Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu impjegati l-ministeru ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-numru ta' mpjegati fil-Ministeru tiegħi huwa ta' 285 li 77 minnhom jaħdmu f'ambaxxati jew missjonijiet u konsulati barra minn Malta. Ħadd minnhom ma hu on loan. Hemm 82 mpjegati li huma bil-kuntratt. L-Onorevoli Interpellant hu referut għal "Guidance on the Employment of Staff for Minister's Secretariat" kif approvat mill-Kabinett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti għal postijiet vakanti ta' second secretaries fil-Malta Diplomatic Service? Kemm hemm postijiet vakanti?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond paragrafu 26 tas-sejħa għall-applikazzjonijiet maħruġa fil-Gażżetta tal-Gvern numru 17995 ta' l-14 ta' Novembru 2006, l-applikazzjonijiet intlaqgħu mid-Dipartiment ta' l-Eżamijiet, il-Furjana u ċ-Ċentru ta' l-Eżamijiet ġewwa Victoria, Għawdex. Dan il-Ministeru mhuwiex f'pożizzjoni li jgħid kemm applikaw.
Jista' il-Ministru jgħid f'liema pajjiżi Malta għandha ambaxxatur residenti? Jista' f'kull każ jgħid min huma?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-Ambaxxaturi residenti barra minn Malta huma:
Ateni Is -Sur Saviour Falzon
Beijing Is-Sur Karl Xuereb
Berlin Dr Jean Paul Grech
Kajr Dr Richard Vella Laurenti
Kanberra (Kummissarju Għoli) Is-Sur Francis Tabone
Copenhagen Dr Noel Buttigieg Scicluna
Dublin Is-Sur Richard Muscat
Unjoni Ewropea (Rappreżentant Permanenti) Is-Sur Richard Cachia Caruana
Belġjum Is-Sur Tarcisio Zammit
Geneva (Rappreżentant Permanenti) Is-Sur Saviour Borg
The Hague Dr Ivan Fsadni
Lisbon Is-Sur Salv Stellini
Londra (Kummissarju Għoli) Dr Michael Refalo
Madrid Is-Sur Gaetan Naudi
Moska Dr Mario Costa
New York (Rappreżentant Permanenti) Is-Sur Victor Camilleri
Pariġi Dr Vicky Cremona
Riyadh Is-Sur Godwin Montanaro
Ruma Is-Sur Walter Balzan
Strasburgu Dr Joe Licari
Tripoli Dr Joseph Cassar
Tunes Dr Tanya Vella
Washington Is-Sur John Lowell
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-ministeru, dipartimenti u enti oħra fid-dekasteru tiegħu matul is-sena 2005-2006? Jista' jgħid f'liema grad hu kull impjegat ġdid?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar impjegati ġodda li mhumiex replacements.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, flimkien mad-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, kumpanniji u azjendi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu qattx ingaġġaw is-servizzi ta' Special Cleaners Limited? Jekk iva, f'liema każi, meta ġew ingaġġati, kif saret l-għażla tagħhom u kemm tħallsu s'issa?
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21728 u jgħid x'sar outsourcing u kuntratti simili jew anċillari għall-proviżjon ta' servizzi mill-ministeru, mid-dipartimenti u mill-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu matul is-snin 2004, 2005 u 2006?
Min kienu l-kumpanniji, individwi, firms, etc. li ħadu dan ix-xogħol (outsourcing u kuntratti ta' proviżjoni ta' servizzi) matul l-istess snin u perijodi?
Kemm tħallsu kull individwu u/jew ente li rċeviet xogħol bħal dan mill-ministeru, dipartiment jew ente li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-istess perijodi?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari 20413 imqegħda fid-29/07/06, u li wiegħed li se jirrispondi f'xi seduta aktar tard?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jalludi għall-uffiċċjali Governattivi li qegħdin jaħdmu fir-Rapprezentanza Permanenti ta' Malta għall-Unjoni Ewropea u għalhekk qiegħed nehmeż il-lista rispettiva bid-data ta' 9 ta' Novembru 2006. Iċ-Chain of Command huwa permezz tar-Rappreżentant Permanenti li jirrapreżenta lill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.
F'każ li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-uffiċċjali Governattivi li qegħdin jaħdmu bħala Seconded National Experts ma' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea, nirrakkomanda li jissottometti l-istess Mistoqsija lill-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli għas-Servizz Ċivili.
Jista' il-Ministru jikkonferma li l-mixed commission meeting mal-Libja ġiet posposta? X'wassal għal dan?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Fuq talba tal-Gvern Libjan id-dati tal-Mixed Commission iċċaqalqu. Ninsabu informati mill-Gvern Libjan illi d-dati ġew posposti b`ġimgħa minħabba li kienu viċin wisq (back - to - back) mal-EU - Africa Ministerial Conference on Development and Migration f`Tripli u allura kien impossibli li l-uffiċjali Libjani jkunu preżenti fiż-żewġ laqgħat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt hu n-numru ta' Maltin li jaħdmu l-Libja fil-preżent?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Huwa mpossibli li nagħti ċifra preċiża, tan-numru ta` persuni Maltin li jaħdmu fil-Libja.Ċittadini Maltin li jaħdmu fil-Libja m`għandhomx obbligu li jirreġistraw mal-ambaxxata Maltija.
