B'riferenza għal mistosija parlamentari 28284, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-istatistika ta' l-ICT ta' dawn l-aħħar tlett snin u jgħid ukoll x'inhi r-raġuni li għad m'hemmx riżultat ta' l-eżamijiet li l-istudenti qagħdu għalihom f'Lulju? Meta ser joħroġ ir-rizultat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn is-sena 2004 u s-sena 2006 saru dawn l-ezamijiet ta' l-ECDL:
2004 (Lulju) 1552 studenti x 7 modules 10864 testijiet
2005 (Lulju) 937 student x 3 modules 2811 testijiet
(Novembru) 1037 student x 7 modules 7259 testijiet
2006 (Lulju) 1592 student x 7 modules 11144 testijiet
(Novembru) 1295 student x 7 modules 3885 testijiet
1029 student x 2 modules 2058 testijiet
TOTAL 38021 testijiet
B'referenza għall-ezamijiet ta' Lulju 2007 b'kollox kien hemm total ta' 9213 ezami u issa kollha huma kkoreġuti. Ir-rizultat huwa ppjanat li joħroġ għall-aħħar ta' Novembru.
Informat li għas-sessjonijiet li jmiss, li huma ppjanati għal Lulju li ġej, qed jittieħdu passi biex tibda titħaddem l-'automated testing system' li fost vantaġġi li tħaddan din is-sistema hija li l-kandidati kollha jkunu jafu kif marru ftit tal-ħin wara li jispiċċa l-ezami.
Jista' l-Ministru jgħid xi skala ta' salarji se jkollhom il-Precincts Officers?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadhom għaddejjin diskussjonijiet mal-Management and Personnel Office ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dwar l-iskala ta' salarji li se jkollhom il-Precincts Officers.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-ewwel sena tal-Junior College qed issir lezzjoni waħda biss tat-Technical Design minflokk it-tlett lezzjonijiet li suppost isiru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li mhux il-gruppi kkollha ta' l-Intermediate Engineering Drawing and Graphical Communication fil-Junior College qegħdin jingħataw lezzjoni waħda. Fil-kaz tal-gruppi li sal-lum kienu qed jingħataw lezzjoni waħda fil-ġimgħa, dan jirrizulta li l-lecturer li ntagħzlet waqt interviews li saru f'Settembru, ħtieġilha taħdem in-notice fejn kienet impjegata qabel. Jirrizulta li m'illum l-istudenti kollha qegħdin jingħataw il-lezzjonijiet kollha.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-net inflow ta' ħaddiema barranin lejn Malta matul is-sena 2006 u 2007 sal-lum? Kemm hawn ħaddiema barranin jaħdmu f'Malta bħalissa? Kemm minnhom ġejjin mill-Unjoni Ewropea? Kemm minnhom ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-net inflow ta' ħaddiema barranin (jigifieri, id-differenza bejn dawk li nghataw permess ta’ xoghol u dawk li ma ġġeddidilhomx il–permess, huma ta' liema nazzjonalita huma) lejn Malta matul is-sena 2006 kien ta’ 3448 u n-net inflow ta’ ħaddiema barranin lejn Malta matul is-sena 2007 sal-lum kien ta’ 3475. In-numru ta’ ħaddiema barranin jaħdmu f'Malta bħalissa huwa ta' 5752 li minnhom 2602 ġejjin mill-Unjoni Ewropea u 3150 ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu work permits fis-snin 2005, 2006 u 2007 sal-lum? Kemm minnhom kienu work permits ġodda u kemm minnhom kienu renewals? Mingħajr ma f'dan l-istadju nidħol fil-merti tal-każ, il-Gvern Malti sal-lum għamel xi studji jew ħejja xi rapporti biex jesplora l-fattibilita' li jdaħħal points based systems għall-barranin simili bħal dawk li qed jissemmew fl-Ingilterra u dawk li jeżistu fl-Awstralja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont ta' permessi tax-xoghol li nhargu fis-snin 2005, 2006 u 2007 sal-lum huma:
-2005 (mill- 1 ta Awissu 2005) 1937 permessi godda u 22 permessi mgedda
-2006 5013 permessi godda u 3191 permessi mgedda
-2007 (sal-lum 8 Novembru 2007) 4817 permessi godda u 2895 permessi mgedda
Fil gimghat li ghaddew, tfasslu proposti ghal bdil fis-sitema ta’ hrug ta’ permessi ta’xoghol u dawn il proposti qed jigu kkunsidrati.
Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi — Postijiet vakanti
Question
No question text.
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li t-tagħrif għall-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija qed jinġabar, ma nistax nifhem x’utilita` jista jkollha l-kumplament ta’ l-informazzjoni dettaljata mitluba mill-Onorevoli Membru. Għalhekk, kif ukoll għaliex il-ħin estensiv li jkun meħtieg sabiex tinġabar din l-informazzjoni jista` jintuża aħjar, ma nħossx il-ħtiega li tingħata l-kumplament ta’ l-informazzjoni li qed tintalab.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28211, jista' l-Ministru jgħid liema kumpanija hija responsabbli mit-tindif fil-pixxina nazzjonali? Meta ngħata l-kuntratt? Kemm kien hemm kumpaniji li tefgħu l-offerti? Kemm tiswa l-offerta li ngħatat għal din is-sena sħiħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kumpanija responsabbli hija 'Gafa' Saveway Ltd'. Il-kuntratt ingħata fit-28 ta' Marzu 2007. Għal dan it-tender intefgħu offerti minn 5 kumpaniji. Ir-rata ta' kull siegħa hija Lm 1.97 cents, 8 mils.
Jista' l-Ministrujgħid meta se jibda l-course part-time ta' l-IT li jismu Flash (beginners and advanced)? Jista' jgħid jekk hemmx xi courses oħra part-time li għadhom ma bdewx?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni ħareġ l-applikazzjoni għall-courses kollha fil-15 ta' Ottubru 2007. Dawn il-courses ilhom jiġu organizzati dan l-aħħar 9 snin. L-għalliema kollha ta' l-istat u ta' l-iskejjel kollha privati jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz b'mod volontarju. Il-course Flash for Beginners jagħmel parti mil-lista sħiħa tal-courses provduti mid-Dipartiment. L-għalliema jistgħu japplikaw online fuq http://skola.gov.mt/courses/default.shtml. Għal aktar dettalji u informazzjoni dwar dawn il-courses jistgħu jidħlu fuq il-link provdut.
Informat ukoll li għal din is-sena il-courses se jibdew fl-aħħar ġimgħa ta' Novembru, bil-kundizzjoni li jkun hemm numru sostanzjali ta' applikazzjonijiet għall-courses partikolari.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk sarux xi transfers ta' għalliema mid-Dipartiment għal ġo l-iskejjel u dawn it-transfers ġew imwaqqfa u mibdula biex tiġi aġevolata xi qariba tal-Ministru li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid liema proċedura ntużat f'dawn it-transfers u jekk din il-proċedura hijiex skond in-norma li tintuża s-soltu, jiġifieri by seniority hekk kif maqbul ma' l-MUT?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-posting ta' l-għalliem konċernat sar biss biex jiġu aġevolati l-istudenti konċernati.
Jikkonferma l-Ministru li fit-30 ta' Ottubru 2007, grupp ta' studenti mill-iskola primarja Guze Bonnici ta' tas-Sliema għamlu żjara edukattiva fil-palazz ta' l-Inkwiżitur ġewwa l-Birgu fejn kien għaddej xi xogħol ta' żebgħa u kien hemm inċident fejn iż-żebgħa xterdet fuq it-tfal? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol ma waqafx f'dak il-ħin li bdiet iż-żjara? X'kumpens ser jieħdu l-ġenituri li se jkollhom jixtru ħwejjeġ ġodda, inkluż l-uniformijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-30 ta' Ottubru, 2007, grupp ta' studenti għamlu zjara edukattiva fil-Palazz ta' l-Inkwizitur ġewwa l-Birgu. Din iz-zjara kienet ibbukkjata minn jiem qabel u l-iskola ma kellha l-ebda informazzjoni li kien għaddej xi xogħol ta' zebgħa fuq il-post. Informat li numru ta' tfal iċċapsu biz-zebgħa u informat li l-uniformijiet, basktijiet u zraben li ċċappsu kienu ser jiġu kompensati jew bi flus jew bl-istess oġġetti fuq imsemmija. Saret lista bl-ismijiet tat-tfal u kull oġġett li ċċappas, biex dan jitwettaq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il serqa ġiet rappurtata mill-ministeru, dekasteri u enti li jaqgħu taħtu matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena? Kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali l-oġġetti misruqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ġew irrapurtati 12-il serqa u l-ammont ta' l-oġġetti misruqa jammonta għall-valur ta' Lm3,412. Fl-Universita' ta' Malta ġew irraportati 2 serqiet u l-ammont jammonta għal Lm443. Fl-MCAST ġiet irraportata serqa waħda, li l-oġġetti jammontaw għal Lm7,462.32.
