Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex issir manutenzjoni fl-istreet lighting u l-bozza li tneħħiet minħabba xogħol ta' kostruzzjoni tiġi sostitwita b'bozza oħra fuq in-naħa l-oħra tat-triq fi Triq Gianni Bencini, f'Tas-Sliema?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara li titwaħħal telephone booth fi Triq Philip Pullicino, fl-Imtarfa biex taqdi l-ħtiġijiet tal-lokal fl-area in kwestjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bħalissa ma jidhirx li hemm il-ħtieġa li jitwaħħlu aktar cardphones fl-Imtarfa meta fil-preżent f'din il-lokalita' il-Maltacom għandha għaxar cardphones. Jekk fil-ġejjieni jinħass il-bżonn li jitwaħħlu aktar cardphones, allura l-post indikat ikun ikkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex tiġi solvuta l-problema tal-vultaġġ fl-area ta' Triq l-Iżbandola/Triq Ħammieri/Triq il-Biegħa/Triq l-20 ta' Settembru/Triq S. Ġorġ/Triq Aloisio, eċċ, f'Ħal Qormi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li biex titranġa l-problema ta' vultaġġ baxx li hemm fiz-zona msemmija fil-mistoqsija, diġa' sar xogħol ta' tisħiħ fuq is-sistema ta' Vultaġġ Baxx. Hemm il-ħsieb li fil-futur fl-inħawi tinbena sub-station.
Possibli l-Enemalta tieħu passi biex tneħħi wires li hemm mal-mitħna antika Ta' Birgillin li hemm fi Triq l-Għaxra ta' Settembru 1797, Żabbar li hi fi stat tajjeb iżda qed tiġi mkerrha b'bosta wires li hemm magħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37390 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' jista' jikkonferma li l-bdiewa jkollhom 80% dħul mill-prodotti tagħhom jew 60%? Jekk iva, fuq liema kriterji?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 37598 waqt is-Seduta numru 842.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37393 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' jista' jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa li fuqhom sar iċ-ċensiment imsemmi fil-budget ? Kemm minnhom kienu part-time u full-time u kemm Maltin u Għawdxin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lil-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 37598 waqt is-Seduta numru 842.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37379 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' b'referenza għaċ-ċensiment tal-Biedja msemmi fid-diskors tal-budget mill-ministru tal-Finanzi, kemm kienet l-evalwazzjoni separatament għal kull prodott f'ċifra ta' flus li kienet kalkulata għaż-żriegħ tal-ħxejjex lokali nkluż il-patata għal kull tomna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 37598 waqt is-Seduta numru 842.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37394 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' jista' jgħid kemm kien il-kalkolu tal-produzzjoni agrikola staġun, staġun, li ttieħdet fiċ-ċensiment tal-dħul tal-bdiewa sabiex irriżulta għall-gvern li l-bdiewa jaqilgħu 80% mill-produzzjoni tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 37598 waqt is-Seduta numru 842.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37379 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd u li issa ġiet riferuta lilu u ċioe' b'referenza għaċ-Ċensiment tal-Biedja msemmi fid-diskors tal-budget mill-Ministru tal-Finanzi, jista' jgħid kemm kienet l-evalwazzjoni separatament għal kull prodott f'ċifra ta' flus li kienet kalkulata għaż-żriegħ tal-ħxejjex lokali nkluż il-patata għall-kull tomna?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għad-diskors tal-Budget, nissuġġerixxi li l-mistoqsija ssir lill-Ministru tal-Finanzi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37378, jista' l-Ministru ġentilment jara li x-xogħlijiet isiru sa l-aħħar tas-sena minħabba li x-xogħol ilu pendenti s-snin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li ix-xogħol meħtieġ fil-fatt diġa' inbeda u għandu jitkompla flimkien ma' xogħolijiet oħra bħalu.
Jista' il-Ministru jgħid b'referenza għaċ-ċensiment tal-biedja msemmi fil-budget, kemm kienet l-evalwazzjoni tal-produzzjoni li ttieħdet fuq raba saqwi u bali separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 37598 waqt din l-istess Seduta.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37547?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li għalkemm minn żmien għal żmien ġieli jkollha xi nuqqas ta' xi materjal, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma xorta qiegħda twettaq l-għanijiet u l-proġetti tagħha kif ikun ippjanat. Għaldaqstant jekk hemm xi każ ta' materjal partikulari li jixtieq jkun jaf dwaru, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 37607 u cioe` jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar tliet xhur sarx tibdil fir-rental fee tal-kontijiet tat-telephone mill-kumpannija Maltacom? Jekk fl-affermattiv, x'kien dan it-tibdil?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar tlitt xhur ma kien hemm ebda tibdil fir-rental fees tal-Maltacom.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jerġa jingħata s-servizz ta' l-ilma fil-fond, 38, Triq Birkirkara, San Ġiljan peress li dan ġie skonnetjat bi żball waqt tiswijiet li kienu qed isiru?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet mgħoddija lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għall-azzjoni relattiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' laqgħat li saru separatament mill-bordijiet differenti li jaqgħu taħt ir-responsabilita` tal-Ministeru matul din is-sena?
X'proposti ġew rikmandati u liema ġew milquha u liema miċħuda u/jew għadhom pendenti.
Response (BONNICI, JOSEF)
Sakemm ma ningħatax raġuni konvinċenti 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li nitlob li jinħela ħafna ħin biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba mill-Onorevoli Interpellant fl-ewwel parti, u iżjed u iżjed, fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi t-tariffa uffiċjali għall-applikzzjoni ġdida tas-servizzi tad-dawl u ilma fil-mument? Kemm ingħataw servizzi ġodda matul din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-tariffi sabiex jingħata servizz ġdid ta' l-ilma hija ta' Lm70 għal dar u Lm35 għal flat sa distanza ta' 7 metri fiż-żewġ każi. Jekk id-distanza tkun itwal minn hekk, ikun irid isir ħlas ta' Lm10 għal kull metru jew parti minnu.
Bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ipprovdiet 2,487 servizz ġdid.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37545 u ċioe' jista' jgħid kemm persuni nqatgħatalhom is-servizz tad-dawl u ilma mill-1 ta' Jannar, 2002 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li bejn l-1 ta' Jannar u d-29 ta' Novembru ta' din is-sena, il-provvista ta' l-elettriku ġiet sospiża lil 2,766 servizz. Il-provvista ta' l-ilma ma tiġix sospiża.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 37546 u ċioe' jista' jgħid kemm kien hemm ilmenti dwar kontijiet għolja tad-dawl u l-ilma minn Settembru 1998 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tkun ippubblikata kull sena fir-Rapport Annwali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.