Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — xogħol lil kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-perijodu 1998 u Marzu 2013? Jista' jgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b'direct order jew tender u kemm kienet l-ispiza għal kull każ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u kif hu maħsub li l-Ministeru tiegħu, flimkien mal-entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità tiegħu, mistennija jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea fl-2014, ġejjin minn liema programm ġejjin?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014 - 2020. Fl-istess waqt għaddejja ħidma fuq il-Programmi ta’ Operazzjoni. Huwa wara li jitlesta dan il-proċess meta l-Awtorita’ ta’ Ġestjoni tibda’ toħroġ is-sejħiet għal proġetti u inizjattivi.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li ltaqgħu minn Marzu ta’ din is-sena sad-data li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Marzu ‘l hawn iltaqgħu l-Bordijiet tad-Diretturi tal-entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru.

Enemalta – ħaddiema li se jiġu redundant

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4629, jista’ l-Ministru jgħid fejn se jiġu rilokati l-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta appena tagħlaq il-power station tal-Marsa u Delimara Phase I?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan isir permezz ta’ pjan tal-Enemalta b’konsultazzjoni mal-unions.

MRA — rapport dwar it-taħlit tad-diesel

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport li ħejjiet l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi (MRA) dwar it-taħlit tad-diesel b' % ta' bio diesel?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-Avviż Legali 68 ta' 2011, Skeda 6 Regola 33.

ħsarat f’kanna tal-ilma – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li għandha ħsarat f’kanna tal-ilma?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għamlet kuntatt mal-konsumatur u ġiet identifikata l-problema.

Enemalta — communications manager

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx sejħa interna għal post ta’ communications manager tal-Korporazzjoni Enemalta? Jista’ jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li jidher li qed jokkupa din il-pożizzjoni hux impjegat mal-Korporazzjoni Enemalta? Jekk mhux impjegat, kif ġie magħżul? Xi kwalifiki għandu? Jista’ jpoġġi kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija huwa impjegat mal-Korporazzjoni. Il-persuna huwa kkwalifikat f’Baċellerat fil-Komunikazzjoni u għandu 13-il sena esperjenza fil-ġurnaliżmu, komunikazzjoni u relazzjonijiet pubbliċi. Għal dawn l-aħħar tliet snin, il-persuna msemmija kienet qed taħdem fi rwol simili, ma’ entità governattiva oħra.

Enemalta – testijiet ta’ kwalità tal-fuel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jsiru tests fuq il-kwalità tal-fuel li tqassam il-Korporazzjoni Enemalta fil-petrol stations? Peress li fil-ġurnali ġie rrappurtat li fil-11 t’Ottubru saru tests fuq il-kwalità tad-diesel, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sample ttieħed dakinhar u minn kemm-il bowser? Jista’ jgħid liema kumpanija għamlet dawn it-testijiet u f’liema laboratorju/i ttieħdu dawn is-samples? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta’ dawn is-samples?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta tagħmel testijiet fuq kwalità kull meta jirċievu kunsinna ta’ fuel ġdida. Barra minn hekk isiru testijiet kull meta tinħass il-ħtieġa li jsir dan. Fil-11 t’Ottubru saru testijiet fuq kampjun ta’ dies el meħud minn Tank Numru 1, liema tank kien qiegħed jintuża biex jgħabbi l-bowsers kollha. Ir-riżultat ikkonferma li d-diesel kien skont l-ispeċifikazzjonjiet Ewropej. Dawn it-testijiet saru mill-Kumpanija Inspectorate fil-laboratorju tagħha.

MRA – testijiet fuq il-kwalità tad-diesel

Question

Peress li fil-ġurnali ġie rrappurtat li l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi għamlet fuq il-kwalità tad-diesel li jitqassam fil-petrol stations, jista’ jgħid kemm-il sample ttieħed u meta ttieħdu? Jista’ jgħid liema kumpanija għamlet dawn it-tests u f’liema laboratorju/i ttieħdu dawn is-samples? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ir-riżultati ta’ dawn is-samples?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tests saru mill-kumpaniji Inspectorate Malta Ltd u Saybolt Malta Ltd.

kontijiet tad-dawl u tal-ilma – ekoriduzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm bidliet f'dik li hi l-ekoriduzzjoni fil-kontijiet tad-dawl u ta l-ilma? Kif inhu mistenni li tinbidel din l-istess riduzzjoni, matul iż-żmien li ġej?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bir-roħs fit-tariffi tad-dawl u ilma, il-konsumaturi xorta se jibqgħu jibbenefikaw mill-ekoriduzzjoni.

Sa Maison – ilment rigward irwejjaħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minħabba l-irwejjaħ esaġerati li qed ikun hemm f'Sa Maison? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm rapporti formali dwar dan, kemm minn individwi, kif ukoll minn entitajiet governattivi? Fil-każ tal-entitajiet governattivi, jista' jagħti tagħrif dwar liema kienu dawn l-entitajiet u meta saru r-rapporti li għamlu?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel l-investigazzjoni meħtieġa biex tasal għal kawża propja ta' dawn l-irwejjaħ.

Awtorita' ta' Malta għar-Riżorsi – proposti dokumentati

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' liema organizzazzjonijiet jew awtoritajiet, l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi ltaqgħet qabel ma ħarġet il-proposti tagħha fid-dokument imsejjaħ "Reform of the LPG Market Structure - Door to Door Distribution and Retail of LPG Cylinders"? Jista' jgħid kemm kien hemm laqgħat f'kull każ?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi iltaqgħet diversi drabi b’mod informali ma’ numru ta’ entitajiet jew rappreżentanti tagħhom fosthom: · Rappreżentanti tad-distributuri tal-gass/GRTU · Rappreżentanti tad-distributuri tal-gass/Dedicated · Operaturi fis-suq tal-LPG · MSDC · State Aid Monitoring Board · Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma

MRA – Reform of the LPG Market Structure — ċilindri tal-gass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk skont il-proposti maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi msejħa Reform of the LPG Market Structure – Door to Door distribution and retail of LPG Cylinders, il-konsumaturi humiex se jkollhom id-dritt li jagħżlu ċ-ċilindri tal-gass mingħand id-distributur tal-għażla tagħhom?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proposti qegħdin għal konsultazzjoni pubblika. Wara l-konsultazzjoni l-pożizzjoni tal-MRA tiġi ppubblikata. Is-servizz lill-konsumatur huwa prijorità.

MRA – Distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema se jkunu l-benefiċċji li se jiggwadanjaw il-konsumaturi bil-proposta maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi rigward id-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass?

Response (MIZZI, KONRAD)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-proposti tal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi – Public Consultation – Reform of the LPG Market Structure – The Door to Door Distribution and Retail of LPG Cylinders. Kopja ta’ din il-konsultazzjoni pubblika qegħdha fuq il- website tal-Awtorità. Il-proposta tal-Awtorità telenka fid-dettall il-benefiċċji għall-konsumatur.

MRA – importazzjoni u bejgħ tal-LPG

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi għamlitx anali¿i ekonomika tas-suq tal-importazzjoni u bejgħ tal-LPG u tas-suq tad-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass tal-LPG? Jekk tali analiżi saret, tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta għar-Riżorsi għamlet l-analiżi ekonomika msemmija. Wara li tispiċċa l-konsultazzjoni pubblika, il-pożizzjoni dettaljata tal-MRA titpoġġa fuq il-website tal-Awtorità.

Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma – konsulenti legali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jagħtu konsulenza legali lill-Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu? Kemm qed jitħallsu ta’ dan ix-xogħol? Jista’ jpoġġi l-kuntratti tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulent legali tal-MECW huwa Dr Aron Mifsud Bonnici.

Sistema tad-drenaġġ — każ ta' indiviwu

Question

Jista' l-Ministru jara li titġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha ilment rigward sistema tad-drenaġġ mhux kompluta?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija ġiet ikkuntatjata.

Barrieri tal-ġebel tal-franka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn barrieri tal-ġebel tal-franka li għadhom qed jiffunzjonaw? Kemm kienet il-produzzjoni annwali tal-ġebla tal-franka tul dawn l-aħħar ħames snin? Kemm-il barriera waqfet tiffunzjona dawn l-aħħar ħames snin?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' barrieri li kellhom liċenzja tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi fis-sena 2013 kien ta' 56, filwaqt li fis-sena 2009 l-ammont kien ta' 57. L-Awtorità m'għandiex informazzjoni fuq il-produzzjoni annwali tal-ġebla tal-franka.

Households u ażjendi bil-pannelli fotovoltajiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn households privati, ażjendi privati u stabbilimenti jew proprjetà tal-Gvern li għandhom pannelli fotovoltajiċi? Xi kwantità ta’ megawatts jipproduċu kull sena (lista għal kull sena)? X’inhu l-perċentwali li qed jiġi ġġenerat vis-à-vis il-bżonn annwali ta’ megawatts fil-pajjiż?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

L-Imġarr (Malta) – tiswija ta’ lanterni

Question

Jista’ l-Ministru jara illi jissewwew il-lanterni tad-dawl li jinsabu fit-triq li minn Wied il-Qlejja tagħti għall-Imġarr bejn ir-roundabout sal-lights ta’ ħdejn l-Iskola San Andrea?

Response (MIZZI, KONRAD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq li qed jirreferi għaliha taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta.