutenzjoni u tagħmel dawk ix-xogħlijiet ta` natura straordinarja u ordinarja, inkluż ukoll it-tiswijiet kollha neċessarji għal dan il-għan. Għaldaqstant, il-levellar u tranġar tal-Car Park irid isir mill-Malta Football Association.
Leg 9 PQ #30816 Sitting 676 2002-01-15 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Expatriates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' l-applikanti li għaddejjin mill-proċess, jew għamlu l-proċeduri kollha biex jieħdu d-dual citizenship mix-xahar ta' Settembru sa l-aħħar ta' Diċembru 2001? Jista' jinfurmana kemm kienu dawk li applikaw għad-dual citizenship mid-dipartiment taċ-ċittadinanza u ta' l-expatriates f'Malta fix-xahar ta' Settembru sa l-aħħar ta' Diċembru 2001?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li bejn Settembru u Diċembru 2001, id-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates ikkonferma li 474 persuna ikkwalifikaw awtomatikament biex iżommu żewġ ċittadinanzi. Matul l-istess perijodu, 269 persuna ġew reġistrati jew naturalizzati bħala ċittadini ta` Malta. Dawn il-persuni wkoll jikkwalifikaw għal ċittadinanza doppja. In-numru ta` talbiet li għadhom qed jiġu pproċessati huwa ta` 396 fil-każ ta` dawk li jikkwalifikaw awtomatikament, u 264 fil-każ ta` dawk li għamlu talba għal reġistrazzjoni jew naturalizzazzjoni.
Leg 9 PQ #30484 Sitting 675 2002-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Permessi

Question

B'referenza għall-PQ 30333 peress li fit-tweġiba saret referenza għall-persuni terzi u peress li l-Kunsill Lokali huwa entita' pubblika u mhux persuna privata, x'kienu fil-fatt il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali dwar l-applikazzjonijiet għall-ħwienet kummerċjali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-sistema ta` informazzjoni ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar m`hemmx irrekordjat l-ebda korrispondenza mill-Kunsilli Lokali fuq l-ebda mill-applikazzjonijiet li saret referenza dwarhom fil-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #30500 Sitting 675 2002-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs — Eżamijiet tal-Matsec

Question

Meta l-eżamijiet tal-Matsec li se jagħmlu għadd ta' persuni fil-ħabs jinsabu biss ftit xhur 'il bogħod, jista' l-Ministru jgħid għaliex id-direttur tal-ħabs għadu ma tax l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex jiġu reklutati l-għalliema ġodda meħtieġa biex jgħinu lill-ħabsin jippreparaw għal dawn l-eżamijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi riċentament saret talba lid-Direttur tal-Ħabs għal għalliema part-time sabiex jagħtu lezzjonijiet lil dawk li kienu ser jagħmlu eżamijiet tal-MATSEC. Irriżulta li ntalab għalliem għal kull priġunier individwali u mhux għalliem għal numru ta` priġunieri. Id-deċiżjoni ser tittieħed meta l-awtoritajiet tal-ħabs jiġu aċċertati mill-ko-ordinatur li l-priġunieri li talbu biex jagħmlu l-eżamijiet huma ta` livell aċċettabli.
Leg 9 PQ #30570 Sitting 675 2002-01-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Topic Paper

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tat-topic paper li ħejjiet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar 1 leisure and entertainment 2 coastal areas?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-Coastal Strategy topic paper. Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar (www.pa-malta.org). Dwar it-topic paper li tirrigwardja l-Leisure and Entertainment, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30336.
Leg 9 PQ #30622 Sitting 675 2002-01-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Slum Clearance

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u x'kumpens ser jingħata l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tal-ħanut li kellu u twaqqa' fil-proġett ta' slum clearance?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament ma bagħtitx id-dokumenti meħtieġa lid-Dipartiment ta` l-Artijiet biex isiru r-riċerki neċessarji biex jiġu stabbilit li hu s-sid tal-proprjeta` in kwistjoni.