Jista’ il-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm postijiet vakanti ta' għalliema fl-iskejjel ta’ l-istat fil-livell primarju u sekondarju separatament? F'liema skejjel u f'liema suġġetti? X'inhuma r-raġunijiet prinċipali għal dan in-nuqqas ta' għalliema?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel ta' l-Istat fil-livell Primarju m'hemmx postijiet vakanti ta' għalliema, filwaqt li fil-livell Sekondarju hemm ħames postijiet vakanti kif indikat hawn taħt:
Suġġetti Vakanti Skola Raġuni
Integrated Science St Luċija GJL/ Fortini BSS Għalliem mar jgħallem l-MCAST
I.C.T. Ħamrun GS Għalliem li qiegħed bl-Unpaid Leave
History Ħamrun GSS Għalliem trasferit
History Marsa BSS Subject Co-Ordinator ingħata lezzjonijiet
full-load imma dan oġġezzjona għax qed
iżomm ma' l-agreement.
Physical Education St Lucija GJL Applikazzjonijiet mhux addattati wara
wara sejħa għall-interviews għal
Supply Teachers.
Qed jittieħdu l-passi possibli biex il-vakanzi jimtlew.
Junior college — Għalliema fil-livell tas-sixth form
Question
Jista’ il-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm postijiet battala ta' għalliema fil-livell tas-Sixth Form fil-junior college? Jista’ jgħid ukoll f'liema suġġetti u kemm ilu kull suġġett mingħajr għalliem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena akkademika 2003/2004, minħabba li in-numru ta' studenti baqa' jiżdied, il-Junior College kellu jfittex għalliema part-time biex ikopri numru ta' siegħat fil-ġimgħa f'dawn is-suġġetti:
Filosofija, Matematika, Ingliż, Soċjoloġija, Bioloġija, Fiżika, Environmental Science u Systems of Knowledge.
Ma hemm ebda grupp ta' studenti fl-ebda suġġett illi ma ngħatax lezzjonijiet minħabba nuqqas ta' għalliema.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm għandha ħlasijiet pendenti l-Fondazzjoni għall-iskejjel t’għada? Jista’ jgħid ukoll lil min, x’kien ix-xogħol li sar u kemm hu l-ħlas pendenti? Jista’ jgħid liema huma dawk ix-xogħlijiet li diġa` ġew verifikati u li jistgħu jitħallsu minħabba li ġew ċertifikati?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li l-kontijiet ta' l-FTS huma is-suġġett ta' verifika mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika u mill-Maġistrat inkwirenti, it-tagħrif mitlub jingħata meta dan ix-xogħol ikun ġie konkluż.
Learning Centre — Design and Technology - Administrators
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm nies bħala administrators fil-learning centre tad-Design and Technology li hemm in-Naxxar? Jista' il-Ministru jispeċifika eżattament x'inhu x-xogħol li qiegħed isir minn dawn in-nies?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kap li qed imexxi id-Design and Technology Learning Centre huwa wieħed biss u dan huwa l-Education Officer ta' dan is-suġġett.
Jista' il-Ministru jgħid kif qed jiġi aċċettat li numru sostanzjali ta' immigranti qed jieħdu xogħol il-Maltin mal-kuntratturi?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma jirriżultalix li qed jiġi aċċettat li immigranti jieħdu xogħol il-Maltin mal-kuntratturi. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (KXT) QATT ma tippermetti li xi immigrant jitħalla jagħmel xogħol mal-kuntrattur jekk hemm Maltin li lesti jidħlu għal dak ix-xogħol. Il-KXT tieħu interess dirett billi flimkien ma kuntratturi tintervista u tħarreġ Maltin li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol u li jkunu tajbin għal xogħol ta' kostruzzjoni. Hija realta' li minkejja kull sforz għad hemm diffikolta biex tiġi sodisfatta id-domanda kollha ta' l-employers fl-industrija tal-kostruzzjoni.
Fil-fatt il-Korporazzjoni flimkien ma' l-FOBC tapplika b'mod rigoruż il-kriterju li biex permess ta' barranin jiġi maħruġ kemm il-darba il-Maltin li hawn imħarrġa jingħataw preferenza u kif ukoll li l-kuntrattur jintrabat li jħarreġ lil xi ħadd Malti ieħor waqt li jkun qed iħaddem barrani.
Il-Korporazzjoni dejjem saħqet li l-MALTI għandu jingħata preferenza mhux biss fix-xogħol imma anke fit-taħriġ sabiex b'hekk ikun hawn nies imħarrġa biżżejjed f'dan il-qasam.
Jista’ il-Ministru jgħid għaliex għadu ma sar xejn biex tiġi rranġata t-triq quddiem il-bieb prinċipali ta’ l-iskola Ġużeppi Despott fejn jinġabar ħafna ilma tax-xita li t-triq kważi jkollha tingħalaq?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3691.
Skejjel — Studenti li qed jingħataw il-privat mill-istess għalliema
Question
Huwa aċċettabbli u etikament korrett li tfal li jattendu fi skola parimarja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, qed jingħataw il-privat mill-istess għalliema tagħhom? Jistgħu jittieħdu passi biex dan ma jibqax isir?
Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-istudenti tal-junior college ma jistgħux joqogħdu għall-eżamijiet tal-Bord AEB waqt li studenti sħabhom li jattendu sixth forms non-statali jistgħu, meta dan qed jitqies forma ta' diskriminazzjoni kontra l-istudenti tal-junior college?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Junior College jipprepara l-istudenti għall-MATSEC certificate biex ikunu jistgħu jidħlu l-Universita'. Is-sillabi li jiġu segwiti, dawk tal-MATSEC, huma differenti minn sillabi ta' bordijiet ta' eżamijiet oħra barranin.
Filwaqt li l-Amministrazzjoni tal-Junior College ma żżomm lil ħadd milli jagħmel ukoll eżamijiet li jrid hu ta' dawn il-bordijiet barranin, ma tistax fl-istess ħin tippreżenta għal dawn l-eżamijiet dawk l-istudenti li ma jkunux ġew ippreparati għalihom mill-Kulleġġ.
L-istudenti ikunu infurmati b'dan kollu f'laqgħa li ssir fis-Sajf, qabel ma japplikaw biex jidħlu il-Junior College.
Jista’ il-Ministru jgħid x'inhi s-somma totali li tħallset s'issa lill-awtoritajiet tal-knisja għall-iskejjel tagħha bhala salarji u manutenzjoni separatament mindu sar il-ftehim bejn il-gvern u l-knisja? Jista’ jagħti wkoll il-figuri sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra it-tagħrif mitlub.
Peress li issa għadda ħafna żmien mindu qalli fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari li wasal fi tmiemu l-proċess għall-għażla ta' Direttur ta' l-Eżamijiet, jista' jgħidli x'qed iżomm dan il-proċess milli jiġi mitmum?
Response (GALEA, LOUIS)
Jiddispjaċini il-proċess ta' l-għażla ta' Diretturi ma jiddependi xejn mill-Ministeru.
Jistgħu jittieħdu passi biex it-tifla bi bżonnijiet speċjali li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tintbagħat magħha persuni li tagħtiha l-għajnuna li għandha bżonn għax ilha mit-8 ta' Jannar, 2004 ma tattendi l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-facilitator kienet bis-sick leave. Il-Kap ta' l-iskola, la seta' jipprovdi xi facilitator mill-iskola stess u lanqas seta' jsib facilitator 'On Call'.
Il-facilitator tat-tifla reġgħet daħlet għax-xogħol fil-15 ta' Jannar 2004.
Skejjel primarji — Kors ġdid bit-titlu "Happy Series"
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu u min kienu dawk l-applikazzjonijiet għall-Avviż Nru. PS 25/03 għal xiri ta' textbooks tal-kors il-ġdid ta' l-Ingliż "Happy Series" għall-iskejjel primarji - sena skolastika 2003/2004? Kemm kienu l-offerti ta' kull wieħed u min ġie magħżul? Jista' jgħid minn meta se jibdew jiġu utilizzati dawn il-kotba u f'liema klassijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-tagħrif mitlub fl-ewwel parti tal-Mistoqsija ikun sar pubbliku u imwaħħal fuq in-notice board tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Informat ukoll li l-proċess tax-xiri tal-kotba għadu għaddej. Għalhekk l-ewwel ktieb ta' din is-serje ser jiġi introdott fil-Year 1 ta' l-Iskejjel Primarji Statali f'Settembru 2004.
Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet is-somma totali li ngħatat għas-salarji ta’ l-għalliema/staff ieħor ta’ l-iskejjel tal-knisja fis-sena skolastika 2002/2003? Jista’ jgħid kemm ingħata għal xogħol ieħor ta' manutenzjoni fl-istess żmien? Meta sar il-ħlas għal xogħol ta' manutenzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li is-somma totali li ngħatat lill-Knisja għall-Iskejjel tagħha għal salarji u spejjeż oħra fis-sena skolastika 2002/2003, jiġifieri bejn Ottubru 2002 u Settembru 2003 hija ta’ Lm9,080,225.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm ingħata lill-iskejjel tal-knisja għas-salarji u manutenzjoni separatament fl-ewwel xhur tas-sena skolastika li qegħdin fiha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ammont li ngħata lill-Awtoritajiet tal-Knisja għal salarji u spejjeż ġenerali ta’ l-Iskejjel tal-Knisja għas-sena skolastika li ninsabu fiha, jiġifieri minn Ottubru 2003 sa Jannar 2004 huwa Lm3,266,662.
Awtoritajiet ekklesjastiċi — Tqassim ta' fondi għall-iskejjel tal-knisja
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk tingħatax somma globali lill-knisja f'Malta u din titqassam mill-awtoritajiet ekklesjastici għall-iskejjel tagħha? Huwa magħruf kemm tingħata kull skola għas-salarji u għall-manutenzjoni?
Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti breakdown ta' kif saru l-ħlasijiet lil kull skola tal-knisja għas-sena skolastika 2002/2003?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li is-somma globali votata fl-estimi tiġi mgħoddija lill-Awtoritajiet tal-Knisja f’numru ta’ pagament ugwali f’forma ta’ tranche kull xahar li jkopri 1/12 tas-somma globali. Dan il-pagament f’forma ta’ tranche jkopri kemm salarji kif ukoll spejjeż ġenerali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti li applikaw ma' l-ETC għal course NCC u għadhom jistennew għax bla sponsor?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li in-numru ta' persuni li applikaw mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għal kors NCC kien ta' 44. Minn dawn 21 persuna ġew aċċettati fl-Advanced Diploma Course u 12 fid-Diploma Course.
Mill-11 li ma ġewx aċċettati 6 ma kienux eleġibbli, 2 qed jattendu programm ieħor u 3 oħra qed jattendu għall-kors privatament.
Għaldaqstant ma jidhirx li hemm xi persuni li qed jistennew biex jibdew NCC Course.
Jista' il-Ministru jikkonferma u jekk fil-każ jgħid għaliex it-tliet persuni li isimhom qed jintbagħat separatament, u li huma fil-grad ta' kapijiet ta' skola u assistent kap ta' skola, mhux qed imexxu l-ebda skola?
X'xogħol wettqu l-persuni msemmija fl-aħħar sitt xhur?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif jaf l-Onor. Membru qed titwettaq riforma fil-qasam ta' l-edukazzjoni teknoloġika biex tieħu post l-iskejjel tas-snajja. L-uffiċjali imsemmija, minħabba l-esperjenza tagħhom, ġew inkarigati jaħdmu fuq xogħol ta' l-implimentazzjoni tad-Design and Technology fl-iskejjel ta' l-Istat mad-Dipartiment tat-Teknoloġija fl-Edukazzjoni (DTiE).