Jista' l-Ministru jinfurmani bil-pożizzjoni tal-ħaddiema fil-ITS li huma fuq kuntratt ta' tlett xhur jew iżjed li jiġġedded, jew li m'għandhomx job description? Xi ħsibijiet hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Gvern qed jieħu l-passi biex il-ħaddiema b'kuntratt fl-ITS ikollhom post fuq bazi indefinita fis-settur pubbliku. Il-ħaddiema konċernati ser jiġu informati bid-dettalji fi zmien qasir.
Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni li l-istudenti Group 4 l-ewwel sena tal-Junior College għadhom mill-bidu tas-sena akkademika mingħajr għalliem tal-IT fil-livell intermediate? Meta se jintbagħat dan l-għalliem biex l-istudenti ma jibqgħux imċaħħda min għalliem ta' l-IT?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif mitlub għadu ma wasalx, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 28734 u jgħid jekk l-Universita' ta' Malta għandix rabta ma' Gian Pietro Caliari li jgħid li huwa Professur ta' l-istess Universita' (Ref: http://www.gianpietrocaliari.eu/?page_id=2)
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma jezisti l-ebda kuntratt jew rabta ma' l-Universita' fir-rigward tal-persuna imsemmija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W426 u jgħid min huma l-persuni li ġew magħżula biex ikunu ż-żewġ Direturi Ġenerali? Kemm applikaw nies u min kienu? Minn min kie magħmul il-board ta' l-għażla? Jista' jgħid kemm se jkun il-ħlas u l-benefiċċji tagħhom bħala Diretturi Ġenerali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċess għall-ħatra ta' Direttur Ġenerali fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi (DSE) u ta' Direttur Ġenerali fid-Direttorat għall-Kwalita’ u Standards fl-Edukazzjoni (DKSE) għadu mhux konkluz u għaldaqstant it-tagħrif rilevanti jingħata fi stadju ulterjuri.
Għall-kariga ta' DSE applikaw disa’ persuni, waqt li għad-DKSE, applikaw tmienja. Qed nagħti l-ismijiet ta’ l-applikanti billi npoġġi l-lista fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-Board ta’ l-Għażla kien magħmul minn dawn il-persuni:
- Is-Sur Frans Borg, Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol bħala Chairperson ;
- Is-Sur Joe Ebejer, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, Membru ;
- Is-Sur Paul Attard, President tal-Board tal-Gvernaturi ta’ l-MCAST, Membru ;
- Dr Valerie Sollars, Dekan tal-Fakulta’ ta’ l-Edukazzjoni fl-Universita’ ta’ Malta, Membru u
- Is-Sur Joe Tong, Direttur għas-Servizzi Korporattivi fil-Ministeru għall-Kompetittivita’ u Kommunikazzjoni, Membru, bħala rappreżentant tal-Management and Personnel Office.
Il-ħlas u l-benefiċċji ta’ dawn iż-żewġ karigi ikunu magħrufa darba jsiru l-kuntratti ta' ingaġġ relattiv.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W427 u jgħid jekk l-istudenti intalbux iħallsu għal ġagaga u n-nuċċali li jintuża waqt is-suġġetti tax-xjenza fl-iskejjel sekondarji u fil-Junior Lyceums?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-biċċa l-kbira ta' l-iskejjel l-istudenti ma ntalbu jixtru xejn. F'ċerti skejjel oħra l-istudenti ntalbu jixtru l-ġagaga jew in-nuċċali biex kulħadd ikollu waħda personali minħabba iġene.
Peress li rċevejt ilmenti minn ġenituri li wliedhom imorru l-iskola primarja ta' Lija/Balzan dwar il-fatt li l-iskola tiftaħ biss fit-8.20 ta' filgħodu biex jiddaħħlu t-fal, jista' l-Ministru jara li l-iskola tinfetaħ aktar kmieni biex it-tfal ma jibqgħux barra fi triq pubblika bil-perikli kollha li hemm?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.