Legislature:
Category:
Reset
Active:

Solar Water Heaters

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Enemalta qed tagħti tlett xhur biss ċans minn mindu jitwaħħal servizz ġdid biex il-familji jwaħħlu solar water heaters ħalli jkunu jistgħu jibbenefikaw minn refund fuq il-meter tad-dawl u l-ilma? Ma jaħsibx li koppji żgħażagħ li jkunu qed jirranġaw d-dar fejn joqogħdu ikollhom bżonn servizz tad-dawl minn qabel ma jidħlu fid-dar tagħhom u ma jkunux jistgħu jwaħħlu s-solar water heater minn qabel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Barranin li jaħdmu t-Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 27513, 27341, 27197 u 27797 u jgħid minn mindu sar ir-restructuring tat-Tarzna, kemm ħaddiema nġiebu minn barra biex jaħdmu bil-kuntratt? Ta' liema nazzjonalita huma? Kemm tħallsu fis-siegħa tul il-kuntratt? Kemm huwa l-ammont totali li tħallsu lil dawn il-barranin? Kemm huwa kkalkulat li t-Tarzna ffrankat bis-saħħa ta' dawn l-impjegati barranin?

Response (GATT, AUSTIN)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba. Ninsab infurmat li dawn il-ħaddiema, inġiebu minn l-Ingilterra, il-Bulgaria, il-Filippini, il-Polonja kif ukoll mir-Rumanija. Ir-rata ndividwali mħallsa kull siegħa lil dawn il-ħaddiema hija xi ħaga li tiġi miftehma bejn min qed iħaddem lil dawn il-ħaddiema (f’ dan il-każ, il-prinċipal barrani tagħhom), u l-ħaddiema nfushom. Il-ħaddiema jitħallsu direttament mill-Aġenzija barranija li jkunu ngaġġati minna. Għalhekk il-Malta Shipyards ma tkunx taf kemm attwalment kien l-ammont ta’ flus li tħallsu dawn il-ħaddiema. It-tarznari jimpjegaw ħaddiema barranin biss fuq bażi ta’ meta dawn ikun hemm bżonnhom; f’ dawk is-snajja speċifiki li jkun hemm bżonn, sabiex jitlesta ammont ta’ xogħol temporanju, li ma jkunx jista’ jsir mill-ħaddiema tat-tarznari, minħabba nuqqas ta’ ħaddiema f’ dik is-sengħa partikulari. Din is-sitwazzjoni tinħoloq minħabba li jkun hemm żieda ta’ kuntratti u turnover li t-tarzna jirnexxiela tikseb.

San Ġwann — Electricity wiring system

Question

Tista' l-korporazzjoni Enemalta tieħu passi dwar electricity wiring systemli jisparkja fi Triq Ħal Għargħur, San Ġwann qrib ir-residenza tal-familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Ninsab informat li dan l-ilment allegatament ġie rappurtat diversi drabi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

MITI — Rapporti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkummisjonati rapporti fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2007 u f'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'kien l-għan/skop ta' kull rapport separatament, minn min sar u jekk sewa flus kemm kienet l-ispiża separatament? Jista' jgħid jekk hemmx minn dawn ir-rapport li ġew konklużi?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ħal Farruġ — Bini ta' fabbriki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-oġġezzjonijiet li kienu ressqu r-residenti minn Ħal Farruġ dwar il-fatt li qed jingħataw permessi għall-bini ta’ fabbriki prattikament mad-djar tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

MITI — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq servizzi ta' konsulenti ( kemm servizzi minn individwi jew kumpaniji) fil-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul ix-xahar ta' Jannar, Frar u Marzu 2007? Jista' jagħti d-dettalji ta' min kienu l-konsulenti u kemm tħallsu kull wieħed separat, x'tip ta' servizz taw u min approva t-tali spiża f'kull każ separat?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MITI — Servizz ta' l-internet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq is-servizz tal-internet provdut fir-residenzi tal-uffiċjali tal-Ministeru, dekasteru u enti tiegħu matul Jannar, Frar u Marzu 2007 separatament uffiċjal b'uffiċjal u xahar b'xahar? Jista' jgħid min hu l-ISP f'kull każ separat?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ricasoli — Fabbriki

Question

B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27801, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-fabbriki li ġew rilokati minn Ricasoli, inkluż taż-żewġ kumpanniji li ma ġewx rilokati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-fabbriki li ġew rilokati minn Ricasoli huma dawn: 1. F.X. Enterprises Co Ltd 2. Windmill Aluminium Co. Ltd. 3. Melita Power Diesel Ltd. 4. Ellul (Holdings) Ltd. 5. Highland Enterprises Ltd. 6. Macpherson Med. Ltd. 7. Skat Limited 8. Sargent & Best Limited 9. General Gas Limited 10. CGL Oil Blenders Limited 11. The House of Detergents Ltd 12. Allchem Limited 13. SM (Cables) Limited 14. Blye Engineering Co Ltd 15. AJD Tuna Limited 16. Medistone Limited Filwaqt li dawn il-fabbriki ma nħassitx il-ħtiega li jiġu rilokati: 1. Paper Malta Limited 2. Packprint Limited

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Taxxi, tariffi u miżati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema kienu t-taxxi, it-tariffi jew il-miżati li ddaħħlu jew ġew riveduti (kemm jekk għolew kif ukoll jekk raħsu) minnu, mid-dipartimenti jew mill-awtoritajiet, istituzzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħtu bejn Jannar u Settembru 2007? Jista' jindika wkoll kemm kienu qabel ma għolew u kemm saru wara li għolew?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għawdex — Impjant għat-trattament tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid: *X'persentaġġ tal-bini ta' strutturi fuq is-sit għat-twaqqif ta' l-impjant għat-trattament tad-drenaġġ f'Għawdex tlesta s'issa u meta hu mistenni li jitlesta kollu? *Kemm mill-apparat/makkinarju ġie stallat u meta hu mistenni jkun stallat kollu? *Meta mistenni jiġi kkummissjonat l-impjant? *Meta mistenni jitlestew it-tankijiet kollha? *Meta mistenni jibda jaħdem il-proġett kollu? *Kemm tħallsu flus b'kollox kull sena s'issa fuq dan il-proġett? *Lil min tħallsu? *Kemm hu l-ammont ta' fondi kommessi s'issa għan-nefqa u għadhom ma tħallsux? *Għal xiex inhuma kommessi dawn il-fondi u meta ġew kommessi? *Meta mistennija jitħallsu u lil min? *X'ammonti għadhom iridu jiġu kommessi? *Għal xiex għad iridu jiġu kommessi? *X'invoices hemm li ġew ipproċessati u għadhom ma tħallsux? *X'invoices hemm li għadhom ma ġewx ipproċessati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Sta. Luċija — Arblu tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li jitneħħa arblu li jinsab fit-triq bejn Trejqet iż-Żahar u Post il-Gladjoli, Sta. Luċija fejn qed nibgħat separatament petizzjoni li saret mir-residenti ta' dan il-lokal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li l-arblu msemmi ma' jaqax taħt ir-responsabbilita tal-Enemalta.

Arblu tad-Dawl

Question

Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li kellu jsir żmien ilu sabiex jitneħħa arblu tad-dawl li huwa perikoluż u li huwa meħtieġ li jitneħħa sabiex isir xogħol ta' kostruzzjoni fil-post li qed jingħata separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mir-records tal-Enemalta ma' saret l-ebda talba sabiex l-arblu msemmi jitneħħa ħalli jsir xogħol ta' kostruzzjoni fis-sit imsemmija. Il-propjetarju tal-post għandu japplika lil Enemalta Customer Care fuq formola aposta.

Air Malta — Bejgħ ta' aircrafts

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27395 u ċioe': Billi tħabbar li l-Air Malta biegħat l-RJ Aircrafts li xtrat bejn l-1994 u l-1996, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kienu nxtraw u b'kemm inbiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li originarjament, il-flotta ta’ 7 AVRO Regional Jets inxtrat bejn l-1994 u l-1996 għas-somma totali ta’ LM69,353,000. L-ammont ta’ deprezzament ( depreciation) fuq is –seba ajruplani tul il-perijodu 1994-2002 kien ta’ Lm21,273,000. Fis-sena 2002 dawn l-ajruplani gew mibjugħa b’Sale and Leaseback lill-kumpanija Ron Ltd li kienet iffinanzjata minn konsorzju ta’ banek mmexxija mill-HSBC. B’din it-transazzjoni ta’ Sale and Leaseback l-Air Malta daħħlet Lm24,989,000 u ħadet lura il-flotta b’kiri (operating lease) ta’ hames snin u nofs. Il-kera li hallset taht din l-operating lease sa meta dawn inxtraw lura biex reggħu nbiegħu bejn is-sena 2005 u 2007 ammontat għal Lm11,692,000. Id-dħul totali mill-kera ta’ dawn l-ajruplani li għamlet l-Air Malta tul il-perjodi mindu inxtraw fis-snin 1994-6 sakemm inbiegħu fis-snin 2005-07 kien ta’ Lm37,715,000. Meta daħlet f’dan l-arrangament, l-Air Malta żammet id-dritt li tixtri lura l-arjuplani meta u jekk jidhrilha bi prezz li jitnaqqas bl-element kapitali tal-lease rentals li kellhom jitħallsu kull xahar. Is-somma globali li nġabret mill-bejgħ finali ta’ l-ajruplani (2005-2007) kienet ta’ Lm13,166,000. Il-prezz li bih dawn l-stess ajruplani inxtraw lura minn Ron Ltd kien ta’ Lm12,067,000. L-ammont totali li dahhlet l-AirMalta min fuq dawn l-ajruplani min kirjiet u bejgh kien ta’ Lm75,870,000