Jista' l-Ministru jgħid jekk matul l-2006 kienx qed jinkera xi garaxx biex fih tinżamm il-karozza uffiċjali tiegħu? F'każ li t-tweġiba hija fl-affermattiv jista' jgħid kemm kienet in-nefqa globali għal din il-kirja u fejn jinsab il-garaxx?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura jikri garaxx wieħed li fih tinżamm il-karozza uffiċjali. Dan il-garaxx jinsab fil-lokalita’ ta’ San Ġwann u jinkera għall-ammont ta’ Lm495 fis-sena.
B'referenza għal rapporti fejn ic-Chief Executive Officer tal-MTA ġie rrapurtat li qal li huwa target tal-Gvern li t-turiżmu ser jiżdied b'7% din is-sena, fi kliem ieħor b'78,000 turist, jista' jgħid jekk dan sarx skond kalkoli tal-Gvern innifsu permezz tal-Joint Ministerial Committee immexxi mill-Prim Ministru, l-Ministeru u l-MTA? Fuq liema bażi nħadmu dawn il-projections meta l-indikazzjonijiet tas-suq juru l-kuntrarju?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli interpellant qed jirreferi għal-dak li ntqal fil-konferenza ġenerali annwali ta' l-Awtorita' tat-Turiżmu fejn dak li kien il-Kap Eżekuttiv ta' l-Awtorita', kien stqarr li fl-opinjoni tiegħu, iż-żieda fin-numru ta' turisti lejn Malta kellha tilħaq 7% sa l-aħħar tas-sena. Dik iċ-ċifra hija bbażata fuq numru ta' studji interni li jsiru ta' sikwit fi ħdan l-Awtorita'.
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-uffiċjali/ħaddiema li rriżenjaw u jew spiċċaw mix-xogħol fid-dipartimenti, ministeru, entitajiet li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Mejju, 2004 'l quddiem? Liema vaganzi mtlew u liema għadhom pendenti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti lista sħiħa tal-persuni u l-grad tagħhom li ntervistaw lill-impjegati ta' l-Awtorita' Maltija għat-Turiżmu fil-proċess ta' ristrutturar li sar mis-sena 2004 sal-lum?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-intervisti lill-impjegati ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta (l-MTA) fil-proċess ta’ ristrutturar li sar mis-sena 2004 sal-lum saru minn Senior Manager ta’ l-MTA li kien assistit minn Senior Executive, fil-preżenza tad-Direttur jew Head tad-Dipartiment konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol li kien ħabbar ftit tax-xhur ilu mhux ħażin fejn is-sit tat-Teatru Rjal kellu jiġi mgħotti? Jista' jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi f'dan is-sens? Jista' jgħid ukoll kemm hija l-ħsara li ġarrbu s-siġġijiet li kif kulħadd jista' jara tħallew hemm u saritilhom ħsara konsiderevoli minħabba li huma esposti għall-elementi kollha? Għal kemm tammonta din il-ħsara?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi qiegħda ssir stima tax-xogħol li meħtieġ isir sabiex is-sit imsemmi jkun fi stat tajjeb, skond ir-regoli relevanti sabiex isir fih l-Malta Arts Festival Summer 2007. Il-proġett sabiex dan is-sit jiġi mgħotti jinsab fil-fażi ta’ ippjanar.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25716 u jgħid xi ftehim jew kuntratt hemm bejn Where's Everybody ( u kumpanniji sussidjarji jew assoċjati) u l-Maltasong Board, dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tal-music video, ic-CD u d-DVD tal-kanzunetta Vertigo? Jista' jippreżenta kopja tal-kuntratti kollha li saru bejn iż-żewġ naħat? Kemm intalbu jħallsu l-kumpannija Where's Everybody għad-drittijiet tal-kanzunetta Vertigo, li skond il-liġi huma proprjeta' tal-Maltasong Board biex ikunu jistgħu jużawha fil-programmi tagħhom? Jista' jgħid għaliex kumpaniji u ħwienet li talbu li jbiegħu c-CD u d-DVD tal-kanzunetta Vertigo ma ngħatawx permess mill-Where's Everybody biex jagħmlu dan? Għaliex il-kanzunetta Vertigo qed tinbiegħ biss minn żewġ kumpaniji?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f'kontijiet tad-dawl u ilma matul is-sena 2006 fil-ministeru u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-nefqa f'kontijiet tad-dawl u ilma matul is-sena 2006 fil-ministeru u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tieghi kienet ta' Lm 159,626.90.
Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw airlines hekk imsejħa low cost biex joperaw id-diversi rottot li offra l-gvern? Kemm ġew aċċettati? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-airlines applikaw għal xi rotta f'din l-aħħar sena li ma kenitx offruta mill-gvern? Jekk kien hemm, liema kienu u x'deċiżjoni ttieħdet?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fl-ewwel sejħa żewġ linji ta' l-ajru low cost applikaw biex joperaw xi uħud mir-rotot li offra l-Gvern. Il-Gvern aċċetta l-offerti taż-zewg airlines iżda waħda minnhom iddeċidiet li la l-airline l-oħra ser topera hi ma toperax. Għat-tieni sejħa, ma kienx hemm applikazzjonijiet. Fit-tielet sejħa airline waħda applikat għal xi rotot u l-offerti kienu aċċettati. Wieħed ma jistax japplika għal xi ħaġa li għaliħa ma hemmx sejħa għall-offerti. Low cost airlines oħrajn ukoll qed joperaw lejn u minn Malta.
Jekk l-Onor qed jitlob informazzjoni dwar liema rotot xi linji ta' l-ajru wrew interess fihom, din hija informazzjoni ta' natura kummerċjalment sensittiva u ma tistax tingħata.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa minn Heritage Malta ħalli t-tempji ta' Hal Saflieni ġewwa Hal Tarxien jiġu spjegati aħjar permezz ta' materjal divers u tabelli fuq il-post?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni huwa mgħammar kemm b’tabelli fuq il-post kif ukoll introduzjoni awdjo-viziva f’ħames lingwi. Fil-preżent, Heritage Malta qed tintroduċi Audio-guides fl-istess ħames lingwi, jiġifieri Malti, Ingliż, Taljan, Franċiż u Ġermaniż. Fil-futur qarib, ser ikun introdott ukoll il-Ġappuniż, u aktar lingwi ser ikomplu jiżdiedu minn żmien għal żmien, sabiex dejjem nilħqu il-bżonnijiet ta' swieq ġodda fil-qasam tat-turiżmu.
Jista' l-Ministru jikkonferma x'inhuma l-working hours tac-CEO tal-MTA? Jista' jikkonferma jekk dawn humiex jiġu osservati rigorozament? Jista' jqiegħed il-kuntratt tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra? Kemm hemm verita' f'rapporti li huwa allegatament ġieli jgħid li kultant jagħmel xogħlu mid-dar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Naħseb li wara li l-persuna indikata irriżenjat mill- kariga li kienet tokkupa mal-MTA, m'hemmx aktar skop li tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ikkontribwixxa finanzjarjament l-ministeru tiegħu għan-Notte Gozitana ta' Lejliet Lapsi? Il-ministeru kemm irnexxielu jġib sponsorships biex jilqa' għall-uħud minn dawn l-ispejjeż?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura kkontribwixxa Lm49,259.23. Il-Ministeri rnexxielhom jġibu Lm25,300 biex jilqgħu għall-uħud mill-ispejjez finanzjarji.
Turiżmu u Kultura — Ħaddiema ntitolati għall-gazzetti
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma n-nies fil-private staff u d-dekasteru tiegħu ntitolati għall-gazzetti kuljum? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa fuq ix-xiri ta' gazzetti matul is-sena 2006?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi n-nefqa fuq xiri ta' gazzetti matul l-2006 kienet ta' Lm3,876.74. L-uffiċjali intitolati għall-gazzetti kuljum huma kif ġej:
Chairman, Chief Executive Officer, Direttur Communications - Awtorita' tat-Turiżmu:
Ministru, Segretarju Permanenti, Segretarju Privat, Assistent Segretarju Privat, Communications Coordinator - Ministeru għat-Turiżmu u Kultura;
Is-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali.
Entitajiet oħra bħad-Dipartiment tat-Turiżmu, Heritage Malta, t-Teatru Manoel, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi u l-Orkestra Nazzjonali m'għandhomx uffiċjal wieħed partikolari intitolat għall-gazzetti iżda tinxtara kopja tal-gazzetti biex jinżammu aġġornati dwar dak li jirrigwardhom.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' l-EIA parzjali li ħejjiet l-MTA dwar il-proposta oriġinali tal-Prim Ministru Gonzi biex issir korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra? Qabel ma l-Prim Ministru ħabbar dan is-sit prospettiv xi sentejn ilu l-MTA kienet ġiet ikkonsultata dwar din l-għażla? F'dak l-istadju l-MTA kienet taqbel mal-proposta li saret mill-Prim Ministru biex tinbena golf course fix-Xagħra l-Ħamra? Meta ġie kkummissjonat l-EIA min-naħa tagħkom? Minn min sar? Sar fuq inizjattiva tal-Ministru jew fuq struzzjonijiet tal-Kabinett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub mill-Onor. interpellant. Hekk kif l-Awtorita' tat-Turiżmu ġiet mitluba mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex tinvestiga is-sit tax-Xagħra l- Ħamra, qabdet numru ta' konsulenti sabiex tkun f'pożizzjoni tagħti l-parir mitlub.
Kif jixhed dan ir-rapport, saret evalwazzjoni profonda u dettaljata ta' l-impatt kemm pożittiv u negattiv ta' dan il-proġett. L-Awtorita' tat-Turiżmu ikkummissjonat l-EIA fil-15 ta' Settembru. Il-koordinament u l-preparamenti saru minn ADI Associates.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26359 u cioe': B'referenza għall-financial estimates2007 tal-MTA mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra jista' jagħti breakdown ta' kif u lil min tħallsu Lm81,476 għas-sena 2005 u Lm91,285 għas-sena 2006 imniżżla bħala management remuneration f'paġna 17?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta' Lm81,476 għas-sena 2005 u l-ammont ta' Lm91,285 għas-sena 2006 tħallsu lid-Diretturi, lis-CEO u lill-Executive Chairman għall-qadi tad-dmirijiet u t-twettiq ta' l-obligazzjonijiet tagħhom lejn l-Awtorita' tat-Turiżmu.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26358 u cioe : Peress li fil-financial estimates 2007 tal-MTA mqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra f'paġna 17 taħt 13. Staff Costs and Employee Information jingħad li n-nefqa ta' Lm1,932,404 (sena 2005) niżlet għal Lm1,553,292 (sena 2006) għax in-numru ta' mpjegati niżel minn 198 fis-sena 2005 għal 149 fis-sena 2006, jista' jgħid kemm mit-tnaqqis fin-nefqa u fin-numru ta' mpjegati jirriżulta:
mill-għeluq ta' uffiċini f'pajjiżi oħra
mill-iskema ta' rtirar kmieni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-għeluq ta' tmintax -il uffiċċju barra minn Malta irriżulta fi tnaqqis fin-nefqa ta' Lm307,849 u li l-irtirar ta' disa' impjegati naqqas in-nefqa b'Lm71,263.
Matul l-2005 numru ta' impjegati każwali li ġew ingaġġati ma' l-Awtorita' għall-perjodu qasir ta' żmien , fejn taw is-servizz tagħhom fid-dipartiment ta' l-events kienu irrapurtati man-numru ta' impjegati. Matul l-2006 dawn l-impjegati ma kienux irrapurtati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar inkluż spejjeż ta' lukandi, flights u subsistence allowance fil-ministeru, dipartimenti u entili jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament xahar b'xahar u min kienu l-uffiċjali separatament?
Jista' l-Ministru jgħid ta' kemm stilel kienu l-lukandi li marru fihom l-uffiċjali mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu matul x-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007, safra b'safra separatament u min kienu dawn l-uffiċjali?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet Maltin għandhomx ħsieb li jagħmlu rappreżentazzjoni lill-organizzaturi tal-Eurovision Song Contest dwar il-proċeduri u sistemi diskriminatorji eżistenti dwar il-votazzjoni fis-semi-finals u fil-finali tal- contest?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ir-riżultati tas-semi finali u finali tal-Eurovision Song Contest prima facie jindikaw li s-sistemi u proċeduri intużati jistgħu jitqiesu bħala diskriminatorji. Minkejja dan, iżda, s’issa ma tfaċċaw l-ebda provi konkreti li jissustanzja dak li wieħed jista’ mill-ewwel jaħseb, ċioe`, li din is-sitwazzjoni hi konsegwenza ta’ nuqqas ta’ trasparenza u/jew maniġġjar ta’ voti mal-medda tal-biċċa l-kbira tal-pajjizi.
Madankollu, se nkunu qed insegwu fil-fora eżistenti, kull suggeriment jew proposta sabiex is-sistema tal-votazzjoni fil-futur telimina kemm jista’ jkun fatturi li jinfluwenzaw b’mod negattiv l-andament tal-proċess u, allura, ir-riżultati, permezz ta’ miżuri li jistgħu jiġu addottati mill-pajjizi parteċipanti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex xogħlijiet ta' tħammil u kostruzzjoni f'inħawi ta' Buġibba, Sliema u San Ġiljan ma jkomplux iħarbtu n-negozju ta' stabbilimenti turistiċi u lukandi bħal Fortina u Rafael Spinola?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura bi qbil mall-BICC kull sena jieħu ħsieb li jippubblika avviż li hu ntenzjonat inaqqas l-iskomdu fiż-żoni kollha turistiċi matul ix- xhur tas-sajf.
Minbarra dan, il-Ministeru ta s-sehem tiegħu fil-Building Regulations maħruġa din is-sena u li bħalissa qegħdin fi stadju ta’ konsultazzjoni pubblika.
Bi ftehim mal-ADT u l-MHRA ġie msaħħaħ il-mod ta’ kif jingħataw il-permessi għall-
trenching works
f’żoni turistiċi matul ix-xhur tas-sajf biex jiġi minimizzat iċ-ċans li l-industrija tintlaqat ħażin.
Jista' l-Ministru jelenka l-ispejjeż kollha magħmula minn dan il-ministeru in konnessjoni man-Notte Gozitana kif ukoll jelenka t-tenders u direct orders maħruġa in konnessjoni ma' din l-attivita' u jindika min ħa t-tender jew direct order relattiv u l-ammont involut?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant hija kif jidher fit-tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.