Fuq inizzjattiva tagħha stess l-ambaxxata Maltija fi Tripli żżomm reġistru tal-Maltin li volontarjament jirreġistraw sabiex ikunu kuntattabbli f`każi ta` emerġenza iżda n-numru ta` persuni rreġistrati fih m`huwiex indikattiv biżżejjed tan-numru ta` ħaddiema Maltin fil-Libja.
Jista' il-Ministru jgħid x'ġara mill-pjani għall-aġenda tal-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja? Meta se ssir il-laqgħa li jmiss? Meta l-aħħar li saret laqgħa simili u x'aġenda kellha din il-laqgħa?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-laqgħa li jmiss tal-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja se ssir fi Tripli bejn l-20 u l-21 ta` Novembru li ġej. L-aġenda tal-laqgħa qed tiġi diskussa bejn iż-żewġ naħat.
L-aħħar laqgħa tal-
Mixed Commission
kienet saret f`Malta f`Ottubru 2003.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar outsourcing u kuntratti simili jew anċillari għall-proviżjon ta' servizzi mill-ministeru, mid-dipartimenti u mill-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu matul is-snin 2004, 2005 u 2006?
Min kienu l-kumpanniji, individwi, firms, etc. li ħadu dan ix-xogħol (outsourcing u kuntratti ta' proviżjoni ta' servizzi )matul l-istess snin u perijodi?
Kemm tħallsu kull individwu u/jew ente li rċeviet xogħol bħal dan mill-ministeru, dipartiment jew ente li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-istess perijodi?
Response (FRENDO, MICHAEL)
L-informazzjoni għada qed tinġabar u risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jagħti breakdown dettaljat tad-ditti kummerċjali li għamlu parti minn delegazzjonijiet li mexxa hu u/jew fejn akkumpanja lill-President tar-Repubblika fis-sena 2005 u fl-2006 sal-lum?
Dan it-tagħrif huwa mitlub skond kull delegazzjoni individwali.
Response (FRENDO, MICHAEL)
Id-dettalji huma kif ġej:
Fl-2005, ġew organizzati delegazzjonijiet kummerċjali għall-Finlandja, l-Irlanda, l-Indja, l-Eġittu, ir-Repubblika Ċeka u Spanja.
Fl-2006, il-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin organizza delegazzjonijiet kummerċjali lejn it-Tuneżija (darbtejn), Kroazja (darbtejn) u l-Latvja.
B`sodisfazzjon ninnota li l-interess f`dawn l-inizzjattivi kummerċjali mis-settur privat kif ukoll mill-korpi kostitwiti u l-aġenziji tal-Gvern, żdied sostanzjalment meta wieħed iqabbel il-figuri ta` l-2005 ma` l-2006. Fil-fatt din is-sena ġiet reġistrata żieda ta` 57% fil-parteċipazzjoni meta mqabbel ma` l-2005.
Is-sena li ġejja, l-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin se jkompli b`din il-ħidma fil-kuntest tar-responsabbilta` għall-qasam tal-kumerċ internazzjonali.
Kif diġa ħabbart ftit taż-żmien ilu s-sena d-dieħla hu mistenni li mmexxi delegazzjoni Kummerċjali fiċ-Ċina u possibilment anke f` pajjiżi oħrajn.
Din il-ħidma qed titwettaq mill-
Economic & Cultural Diplomacy Unit
fi ħdan il-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin fil-kuntest tal-miri strateġiċi li ħabbart aktar kmieni din is-sena.
Ma naħsiebx li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar ismijiet ta` ditti kummerċjali għandha tinħareġ fil-pubbliku mingħajr il-permess tad-ditti nnifishom.
Hija prattika tal-Ministeru ta` l-Affarijiet Barranin li jsir Avviż fil-ġurnali ta` kuljum dwar min jixtieq jagħmel parti minn dawn id-delegazzjonijiet. Jiena stess ukoll kelli laqgħat mal-Kumitat Eżeguttiv tal-Kamra tal-Kummerċ dwar dawn il-laqgħat ma` uffiċjali ta` organizzazjonijiet li jirrappreżentaw is-settur privat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2006? X'kienet ir-raġuni ta' kull safra, minn min kienet komposta u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija fid-dekasteru tiegħu, fejn qegħdin, kemm swew is-sena l-oħra u kemm kien il-fuel bill tagħhom?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Għall-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt fil-mistoqsija parlamentari numru 17894. Il-fuel bill għal dan il-perjodu kien jammonta għal Lm3,619.70.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu s-salarju u benefiċċji oħra li għandhom l-ambaxxaturi Maltin, dawk residenti f'pajjiżna u dawk fil-pajjiż li fih jirrappreżentaw lil pajjiżna?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Ambaxxaturi li huma residenti fil-pajjiż li huma kkreditati għalih jieħdu salarju ta' Malta fuq skala 3 li, fis-sena 2006, jammonta għal Lm11,567. Dan is-salarju huwa nkorporat fil-Global Emoluments, liema Global Emoluments ivarjaw skond il-pajjiż fejn huma residenti. Dawn il-Global Emoluments jinħadmu fuq formula stabbilita fil-"Conditions of Service for Officers Serving Overseas" u li l-elementi tagħha huma indikati mill-Ġnus Magħquda. Tajjeb insemmi li l-aħħar reviżjoni ta' dawn il-Global Emoluments saret fl-2001, ħames snin ilu.
Barra minn dan l-Ambaxxaturi jitħallsu Lm1400 fis-sena bħala "representation allowance", ħlas ta' kera, kontijiet tat-telefon, dawl u ilma tar-residenza uffiċċjali. Benefiċċji oħra huma dawk applikabbli għal kull diplomatiku Malta kif elenkati fil-"Conditions of Service for Officers Serving Overseas".
Mill-2004, l-Ambaxxaturi mhux residenti ma jirċievux honorarium iżda għandhom 800 unit ta' telefonati lokali mħallsa mill-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'kumpanniji ta' reklamar mill-ministeru u dipartimenti tiegħu matul is-sena 2006? Jista' jgħid liema kienu l-aġenziji ta' reklamar li ġew użati u l-ispiża nvoluta f'kull każ?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Hawn taħt qiegħed nagħti lista ta' aġenziji ta' reklamar li ngħataw xi xogħol mill-Ministeru tiegħi u d-dipartimenti tiegħu matul is-sena 2006, u l-ispiża nvoluta.
Head Office - Communique Creations - Lm 819.44, BPC International Ltd - Lm 4106.85, MPS Ltd -
Lm 3823.90. Total - Lm 8830.19.
Forum Malta fl-Ewropa - Water Melon Media & Communications - Lm 1947.00, Billboard Advertising -
Lm 600.00, Box Design - Lm 132.75. Total Lm 2679.75
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn Maltin miżmumin ġo ħabsijiet barra minn Malta llum? Kemm ilhom hemm u ta' xiex instabu ħatja? Fejn qegħdin?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin għandu informazzjoni dwar tmien (8) persuni ta' nazzjonalita Maltija li jinsabu miżmuma ġo ħabsijiet barra minn Malta.
Dawn jinsabu arrestati fil-pajjiżi li ġejjin:
Pajjiz - Turkija, Numru ta' Persuni - 1, Reat - Omiċidju / Traffikar ta' droga, Bidu ta' inkarċerazzjoni 2002; Pajjiz - Awstralja, Numru ta' Persuni - 1, Reat - Omiċidju, Bidu ta' inkarċerazzjoni 1993; Pajjiz - Italja, Numru ta' Persuni - 4, Reat - 2 Traffikar ta' droga, 2 Traffikar illegali ta' persuni, Bidu ta' inkarċerazzjoni 2 fl-2003, 1 fl-2004 u 1 fl-2005; Pajjiz - Olanda, Numru ta' Persuni - 1, Reat - Traffikar ta' droga, Bidu ta' inkarċerazzjoni 2005; Pajjiz - Stati Uniti, Numru ta' Persuni - 1, Reat - Offiża sesswali fuq minorenni, Bidu ta' inkarċerazzjoni 2004.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il liġi b'konnessjoni mal-liġijiet u regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea ġew mgħoddija u approvati mill-Parlament sena b'sena matul is-snin 2004, 2005 u 2006?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Jiena nfurmat li fil-perjodu 2004-2006, il-Parlament adotta 13-il Att maqsumin kif ġej:
4 (erba`) fis-sena 2004
4 (erba`) fis-sena 2005
5 ( ħamsa) fis-sena 2006
Jista' il-Ministru jekk jogħġbu jikkonfermali mill-ischolarships li ħareġ dan l-aħħar il-gvern, kemm applikaw studenti fl-Ekonomija? Huwa minnu li kien wieħed biss u dan ma ġiex magħżul minkejja li għandu l-kwalifiċi kollha?
Response (FRENDO, MICHAEL)
Il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin joħroġ mas-17 il-call for applications fis-sena għal scholarships barra minn Malta. Billi d-domanda mhix ċara biżżejjed biex nkun nista nirrispondi għaliha, nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jispeċifika l-ischolarshipjew scholarship li għalih qed jirreferi. Tajjeb ukoll li l-Onorevoli Interpellant jinnota li huwa numru limitat biss mill-ischolarships kollha li joħroġ il-Gvern li jinħarġu mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin.