Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Pitkalija ta’ Malta – privatizzazzjoni jew public private partnership

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Gvern jipprivatizza l-Pitkalija ta' Malta jew inkella jifforma public private partnership biex tiġi mmexxija l-Pitkalija? Jekk fl-affermattiv, se tinħareġ xi espressjoni ta' interess jew inkella offerta? Se tibqa’ l-prassi li mill-Pitkalija jinbiegħu biss prodotti agrikoli lokali jew ikunu jistgħu jinbiegħu wkoll prodotti agrikoli importati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li m’hemm l-ebda ħsieb ta’ privitazzjoni tal-Pitkalija.

Il-Pitkalija – individwi/kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li diġà kien hemm individwi/kumpaniji li wrew interess li jieħdu taħt idejhom il-Pitkalija? Jista’ jgħid jekk dawn humiex Maltin jew inkella barranin? X'esperjenza għandhom dawn l-individwi/kumpaniji fit-tmexxija tal-Pitkalija f' Malta jew barra minn Malta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Il-Ministeru m’għandu l-ebda informazzjoni li tikkonferma dak li qed jalludi l-Onor. Interpellant.

Autoclave tal-Marsa — ħsara

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-autoclave tal-Marsa kien bi ħsara? Meta kien bil-ħsara x’ammont ta’ ġranet għamel wieqaf? Minn meta ġie inawgurat l-autoclave tal-Marsa, kemm kienet l-ispiża għall-ħsarat li rriżultawlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Autoclave tal-Marsa ġie inawgurat f’12 ta’ Jannar 2016. Kien hemm inċident darba li wassal għal waqfien temporanju ta’ waħda mil-linji li għandu l-impjant. Din il-ħsara ma swiet xejn lill-Wasteserv hekk kif l-impjant kien għadu qiegħed jiġi kkummissjonat u ir-responsabilità ta’ din l-ispiża kella tiġi kopruta mingħand il-kuntrattur, hekk kif stipulat fil-kuntratt li dan għandu mal-Wasteserv. It-tieni linja baqgħet topera mingħajr waqfien, li jfisser li qatt ma kien hemm ħsarat li waqqfu l-impjant kollu.

WasteServ — promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il promozzjoni saret fi ħdan il-WasteServ minn April 2013 ‘l hawn? X’kienu l-promozzjonijiet u meta saret is-sejħa nterna għal kull waħda? Jista jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa interna f’kull każ?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.

WasteServ — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm iddaħħlu ħaddiema mal-WasteServ minn April 2013 ‘l hawn? Jista’ jgħid f’liema gradi ddaħħlu dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid ukoll kemm temmew l-impjieg tagħhom ħaddiema minn mal-WasteServ minn April 2013 ‘l hawn ? F’liema gradi kienu dawk li temmew l-impjieg?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li mill-1 ta' April 2013 sal-15 ta' Novembru 2016 mal-WasteServ daħlu 44 impjegat f’diversi gradi fosthom Accounts Clerks, Architects, Fitters, Plant Engineers u Project Leaders. Fl-istess perjodu telqu 46 impjegat f’diversi gradi fosthom Heads of Shift, Health Attendants, Senior Tradesmen u Supervisor.

WasteServ — Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus miċ-Chairman tal-WasteServ għal titjib u rinnovazzjoni fl-uffiċċju tiegħu f’Sant’Antnin minn April 2013 ‘l hawn? Iċ-Chairman għandu uffiċċju ukoll f’impjanti oħra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li nefqa għat-titjib u rinnovazzjoni fl-uffiċċju taċ-Chairman tal-WasteServ f’Sant’Antnin minn 1 ta’ April 2013 sa 17 ta’ Novembru 2016 kien ta’ €10,146 VAT eskluż. Iċ-chairman m’ghandux uffiċċju separat għalih fl-impjant l-oħra tal-Wasteserv.

WasteServ ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li bħalissa qed iservu ma' diversi entitajiet, fergħat, stabbilimenti u intrapriżi, uffiċini u/jew dipartimenti tal-WasteServ li fil-fatt kienu u għadhom sal-lum fuq il-kotba tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew xi kumpanija sussidjarja tagħha? Jista' jagħti break down - mingħajr ismijiet - tad-diversi postijiet fejn dawn qed iservu u x'inhu x-xogħol partikolari li qed jagħmlu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Border Inspectors — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn border inspectors preżentament biex jagħmlu spezzjonijiet fuq laħam impurtat? Kemm-il spezzjoni saret xahar b'xahar f'dawn l-aħħar sentejn minn meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm tliet uffiċjali li jagħmlu spezzjonijiet fuq konsenji tal-laħam li jaslu il-Border Inspection Post (BIP). Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor Interpelant jirreferi ghat-twegiba li nghata ghal-mistoqsija 28417.

Importazzjoni ta’ Laħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm laħam impurtat xahar b'xahar f' Malta fl-aħħar sentejn u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X' tip ta' laħam ġie impurtat (ċanga, majjal, fniek, tiġieġ, eċċ.) u minn liema pajjiż? Dan il-laħam impurtat kien ippakkjat jew inkella karkassi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, Tabella A u Tabella B bl-informazzjoni mitluba.

Laħam impurtat li ma kienx konformi mar-regolamenti ta’ importazzjoni ta’ laħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm laħam impurtat li ma kienx konformi mar-regolamenti ta' importazzjoni ta' laħam, fosthom it-temperatura, il-labelling, eċċ.? Laħam impurtat li ma kienx konformi ma’ dawn ir-regolamenti, ġie ikkonfiskat mid-Dipartiment responsabbli? Kif iddispona minnu dan il-laħam il-Gvern?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Il-laħam kollu importat f’dawn l-aħħar sentejn (2015 u 2016), li ġie suġġett għall-ispezzjonijiet veterinarji fil-Border Inspection Post (BIP) kienu kollha konformi mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni kurrenti. L-ebda konsenja ta’ laħam ma’ ġiet mormija jew ntbagħtet lura mil-pajjiż li ġiet minnu.

Karkassi ta’ annimali impurtati — bejgħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li qed jiġu mibjugħa karkassi ta' annimali impurtat mhux minn ġo landing facilities li ma jkunux skont standards Ewropej, fosthom minn ġo parking areas u minn ġo għelieqi? X'passi se jieħu l-Gvern biex dan l-abbuż jieqaf immedjatament?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-importazzjoni ta’ karkassi kif ukoll prodotti tal-laħam inkluz cuts, jistgħu jidħlu biss mill-Border Inspection Post li jinstab fil-freeport fejn wara li jiġu spezzjonati, jingħataw il-clearance mid-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja u mid-Dwana. Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar snin f’Malta ma ġewx impurtati karkassi ta’ annimali, imma gew impurtati biss prodotti tal-laħam inkluż cuts. Jekk l-Onor. Interpellant jaf b’xi abbużi, huwa mitlub jgħaddi t-tali informazzjoni lid-Dipartimenti kkonċernati sabiex isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.

Laħam impurtat – informazzjoni fuq il-label

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'informazzjoni qed ikollha fuqha l-label tal-laħam impurtat? Qed isiru spezzjonijiet minn uffiċjali tad-dipartiment biex jiġi aċċertat li fuq il-label qed tingħata l-informazzjoni kollha neċessarja hekk kif jitolbu standards Ewropej?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta l-Uffiċjal Veterinarju jagħmel kontroll kemm tal-identita’ kif ukoll dak fiżiku, jivverifika l-oriġini tal-laħam billi jara li n-numru tal-approvazzjoni tal-istabiliment ikun inkluż fil-lista approvata għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropeja, u li tinstab fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni. L-uffiċjal veterinarju jara ukoll ir-rekwiziti tal-labelling jkunu mar- Regolament Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif ukoll mar-rekwiżiti tad-data tal-iskadenza u l-kundizzjonijiet tal-ħażna.

Laħam impurtat – Iċċekkjar ta’ temperatura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f' dawn l-aħħar sentejn, u sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, x'persentaġġ mil-laħam impurtat qed tiġi ċċekkjata t-temperatura? X'qed isir mil-laħam li jinstab li t-temperatura li fiha jkun maħżun tkun taqbeż is-7 gradi ċentigradi?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-temperaturi tal-laħam kollu importat f’dawn l-aħħar sentejn (2015 u 2016) ġie spezzjonat u nstab konformi mar-rekwiżiti tal-leġislazzjoni kurrenti.

Rilokazzjoni ta’ rziezet tal-baqar

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’passi ser jittieħdu u f’dan x’inhija l-pożizzjoni preżenti rigward ir-rilokazzjoni ta’ rziezet tal-baqar wara s-sentenza li ġiet mogħtija reċentement mill-Qrati tagħna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellat li s-sitwazzjoni tar-rilokazzjoni tal-irziezet tal-baqar qed tiġi studjata mill-ġdid mar-raħħala konċernati u dan fid-dawl tac-ċirkostanzi li żviluppaw dan l-aħħar wara d-deċiżjonijiet li ġew mogħtija reċentement mill-Qrati ta’ Malta u li fuqhom ma’ kellu l-ebda kontroll is-Segretarjat Parlamentari. Infakkar li d-deċizjoni li r-rilokazzjoni għal San Niklaw tat-12-il razzett konċernat ittieħdet fl-2006, fiż-żmien l-amministrazzjoni preċedenti, meta saret l-applikazzjoni għal Outline Development Permit lill-MEPA. Dan il-permess finalment ħareġ lejliet l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013 u ġie mill-ewwel ikkontestat mill-Kunsill Lokali tas-Siggiewi fost oħrajn.

Ħal Tarxien – biswit Triq San Franġisk – rimi ta’ skart illegali u vetturi

Question

Jista’ s-Segretarju Parlamentari jinforma lill-Kamra għaliex sal-lum għadhom ma ttieħdu l-ebda passi rigward ir-rimi ta’ skart illegali u vetturi li jinsabu fi triq biswit Triq San Franġisk ġewwa Ħal Tarxien?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Minsteru kkonċernat.

Magħtab — irwejjaħ

Question

Billi l-problema tal-irwejjaħ tal-Magħtab, fl-inħawi tal-madwar u wkoll iktar 'il bogħod għadha tippersisti bil-kbir, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru hux qed jieħu xi miżuri partikolari biex dawn l-irwejjaħ jiġu kkontrollati sew?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nikkonferma li qed jittiehdu miżuri b'żieda mal-miżuri li diġa’ ttieħdu mill-WasteServ, kif diġa’ ntqal fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, huma żieda fid-daily cover u użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser. Bħalissa l-Awtorità dwar l-Ambjent (ERA) qegħda f’kuntatt mal-varji operaturi li tirregola fl-inħawi tal-Għallis biex tillimita l-impatti negattivi li dawn l-operati jistgħu jkollhom fuq l-inħawi nnifishom. L-ERA ukoll tispezzjona operati li allegatament jistgħu jkollhom impatt fuq l-ambjent, meta dawn jiġu mgħarufa lilha.

siġar taż-żebbuġ fil-proprjetà tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux qed jirriżulta li bosta siġar taż-żebbuġ fil-proprjetà tal-gvern qed imutu minħabba l-għatx tas-sena li għaddiet jew minħabba xi raġuni oħra? Jekk iva, x'passi qed jittieħdu dwar dan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hu fir-responsabilita tas-sid f’dan il-każ il-Ministeru responsabbli minn talli art li jara li s-siġar ma jmutux bil-għatx. Minn stħarriġ li jwettaq id-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti biex jissorvelja l-preżenza ta’ organiżmi ta’ ħsara fit-teritorju Malti, ma riżultax li siġar taż-żebbbuġ li jinsabu fi proprjetà tal-gvern qed imutu kawża ta’ organiżmi ta’ ħsara.

Border Inspections Post – Iċċekjar ta’ laħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru border inspection posts minn fejn jidħol il-laħam impurtat biex jiġu ċċekkjati fost oħrajn it-temperatura, il-packing u l-labelling? Kemm saru minn dawn l-ispezzjonijiet fl-aħħar sentejn, xahar b'xahar, sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X'nuqqasijiet instabu u x'passi ttieħdu fil-konfront ta' min kellu dawn n-nuqqasijiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-laħam kollu importat minn pajjiżi terzi huma suġġetti għal kontrolli veterinarji fil-Border Inspection Post (BIP), li huma in regola mal-leġislazjoni kurrenti. It-tliet livelli ta’ kontrolli previsti huma; kontrol dokumentarju, kontrol tal-identita’ u kontrol fiżiku. It-temperatura, packaging u il-labelling huma parti mill-kontrol fiżiku li jsir mill-BIP. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bl-ispezzjonijiet li saru fis-snin 2015 u 2016 fejn ma nstabu l-ebda nuqqasijiet waqt dawn l-ispezzjonijiet u għaldaqstant ma ittieħdet l-ebda azzjoni. Dawn l-ispezzjonijiet saru mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea 97/78/KE u l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 437.46.

Ħad-Dingli u r-Rabat – riħa ta’ ħruq ta’ plastik

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi investigata r-raġuni għalfejn qiegħed ikun hemm riħa qawwija ta' ħruq ta' plastik fl-inħawi ta’ bejn ir-Rabat u Ħad Dingli?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba għal investigazzjoni intlaqat pero’ sabiex jiġi nvestigat rapport ta’ din in-natura, hija meħtieġa iżjed informazzjoni li tista’ tigwida din l-investigazzjoni, b’mod partikolari, dati u ħinijiet ta’ meta tiġi innotata din ir-riħa u indikazzjoni ta’ fejn, f’din iż-żona wiesgħa, qed tinxtamm din ir-riħa.